Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (minbarra d-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)
April 2018
Infrastruttura tas-suq u pagamenti
Tnedija ta' konsultazzjoni pubblika dwar l-abbozz ta' aspettattivi dwar is-sorveljanza tar-reżistenza ċibernetika
Fis-6 ta' April 2018 il-Kunsill Governattiv approva t-tnedija ta' konsultazzjoni pubblika dwar l-abbozz ta' aspettattivi dwar is-sorveljanza tar-reżistenza ċibernetika għall-infrastrutturi tas-suq finanzjarju. Bħala parti mill-istrateġija tal-Eurosistema għas-sorveljanza tar-reżistenza ċibernetika tal-infrastrutturi tas-suq finanzjarju, l-aspettattivi jservu biex titħaddem il-gwida globali dwar ir-reżistenza ċibernetika fir-rigward tal-infrastrutturi tas-suq finanzjarju ppubblikata f'Ġunju 2016 mill-Kumitat tal-Ħlasijiet u l-Infrastrutturi tas-Suq tal-Bank għas-Saldi Internazzjonali u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli. Iżjed tagħrif hu disponibbli fil-websajt tal-BĊE.
Opinjonijiet dwar leġiżlazzjoni
Opinjoni tal-BĊE dwar il-ħolqien ta' qafas tat-titolizzazzjoni f'Ċipru
Fl-4 ta' April 2018 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2018/16 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi ta’ Ċipru.
Opinjoni tal-BĊE dwar emendi għal-Liġi dwar Hrvatska Narodna Banka u l-Liġi dwar l-Uffiċċju tal-Verifika tal-Istat
Fis-6 ta' April 2018 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2018/17 f'isem l-Ispiker ta' Hrvatski Sabor (il-Parlament Kroat).
Opinjoni tal-BĊE dwar il-qafas legali għal bonds garantiti fir-Repubblika Ċeka
Fid-9 ta’ April 2018 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2018/18 wara talba tal-Ministeru tal-Finanzi tar-Repubblika Ċeka.
Opinjoni tal-BĊE dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 dwar it-twaqqif ta' Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u atti legali relatati
Fil-11 ta' April 2018 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2018/19 wara talba tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tal-Parlament Ewropew.
Opinjoni tal-BĊE dwar proposta għal regolament dwar it-twaqqif ta’ Fond Monetarju Ewropew
Fil-11 ta' April 2018 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2018/20 wara talba mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Opinjoni tal-BĊE dwar il-qlib ta' self bil-franc Svizzeru fis-Slovenja
Fis-16 ta’ April 2018 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2018/21 wara talba mill-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika tas-Slovenja.
Statistika
Pakkett ta' komunikazzjoni għal qafas ta' rappurtar integrat
Fid-29 ta' Marzu 2018 il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jsaħħaħ il-komunikazzjoni dwar il-qafas integrat tas-SEBĊ għar-rappurtar statistiku tal-banek billi approva l-pubblikazzjoni fil-websajt tal-BĊE ta' aġġornament dwar id-Dizzjunarju tar-Rappurtar Integrat tal-Banek u l-Qafas ta' Rappurtar Integrat. B'mod partikolari, il-paġna web aġġornata tippreżenta ħarsa ġenerali aktar estensiva tal-Qafas ta' Rappurtar Integrat. L-approċċ fit-tul tas-SEBĊ hu maħsub primarjament biex iżid l-effiċjenza tar-rappurtar u jnaqqas il-piż għall-banek, waqt li jkompli jipprovdi lill-utenti b'dejta ta' kwalità għolja.
Governanza korporattiva
Deċiżjoni tal-BĊE fuq l-ammont totali ta' tariffi superviżorji annwali għall-2018
Fid-19 ta’ April 2018 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2018/12 fuq l-ammont totali ta’ tariffi superviżorji annwali għall-2018. Id-Deċiżjoni, flimkien ma’ stqarrija għall-istampa relatata, se tiġi pubblikata fil-websajt tal-BĊE fit-30 ta’ April 2018.
Superviżjoni bankarja
Konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-ABE dwar il-kopertura ta' entitajiet fi pjan ta' rkupru ta' gruppi
Fis-26 ta’ Marzu 2018 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għall-proposta tal-Bord Superviżorju li jinnotifika lill-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE) li l-BĊE, fir-rigward tal-istituzzjonijiet sinifikanti taħt is-superviżjoni diretta tiegħu, jikkonforma mar-"Rakkomandazzjoni dwar il-kopertura ta' entitajiet fi pjan ta' rkupru ta' gruppi" tal-ABE (ABE/Rec/2017/02) mis-26 ta' Marzu 2018.
Konformità mal-linji gwida tal-ABE dwar klijenti konnessi
Fit-12 ta' April 2018 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għall-proposta tal-Bord Superviżorju li jinnotifika lill-ABE li, fir-rigward ta' istituzzjonijiet sinifikanti taħt is-superviżjoni diretta tiegħu, il-BĊE se jikkonforma mal-Linji Gwida tal-ABE dwar klijenti konnessi skont il-punt (39) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja