Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (minbarra d-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Marzu 2020

13 ta’ Marzu 2020

Komunikazzjoni esterna

Prekawzjonijiet operazzjonali relatati mal-coronavirus

Fl-4 ta’ Marzu 2020 il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) ħareġ stqarrija għall-istampa b’dettalji dwar firxa ta’ miżuri ta’ prekawzjoni operazzjonali biex jittaffew ir-riskji potenzjali assoċjati mat-tixrid tal-coronavirus, COVID-19. B'mod partikolari, dawn il-miżuri huma maħsuba għall-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà tal-istaff u l-viżitaturi u biex tiġi żgurata l-kontinwità tal-operazzjonijiet tal-banek ċentrali, biex b’hekk jitnaqqas kemm jista’ jkun l-impatt ta’ xkiel li kwalunkwe limitazzjoni ta’ dawn l-operazzjonijiet jista’ jkollha fuq l-ekonomija. B’konformità mal-passi meħuda f'organizzazzjonijiet internazzjonali simili u fis-settur finanzjarju kollu, dawn il-miżuri jimponu restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar, żjarat fil-bini tal-BĊE u konferenzi u avvenimenti organizzati mill-BĊE sal-20 ta’ April 2020, meta s-sitwazzjoni terġa’ tiġi valutata. Tagħrif aktar dettaljat jinsab fl-istqarrija għall-istampa. Dan it-tagħrif se jiġi aġġornat kif ikun meħtieġ. Barra dan, bil-ħsieb li jiġi limitat l-għadd ta’ laqgħat ma’ numri kbar ta’ parteċipanti u r-riskji assoċjati mas-safar, il-laqgħat tad-Djalogu tal-Industrija Bankarja u l-Kunsill Ġenerali li kienu skedati għall-1 u t-2 ta’ April rispettivament ġew imħassra.

Politika monetarja u l-operazzjonijiet tas-suq

Mizuri tal-politika monetarja meħuda fit-12 ta’ Marzu 2020

Fit-12 ta’ Marzu 2020 Il-Kunsill Governattiv iddeċieda dwar pakkett komprensiv ta’ miżuri tal-politika monetarja biex isostni l-kundizzjonijiet tal-likwidità u l-finanzjament għall-familji, in-negozji u l-banek u li se jgħinu biex tinżamm provvista ta’ kreditu bla xkiel lill-ekonomija reali. Dan il-pakkett jinvolvi t-tmexxija temporanja ta’ operazzjonijiet addizzjonali ta’ rifinanzjament fuq żmien itwal (LTROs), bl-applikazzjoni ta’ termini iżjed favorevoli tul il-perijodu minn Ġunju 2020 sa Ġunju 2021 għall-operazzjonijiet kollha tat-TLTRO III pendenti tul dak l-istess żmien, u żieda ta’ pakkett temporanju ta’ xiri nett addizzjonali ta’ assi ta’ €120 biljun sal-aħħar tal-2020. Tagħrif iżjed dettaljat dwar dawn id-deċiżjonijiet jinsab fi tliet stqarrijiet għall-istampa relatati li huma disponibbli fuq il-websajt tal-BĊE.

Infrastruttura tas-swieq u ħlasijiet

Aġġornamenti għad-dokumentazzjoni dwar il-mudell tal-attività bankarja ċentrali korrispondenti

Fil-5 ta’ Marzu 2020 il-Kunsill Governattiv approva aġġornament tal-proċeduri tal-mudell tal-attività bankarja ċentrali korrispondenti (CCBM) għall-kontropartijiet tal-Eurosistema (il-“Ktejjeb tas-CCBM”) u l-pubblikazzjoni tiegħu fil-websajt tal-BĊE, flimkien ma’ anness tekniku aġġornat imsejjaħ “CCBM information for counterparties - summary of legal instruments used in the euro area” (Tagħrif tas-CCBM għall-kontropartijiet – ġabra fil-qosor tal-istrumenti legali li jintużaw fiż-żona tal-euro). Dan l-aġġornament annwali kien jinvolvi biss emendi fattwali żgħar. Iż-żewġ dokumenti jinsabu fil-websajt tal-BĊE.

Governanza korporattiva

Membru ġdid tal-Bord tal-Infrastruttura tas-Swieq

Fit-28 ta’ Frar 2020 il-Kunsill Governattiv ħatar lis-Sur Livio Tornetta, Viċi Direttur Ġenerali għas-Sistemi tas-Swieq u l-Pagamenti tal-Banca d’Italia, bħala membru tal-Bord tal-Infrastruttura tas-Swieq b’effett immedjat sal-31 ta’ Mejju 2022.

Statistika

Linja Gwida li temenda Linja Gwida dwar il-proċeduri għall-ġbir ta’ dejta tal-kreditu granulari u tar-riskju tal-kreditu

Fil-21 ta’ Frar 2020 il-Kunsill Governattiv adotta l-Linja Gwida BĊE/2020/11 li temenda l-Linja Gwida (UE) 2017/2335 dwar il-proċeduri għall-ġbir ta’ dejta tal-kreditu granulari u tar-riskju tal-kreditu (“AnaCredit”). L-iskop tal-Linja Gwida emendatorja hu li jiġi stabbilit qafas biex il-banek ċentrali nazzjonali jkunu jistgħu jipparteċipaw f’arranġamenti għall-kondiviżjoni ta’ sottogruppi ta’ dejta AnaCredit, biex jiġu stabbiliti jew jissaħħu linji ta’ rispons għall-aġenti li jirrappurtaw, bil-għan li tiġi skambjata dejta armonizzata u komparabbli. Il-Linja Gwida se tiġi pubblikata fil-websajt tal-BĊE.

Konsultazzjoni pubblika dwar abbozz ta’ Regolament tal-BĊE li jemenda r-Regolament BĊE/2013/43 dwar l-istatistika tal-pagamenti

Fl-24 ta’ Frar 2020 il-Kunsill Governattiv approva t-tnedija ta’ konsultazzjoni pubblika dwar abbozz ta’ Regolament li jemenda r-Regolament BĊE/2013/43 dwar l-istatistika tal-pagamenti. L-emendi proposti huma maħsuba biex jissodisfaw ħtiġijiet importanti ġodda għall-utenti fir-rigward tal-politika tal-pagamenti u s-sorveljanza ta’ strumenti, sistemi u skemi tal-pagamenti kif ukoll għall-analiżi tal-kummerċ transkonfinali u t-tbassir ekonomiku, u jinkorporaw bidliet dovuti għall-iżviluppi reċenti fis-swieq tal-pagamenti individwali u fil-leġiżlazzjoni tal-UE. L-emendi proposti ġew soġġetti għal proċedura ta’ merti u spejjeż imwettqa mill-Eurosistema/Kumitat tal-Istatistika tas-SEBĊ f’kooperazzjoni mill-qrib mal-utenti, l-industrija bankarja u, fir-rigward tal-ġbir ta’ statistika dwar il-frodi, mal-Awtorità Bankarja Ewropea. Il-materjal relatat ma’ din il-konsultazzjoni pubblika li tibqa’ għaddejja sad-9 ta’ April 2020 jinsab fil-websajt tal-BĊE.

Karti tal-flus

Revoka tal-Linja Gwida BĊE/2012/16 dwar l-Iskambju ta’ Dejta għal Servizzi tal-Flus Kontanti

Fil-5 ta’ Marzu 2020 il-Kunsill Governattiv adotta l-Linja Gwida BĊE/2020/12 li tħassar il-Linja Gwida BĊE/2012/16 dwar l-Iskambju ta’ Data għal Servizzi tal-Flus Kontanti, interfaċċa stabbilita mill-Eurosistema biex jiżdiedu kemm jista’ jkun l-effiċjenza u l-armonizzazzjoni tat-tranżazzjonijiet tas-servizzi tal-flus kontanti bejn il-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro u l-klijenti tagħhom. Fid-dawl tal-fatt li din il-funzjoni ma ntużatx, iżda xorta waħda baqgħet tqum ħafna flus, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jwaqqafha. Il-Linja Gwida tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Superviżjoni bankarja

Rapport Annwali tal-BĊE dwar l-attivitajiet superviżorji 2019

Fl-4 ta’ Marzu 2020 il-Kunsill Governattiv adotta r-Rapport Annwali tal-BĊE dwar l-attivitajiet superviżorji 2019, imħejji skont l-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 (ir-“Regolament MSU”), u awtorizza l-pubblikazzjoni u t-trażmissjoni tiegħu lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Eurogrupp, u lill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri parteċipanti. Ir-rapport għandu jiġi pubblikat fil-websajt tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE nhar fid-19 ta' Marzu 2020, wara l-preżentazzjoni tiegħu mill-President tal-Bord Superviżorju lill-Parlament Ewropew f'dak l-istess jum.

Miżuri superviżorji relatati mal-coronavirus

Fit-12 ta’ Marzu 2020 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta tal-Bord Superviżorju biex joħroġ stqarrija għall-istampa li tiġbed l-attenzjoni għall-miżuri superviżorji meħuda biex jiġi pprovdut kapital temporanju u taffija operazzjonali b’reazzjoni għall-imxija tal-coronavirus, biex il-banek soġġetti għas-superviżjoni diretta tal-BĊE jkunu jistgħu jibqgħu jaqdu r-rwol tagħhom fil-finanzjament tal-ekonomija reali. L-istqarrija għall-istampa tinsab fis-sit tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja