European Central Bank - eurosystem
Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (żieda mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Ottubru 2016

Operazzjonijiet tas-suq

Kriterji tal-eliġibbiltà tal-kollateral u miżuri tal-kontroll tar-riskju għal bonds tal-banek mhux garantiti

Fl-4 ta’ Ottubru il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li jbiddel il-kriterji tal-eliġibbiltà tal-kollateral u l-miżuri tal-kontroll tar-riskju li japplikaw għal strumenti tad-dejn prijoritarji mhux garantiti maħruġin minn istituzzjonijiet ta’ kreditu jew ditti tal-investiment jew minn entitajiet marbutin mill-qrib magħhom. Dawn l-istrumenti, magħrufin ukoll bħala bonds tal-banek mhux garantiti (unsecured bank bonds – UBBs), għalissa se jibqgħu eliġibbli biex jintużaw bħala kollateral sakemm jittieħdu miżuri addizzjonali tal-kontroll tar-riskju. B’mod partikolari, il-limitu tal-użu ta’ UBBs se jonqos minn 5% għal 2.5% b’seħħ mill-1 ta’ Jannar 2017. Il-Kunsill Governattiv se jirrevedi d-deċiżjoni tiegħu fl-2017 biex iqis il-progress li jkun sar f’dak il-perjodu lejn approċċ komuni tal-UE għall-ġerarkija tal-kreditu f’każijiet ta’ insolvenza u riżoluzzjoni ta’ banek. Stqarrija għall-istampa li tfisser id-dettalji ta’ dan it-tibdil tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Stabbiltà finanzjarja

Rapport fuq strutturi finanzjarji

Fl-14 ta’ Ottubru 2016 il-Kunsill Governattiv approva l-pubblikazzjoni tar-Rapport tal-BĊE fuq l-istrutturi finanzjarji 2016. Ir-rapport janalizza l-karatteristiċi u l-iżviluppi strutturali ewlenin fis-settur finanzjarju wiesa’ taż-żona tal-euro fil-perjodu mill-2008 sal-2015. Minbarra s-settur bankarju, ir-rapport jiġbor fih intermedjarji finanzjarji oħra, b’mod partikolari korporazzjonijiet tal-assigurazzjoni u fondi tal-pensjoni, kif ukoll intermedjarji finanzjarji li mhumiex banek u assigurazzjonijiet, magħrufin ukoll bħala s-“settur bankarju parallel” (shadow banking sector). Ir-rapport ma jdumx ma jidher fil-websajt tal-BĊE.

Infrastruttura tas-swieq u ħlasijiet

Tibdil fil-fatturazzjoni tas-servizzi T2S

Fit-23 ta’ Settembru 2016 il-Kunsill Governattiv approva l-introduzzjoni ta’ limitu minimu għall-fatturazzjoni u ta’ ammont minimu ta’ fatturazzjoni, it-tnejn stabbiliti għal €150, għas-servizzi tat-TARGET2-Securities (T2S). Dan it-tibdil, li jikkonforma bis-sħiħ mal-politika tal-ipprezzar għat-T2S kif definita fil-Linja Gwida BĊE/2012/13, se japplika għall-fatturazzjoni ta’ kull xahar tal-banek ċentrali u d-depożitorji ċentrali tat-titoli għall-użu ta’ servizzi T2S. Il-produzzjoni u l-ħruġ ta’ fatturi awtomatiċi kull xahar, li jiġu ġenerati mit-T2S abbażi tad-dejta tal-fatturazzjoni li tirrifletti l-konsum attwali ta’ servizzi T2S, mhumiex se jintlaqtu mill-introduzzjoni ta’ dan il-limitu minimu.

Opinjonijiet fuq leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar emendi għal-liġi fuq it-titoli b’entrata fis-Slovenja

Fis-26 ta’ Settembru 2016 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2016/46 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tas-Slovenja.

Opinjoni tal-BĊE dwar emendi għal-Liġi dwar Latvijas Banka li tnaqqas l-għadd ta’ membri tal-Kunsill ta’ Latvijas Banka

Fit-28 ta’ Settembru 2016 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2016/47 wara talba minn Latvijas Banka.

Opinjoni tal-BĊE dwar l-immaniġġar ta’ proprjetà immobbli jew kapital azzjonarju akkwistati minn istituzzjoni ta’ kreditu wara process ta’ saldu ta’ dejn f’Ċipru

Fil-11 ta’ Ottubru 2016 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2016/48 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi ta’ Ċipru.

Opinjoni tal-BĊE dwar proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva (UE) 2015/849 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu u li temenda d-Direttiva 2009/101/KE

Fit-12 ta’ Ottubru 2016 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2016/49 wara talba mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew.

Opinjoni tal-BĊE dwar abbozz ta’ liġi li tiffaċilita r-rimborż ta’ ċerti spreads imposti fuq self marbut mal-kambju ta’ valuta barranija fil-Polonja

Fit-13 ta’ Ottubru 2016 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2016/50 wara talba mill-Parlament tal-Polonja.

Statistika

Iżjed trasparenza fir-regolamenti tal-BĊE fuq l-istatistika Ewropea

Fl-4 ta’ Ottubru 2016 il-Kunsill Governattiv approva l-prinċipji li jkabbru t-trasparenza fl-iżvilupp ta’ regolamenti tal-BĊE fuq l-istatistika Ewropea, filwaqt li qies il-prattiki ta’ trasparenza tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea. L-evalwazzjoni tal-impatt tal-BĊE, li diġà tinkludi proċedura tal-merti u l-kostijiet (merit and costs procedure – MCP) se tiġi supplimentata b’konsultazzjonijiet pubbliċi fuq l-abbozzi ta’ regolamenti tal-BĊE fil-ġejjieni fuq l-istatistika Ewropea. Minbarra tagħrif fuq l-MCP, fil-ġejjieni se jiġu pubblikati wkoll ir-riżultati għaż-żona tal-euro għal kull MCP.

Governanza korporattiva

Rakkomandazzjoni tal-BĊE lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fuq l-awdituri esterni tal-Banca d’Italia

Fit-23 ta’ Settembru 2016 il-Kunsill Governattiv adotta r-Rakkomandazzjoni BĊE/2016/28 lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni tal-Banca d’Italia. Ir-Rakkomandazzjoni se tiġi pubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u tinsab fil-websajt tal-BĊE.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja