Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (minbarra d-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)
Marzu 2019
Politika monetarja
Konformità tal-banek ċentrali mal-projbizzjonijiet fuq il-finanzjament monetarju u l-aċċess privileġġat
Fl-20 ta’ Marzu 2019, bi qbil mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) li jattribwixxi l-kompitu lill-BĊE li jissorvelja l-konformità tal-banek ċentrali tal-UE mal-projbizzjonijiet imsemmijin fl-Artikoli 123 u 124 tat-TFUE u r-Regolamenti relatati, il-Kunsill Governattiv approva r-rapport dwar il-konformità għas-sena 2018. Tagħrif ieħor dwar dan jinsab f’taqsima speċifika tar-Rapport Annwali 2018 tal-BĊE li se jiġi pubblikat fil-websajt tal-BĊE fl-1 ta’ April 2019.
Komunikazzjoni esterna
Bidla tal-akronimu għar-rata ta’ żmien qasir tal-euro għal €STR u t-tħabbir ta’ data tal-bidu
Fit-12 ta’ Marzu 2019 il-BĊE ħabbar id-deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv li jibdel l-akronimu għar-rata ta’ żmien qasir tal-euro minn “ESTER” għal “€STR” b’effett immedjat, u speċifika li l-preparazzjonijiet tekniċi għall-użu tar-rata tal-euro għal żmien qasir jistgħu jibdew. Fl-14 ta’ Marzu 2019 il-BĊE ħabbar li se jippubblika l-€STR għall-ewwel darba fit-2 ta’ Ottubru 2019, li jirrifletti l-attività tal-kummerċ fl-1 ta’ Ottubru 2019. Huwa ddikjara wkoll li se jipprovdi l-kalkolu ta’ spread ta’ darba bejn l-€STR u l-EONIA, skont il-metodoloġija rrakkomandata mill-Grupp ta’ Ħidma dwar ir-Rati Ħielsa mir-Riskju tal-Euro. L-istqarrijiet għall-istampa relatati jinsabu fil-websajt tal-BĊE.
Rapport Annwali tal-BĊE 2018
Fil-15 ta’ Marzu 2019 il-Kunsill Governattiv adotta r-Rapport Annwali tal-BĊE 2018, li se jiġi ppreżentat lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tal-Parlament Ewropew u li se jkun disponibbli fil-websajt tal-BĊE bi 22 lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ April 2019.
Operazzjonijiet tas-suq
Aċċettazzjoni ta’ fornitur ta’ għodda ta’ klassifikazzjoni ta’ parti terza taħt l-ECAF
Fit-28 ta’ Frar 2019 il-Kunsill Governattiv aċċetta l-applikazzjoni tal-CRIF Ratings S.r.l. li ssir fornitur ta’ għodda ta' klassifikazzjoni ta’ parti terza taħt il-qafas tal-valutazzjoni tal-kreditu tal-Eurosistema (ECAF), ibbażat fuq l-evalwazzjoni tagħha tal-konformità tal-għodda tal-klassifikazzjoni mal-kriterji ta' aċċettazzjoni tal-ECAF. Il-lista aġġornata ta’ fornituri ta’ għodod ta’ klassifikazzjoni minn partijiet terzi hija disponibbli fuq il-websajt tal-BĊE.
Infrastruttura tas-swieq u ħlasijiet
Migrazzjoni SEPA – rapport tal-valutazzjoni tal-impatt
Fit-22 ta’ Frar 2019, il-Kunsill Governattiv ħa nota tar-rapport tal-valutazzjoni tal-impatt dwar il-migrazzjoni għaż-Żona Unika ta’ Pagamenti F’Euro (SEPA) trasferimenti ta’ kreditu u d-debiti diretti u approva l-pubblikazzjoni tiegħu fuq il-websajt tal-BĊE.
Tagħrif aġġornat għad-dokumentazzjoni dwar il-mudell tal-attività bankarja ċentrali korrispondenti (CCBM)
Fil-15 ta’ Marzu 2019 il-Kunsill Governattiv approva aġġornament tal-proċeduri tal-mudell tal-attività bankarja ċentrali korrispondenti (CCBM) għall-kontropartijiet tal-Eurosistema (“Ktejjeb tas-CCBM”) u l-pubblikazzjoni tiegħu fil-websajt tal-BĊE, flimkien ma' anness tekniku msejjaħ “CCBM information for counterparties – summary of legal instruments used in the euro area” (Tagħrif tas-CCBM għall-kontropartijiet – ġabra fil-qosor tal-istrumenti legali li jintużaw fiż-żona tal-euro), li ġie aġġornat ukoll f'dan is-sens. Dan l-aġġornament annwali kien jinvolvi biss emendi fattwali żgħar. Iż-żewġ dokumenti emendati jinsabu fil-websajt tal-BĊE.
Irtirar tar-Rakkomandazzjoni tal-BĊE għall-emenda tal-Artikolu 22 tal-Istatut
Fl-20 ta’ Marzu 2019 il-Kunsill Governattivi iddeċieda li jirtira r-Rakkomandazzjoni tal-BĊE għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda l-Artikolu 22 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew. Stqarrija għall-istampa f’dan ir-rigward tinsab fil-websajt tal-BĊE.
Opinjonijiet dwar leġiżlazzjoni
Opinjoni tal-BĊE dwar ordnijiet tal-qorti għall-pussess ta’ residenzi privati prinċipali fl-Irlanda
Fit-18 ta’ Frar 2019 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2019/8 wara talba tad-Dipartiment Irlandiż tal-Ġustizzja, Ugwaljanza u Riforma tal-Liġi.
Opinjoni tal-BĊE dwar abbozz ta’ liġi għall-protezzjoni ta’ residenzi prinċipali fil-Greċja
Fis-27 ta’ Frar 2019 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2019/9 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi Grieg.
Opinjoni tal-BĊE dwar it-twaqqif ta’ bord makroprudenzjali fi Spanja
Fit-28 ta’ Frar 2019 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2019/10 wara talba minn Banco de España, f’isem is-Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Appoġġ għan-Negozju.
Governanza korporattiva
Opinjoni tal-Kunsill Governattiv dwar Rakkomandazzjoni tal-Kunsill fir-rigward tal-ħatra ta’ membru tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew
Fis-6 ta’ Marzu 2019 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2019/11fuq Rakkomandazzjoni tal-Kunsill fir-rigward tal-ħatra ta’ membru tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew
Presidenza tal-Kumitat għall-Iżvilupp Organizzattiv
Fis-6 ta’ Marzu 2019 il-Kunsill Governattiv ħatar lis-Sur Michael Diemer, Uffiċjal Kap tas-Servizzi tal-BĊE, bħala President tal-Kumitat għall-Iżvilupp Organizzattiv, b'effett mill-15 ta’ Marzu 2019.
Superviżjoni bankarja
Sanzjoni tal-BĊE għal ksur ta’ limiti għal skoperturi kbar
Fil-15 ta’ Frar 2019 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju li timponi penali amministrattiva fuq Sberbank Europe AG għal ksur ta’ limiti għal skoperturi kbar fl-2015. Tagħrif iżjed dettaljat jinsab fi stqarrija għall-istampa relatata ppubblikata fil-websajt tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.
Deċiżjoni tal-BĊE dwar is-sinifikat ta’ istituzzjoni ta’ kreditu taħt superviżjoni
Fl-1 ta’ Marzu 2019 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta tal-Bord Superviżorju biex ibiddel l-istatus tas-sinifikat ta’ AS PNB Banka wara talba mill-awtorità superviżorja nazzjonali Latvjana. Sussegwentement ġiet ippubblikata stqarrija għall-istampa relatata fil-websajt tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.
Rapport Annwali tal-BĊE dwar l-attivitajiet superviżorji 2018
Fit-8 ta’ Marzu 2019 il-Kunsill Governattiv adotta r-Rapport Annwali tal-BĊE 2018 dwar l-attivitajiet superviżorji, imħejji skont l-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 (“Regolament MSU”), u awtorizza l-pubblikazzjoni u t-trażmissjoni tiegħu lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Eurogrupp, u lill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri parteċipanti. Ir-rapport ġie ppubblikat fil-websajt tas-sorveljanza bankarja tal-BĊE nhar il-Ħamis, il-21 ta' Marzu 2019, wara l-preżentazzjoni tiegħu mill-President tal-Bord Superviżorju lill-Parlament Ewropew f'dak il-jum.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja