Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (barra d-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Settembru 2017

Operazzjonijiet tas-suq

Provvediment mill-Eurosistema ta' rata tal-imgħax overnight ġdida mhux garantita

Fl-20 ta' Settembru 2017 il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jiżviluppa rata tal-imgħax tal-euro overnight mhux garantita abbażi ta' dejta li diġà hi disponibbli għall-Eurosistema. Ir-rata tal-imgħax li għandha tiġi prodotta qabel l-2020, għandha tikkomplementa r-rati standard eżistenti prodotti mis-settur privat u sservi bħala rata referenzjali ta' salvagwardja. Il-karatteristiċi ta' livell għoli ta' din ir-rata tal-imgħax overnight ġdida se tiġi komunikata lill-parteċipanti tas-suq fl-2018. Stqarrija għall-istampa relatata, flimkien ma' dokument spjegattiv b'Mistoqsijiet u Tweġibiet, tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Infrastruttura tas-swieq u ħlasijiet

Politika tal-Eurosistema għall-identifikazzjoni u s-sorveljanza ta' fornituri kritiċi ta' servizzi tal-infrastrutturi finanzjarji tas-suq

Fl-24 ta' Awwissu 2017 il-Kunsill Governattiv approva politika li għandha tiġi segwita mill-Eurosistema fir-rigward tal-identifikazzjoni u s-sorveljanza ta' fornituri kritiċi ta' servizzi tal-infrastrutturi finanzjarji tas-suq (FMIs).' Din il-politika tirrendi operazzjonali l-qafas tal-politika ta' sorveljanza tal-Eurosistema [LINK] b'mod armonizzat u hi applikabbli għal FMIs li jaqgħu taħt il-mandat legali tal-Eurosistema, notevolment is-sistemi ta' ħlas sistemikament importanti (i.e. TARGET2, EURO1, STEP2-T, CORE(FR)), sistemi ta' ħlas ta' ammonti żgħar, skemi ta' ħlas bil-kards u T2S.

Eliġibbiltà ta' sistemi ġodda ta' saldu ta' titoli u links diretti ġodda bejniethom

Fl-24 ta' Awwissu 2017 il-Kunsill Governattiv approva t-tliet sistemi Baltiċi ta' saldu ta' titoli (SSSs) tal-Estonja, il-Latvja u l-Litwanja, li għandhom jitħaddmu min-Nasdaq CSD l-ġdid wara li dawn jingħaqdu kif ippjanat, bħala eliġibbli għall-użu fl-operazzjonijiet ta' kreditu tal-Eurosistema. Fit-8 ta' Settembru 2017 il-Kunsill Governattiv approva SSS oħra ġdida mħaddma minn Národný centrálny depozitár cenných papierov SR (NCDCP) Slovakk bħala eliġibbli għall-użu fl-operazzjonijiet ta' kreditu tal-Eurosistema. Fl-istess jum, il-Kunsill Governattiv approva wkoll żewġ links diretti ġodda minn LuxCSD għas-sistema Clearstream Banking AG (CBF) u minn Interbolsa għas-sistema CBF maħluqa minħabba l-mewġa finali ta' migrazzjoni T2S. Waqt li NCDCP diġà żdied mal-lista tal-BĊE ta' arranġamenti eliġibbli ta' saldu, l-SSSs Baltiċi u l-links il-ġodda jiżdiedu biss meta jsiru operazzjonali. Il-lista sħiħa tal-links diretti u indiretti eliġibbli tinsab fil-websajt tal-BĊE. [LINK]

Eliġibbiltà ta' depożitorji addizzjonali ċentrali tat-titoli (CSDs) għall-aċċess għal T2S

Fl-24 ta' Awwissu u fl-14 ta' Settembru rispettivament il-Kunsill Governattiv approva l-eliġibbiltà ta' Iberclear u Nasdaq CSD u ta' NCDCP għall-aċċess għal servizzi T2S. Għalhekk, Iberclear u Nasdaq CSD jistgħu jemigraw għat-T2S bħala parti mill-mewġa finali li ġiet attivata b'suċċess fit-18 ta' Settembru 2017. NCDCP hu skedat għall-migrazzjoni għat-T2S f'Ottubru 2017. Il-lista sħiħa ta'CSDs eliġibbli tinsab fil-websajt tal-BĊE. [LINK]

Opinjonijiet dwar leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar rekwiżit addizzjonali għall-ammortizzazzjoni ta' ipoteki fl-Isvezja

Fl-4 ta' Awwissu 2017 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2017/29 wara talba minn Finansinspektionen (l-awtorità tas-superviżjoni finanzjarja tal-Isvezja).

Opinjoni tal-BĊE dwar abbozz ta' deċiżjoni dwar l-implimentazzjoni tal-politika monetarja ta' Hrvatska narodna banka

Fl-4 ta' Awwissu 2017 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2017/30 wara talba minn Hrvatska narodna banka.

Opinjoni tal-BĊE dwar Att dwar infratruttura kritika fis-Slovenja

Fl-14 ta' Awwissu 2017 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2017/31 wara talba mill-Ministeru tad-Difiża tas-Slovenja.

Opinjoni tal-BĊE dwar in-nomina tas-Central Bank of Cyprus bħala l-awtorità għall-informazzjoni u l-inklużjoni ta' rekwiżit fir-rigward ta' eċċezzjoni rilevanti għas-segretezza bankarja

Fil-21 ta' Awwissu 2017 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2017/32 wara talba tal-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Ordni Pubblika tar-Repubblika ta' Ċipru.

Opinjoni tal-BĊE fuq ir-rappurtar ta' dejta dwar il-kreditu fl-Awstrija

Fil-21 ta' Awwissu 2017 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2017/33 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tal-Awstrija.

Opinjoni tal-BĊE dwar abbozz ta' liġi li temenda l-Istatut Organiku NBB fir-rigward tal-għadd ta' diretturi fuq il-Bord tal-NBB

Fl-24 ta' Awwissu 2017 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2017/34 wara talba tal-Gvernatur ta' Nationale Bank van België/Banque Nationale de Belgique (NBB) f'isem il-Ministru tal-Finanzi.

Opinjoni tal-BĊE dwar emendi għar-reġim superviżorju tas-suq finanzjarju fl-Awstrija

Fil-25 ta' Awwissu 2017 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2017/35 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tal-Awstrija.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-qafas legali għal bonds garantiti, ir-rappurtar ta' dejta dwar il-kreditu, setgħat u għodda makroprudenzjali, u proċeduri komuni SSM fir-Repubblika Slovakka

Fit-8 ta' Settembru 2017 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2017/36 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tar-Repubblika Slovakka.

Opinjoni tal-BĊE dwar l-ikklerjar u s-saldu interbankarju fil-Polonja

Fl-20 ta' Settembru 2017 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2017/37 wara talba tal-President ta' Narodowy Bank Polski.

Opinjoni tal-BĊE dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta' kontropartijiet ċentrali u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1095/2010, (UE) Nru 648/2012 u (UE) 2015/2365

Fl-20 ta' Settembru 2017 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2017/38 wara talba tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tal-Parlament Ewropew. L-Opinjoni se tiġi ppubblikata dalwaqt fil-websajt tal-BĊE.

Governanza korporattiva

Rakkomandazzjoni tal-BĊE lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni tal-Banco de Portugal

Fl-24 ta' Awwissu 2017 il-Kunsill Governattiv adotta r-Rakkomandazzjoni BĊE/2017/24 lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni tal-Banco de Portugal. Ir-Rakkomandazzjoni ġiet pubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Rakkomandazzjoni tal-BĊE lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni ta' Národná banka Slovenska

Fit-8 ta' Settembru 2017 il-Kunsill Governattiv adotta r-Rakkomandazzjoni BĊE/2017/27 lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni ta' Národná banka Slovenska. Ir-Rakkomandazzjoni ġiet pubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Superviżjoni bankarja

Deċiżjoni tal-BĊE li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2014/29 dwar l-għoti lill-Bank Ċentrali Ewropew ta' dejta superviżorja rrappurtata lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti mill-entitajiet taħt superviżjoni skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 680/2014.

Fit-3 ta' Awissu 2017 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2017/23 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2014/29 dwar l-għoti ta' dejta superviżorja rrappurtata lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti mill-entitajiet taħt superviżjoni. L-emenda tirrifletti l-bidliet reċenti li saru fil-qafas tar-rappurtar superviżorju, wara l-adozzjoni tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2070, fir-rigward tal-benchmarking tal-mudelli interni tal-istitutzzjonijiet. Id-Deċiżjoni ġiet pubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Pubblikazzjoni ta' verżjonijiet mhux kunfidenzjali ta' valutazzjonijiet tal-BĊE “qed ifallu jew x'aktarx se jfallu”

Fl-14 ta' Awwissu 2017 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għall-proposta tal-Bord Superviżorju biex japprova pożizzjoni tal-politika li tgħid li, bħala regola ġenerali, verżjonijiet mhux kunfidenzjali ta' valutazzjonijiet 'qed ifalli jew x'aktarx se jfalli' (FOLTF) kellhom isiru disponibbli għall-pubbliku fil-websajt tal-BĊE. Valutazzjoni FOLTF mill-BĊE hi valutazzjoni superviżorja dwar bank individwali indirizzata lill-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni,biex dan tal-aħħar jagħmel il-valutazzjoni ta' riżoluzzjoni tiegħu stess. Għalhekk, il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għall-proposta tal-Bord Superviżorju biex japprova l-pubblikazzjoni tal-valutazzjonijiet FOLTF adottati mill-BĊE fir-rigward ta' Banco Popular, Veneto Banca u Banca Popolare di Vicenza fil-websajt tal-BĊE.

Konformità mal-Linji Gwida ABE dwar ir-rekwiżiti ta' divulgazzjoni skont il-Parti Tmienja tar-Regolament (UE) Nru 575/2013

Fil-15 ta' Awwissu 2017 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għall-proposta tal-Bord Superviżorju li jinnotifika lill-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE) li, għal istituzzjonijiet sinifikanti (SIs) taħt is-superviżjoni diretta tiegħu, il-BĊE bi ħsiebu jikkonforma mal-Linji Gwida dwar ir-rekwiżiti ta' divulgazzjoni skont il-Parti Tmienja tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 (ABE-GL-2016-11). Skont il-proposta tal-Bord Superviżorju, l-applikazzjoni sħiħa tal-Linji Gwida se tkun limitata għal istituzzjonijiet ta' importanza sistemika globali (G-SIIs) u istituzzjonijiet ta' importanza sistemika oħrajn (O-SIIs), waqt li SIs mhux sistemiċi ikunu mistennija japplikaw biss ċerti partijiet tal-Linji Gwida.

Regolament tal-BĊE li jemenda r-Regolament (UE) 2015/534 dwar ir-rappurtar ta' informazzjoni finanzjarja superviżorja u r-Regolament tal- BĊE li jistabbilixxi d-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2017/1538 li jemenda r-Regolament (UE) 2015/534 dwar ir-rappurtar ta' informazzjoni finanzjarja superviżorja (BĊE/2017/25) għal entitajiet inqas sinifikanti taħt superviżjoni li huma soġġetti għal oqfsa nazzjonali tal-kontabilità

Fil-25 ta' Awwissu 2017 il-Kunsill Governattiv adotta r-Regolament (UE) 2017/1538 li jemenda r-Regolament (UE) 2015/534 dwar ir-rappurtar ta' informazzjoni finanzjarja superviżorja BĊE/2017/25. Ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli u l-proċeduri għar-rappurtar finanzjarju mill-banek jew gruppi bankarji lill-awtoritajiet superviżorji rilevanti. L-emendi jirriflettu prinċipalment il-bidliet regolatorji introdotti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni biex ir-rappurtar ta' informazzjoni finanzjarja (FINREP) jiġi allinjat mar-rekwiżiti tal-Istandard Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju 9 (IFRS 9), l-istandard il-ġdid tar-rappurtar għal strumenti finanzjarji. L-emendi jinkludu wkoll bidliet ulterjuri u kjarifiki abbażi tal-esperjenza miksuba minn meta ġie adottat ir-Regolament. Dawn iqisu wkoll il-kummenti li saru waqt konsultazzjoni pubblika dwar ir-Regolament. Fil-25 ta' Awwissu il-Kunsill Governattiv adotta wkoll ir-Regolament (UE) 2017/1539 li jistabbilixxi d-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2017/1538 li jemenda r-Regolament (UE) 2015/534 dwar ir-rappurtar ta' informazzjoni finanzjarja superviżorja (BĊE/2017/25) għal entitajiet inqas sinifikanti taħt superviżjoni li huma soġġetti għal oqfsa nazzjonali tal-kontabilità BĊE/2017/26. Stqarrija għall-istampa relatata, flimkien mat-test taż-żewġ Regolamenti, tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Deċiżjonijiet dwar l-impożizzjoni ta' penalitajiet amministrattivi

Fit-13 ta' Lulju 2017 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għall-proposta tal-Bord Superviżorju biex jimponi penalitajiet amministrattivi fuq Permanent tsb Group Holdings plc minħabba ksur ta' Deċiżjonijiet tal- BĊE li jimponu rekwiżiti speċifiċi ta' likwidità. Fit-28 ta' Awwissu 2017, ġiet ippubblikata stqarrija għall-istampa relatata fil-websajt tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE. Stqarrija għall-istampa oħra ppubblikata fil-15 ta' Settembru tagħti tagħrif dettaljat dwar penalitajiet simili applikati fir-rigward ta' Banca Popolare di Vicenza S.p.A. fi L.C.A.

Konsultazzjoni pubblika dwar abbozz ta' gwidi tal-BĊE għal valutazzjonijiet ta' applikazzjonijiet għal liċenzji

Fil-15 ta' Settembru 2017 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta tal-Bord Superviżorju biex iniedi konsultazzjoni pubblika dwar abbozzi ta' żewġ gwidi tal-BĊE, waħda relatata ma' valutazzjonijiet ta' applikazzjonijiet għal liċenzji inġenerali, u waħda relatata speċifikament ma' valutazzjonijiet ta' applikazzjonijiet għal liċenzji minn istituzzjonijiet ta' kreditu fintech. L-għan taż-żewġ gwidi hu li titjieb it-trasparenza għal applikanti potenzjali u li jiżdied l-għarfien tagħhom fir-rigward tal-proċedura u l-kriterji applikati mill-BĊE fil-valutazzjoni li jagħmel tal-applikazzjonijiet għal liċenzji. Hu mistenni li l-konsultazzjoni pubblika titnieda dalwaqt u tibqa' miftuħa sa Novembru 2017.

Gwida tal-BĊE dwar valutazzjoni tal-materjalità

Fit-18 ta' Settembru 2017 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta tal-Bord Superviżorju biex jippubblika l-gwida finali tal-BĊE dwar valutazzjoni tal-materjalità flimkien mar-rendikont li jivvaluta l-kummenti li rċieva matul il-konsultazzjoni pubblika li saret bejn Diċembru 2016 u Frar 2017. Dan id-dokument se jservi ta' bażi għall-valutazzjoni tal-materjalità ta' żidiet u bidliet għall-metodu tal-mudell intern (IMM) u l-metodu avvanzat għall-kalkolu tar-riskju tal-aġġustament tal-valutazzjoni tal-kreditu (A-CVA). Il-gwida se tkun disponibbli dalwaqt fil-websajt tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.

Kuntatti midja