Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (żieda mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Mejju 2016

EMBARGO

M’GĦANDHIEX TIXXANDAR QABEL 15:00 CET tal-20 ta’ Mejju 2016

Operazzjonijiet tas-suq

Deċiżjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tat-tieni serje ta’ operazzjonijiet speċifiċi ta’ rifinanzjament għal żmien itwal

Fit-28 ta’ April 2016 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2016/10 dwar it-tieni serje ta’ operazzjonijiet speċifiċi ta’ rifinanzjament għal żmien itwal (TLTROs) u d-Deċiżjoni BĊE/2016/11 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2014/34 dwar miżuri relatati ma’ operazzjonijiet speċifiċi ta’ rifinanzjament għal żmien itwal. Id-Deċiżjoni BĊE/2016/10 tistabbilixxi l-qafas legali għat-tieni serje ta’ TLTROs, li l-Kunsill Governattiv iddeċieda li jintroduċi fl-10 ta’ Marzu 2016. Id-Deċiżjoni BĊE/2016/11 temenda d-Deċiżjoni BĊE/2014/34 biex l-istituzzjonijiet finanzjarji jkunu jistgħu jirrimborżaw f’Ġunju 2016 l-ammonti li kienu ssellfu fl-ewwel serje ta’ TLTROs u jibdew jissellfu fit-tieni serje. Iż-żewġ Deċiżjonijiet jinsabu fil-websajt tal-BĊE.

Stabbiltà u superviżjoni finanzjarja

Financial Stability Review – Mejju 2016

Fit-18 ta’ Mejju 2016 il-Kunsill Governattiv awtorizza l-pubblikazzjoni tal-Financial Stability Review ta’ Mejju 2016 li teżamina s-sorsi ewlenin tar-riskju u l-vulnerabbiltà fir-rigward tal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja taż-żona tal-euro u tagħti analiżi komprensiva tal-kapaċità tas-sistema finanzjarja taż-żona tal-euro biex tassorbi x-xokkijiet. Il-pubblikazzjoni se tixxandar fil-websajt tal-BĊE fl-24 ta’ Mejju 2016.

Sistemi ta’ ħlas u infrastruttura tas-swieq

Rapport Annwali TARGET 2015

Fil-11 ta’ Mejju 2016 il-Kunsill Governattiv ħa nota tar-Rapport Annwali TARGET għall-2015, li wara ġie ppubblikat fil-websajt tal-BĊE. Ir-Rapport Annwali TARGET jagħti tagħrif fuq l-attività tat-traffiku fit-TARGET2, il-prestazzjoni operattiva tiegħu u l-iżviluppi ewlenin li kien hemm fl-2015. Ir-rapport ta’ din is-sena jipprovdi indikaturi kwantittivi ta’ livell għoli, u b’hekk ikabbar il-livell ta’ trasparenza tal-prestazzjoni finanzjarja tas-sistema.

Opinjonijiet dwar leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar proposta għal regolament li jemenda r-Regolament (UE) Nru 600/2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji, ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 dwar l-abbuż tas-suq u r-Regolament (UE) Nru 909/2014 dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli fir-rigward ta’ ċerti dati, u proposta għal direttiva li temenda d-Direttiva 2014/65/UE dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji fir-rigward ta’ ċerti dati

Fid-29 ta’ April 2016 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2016/27 wara talba mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Opinjoni tal-BĊE dwar ir-riżoluzzjoni u l-istralċ ta’ banek fis-Slovenja

Fit-3 ta’ Mejju 2016 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2016/28 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tas-Slovenja.

Statistika

Regolament fuq il-ġbir ta’ dejta granulari dwar il-kreditu u r-riskju tal-kreditu

Fit-18 ta’ Mejju 2016 il-Kunsill Governattiv adotta r-Regolament BĊE/2016/13 dwar il-ġbir ta’ dejta granulari dwar il-kreditu u r-riskju tal-kreditu u d-Deċiżjoni BĊE/2016/14 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2014/6 dwar l-organizzazzjoni ta’ miżuri preparatorji għall-ġbir ta’ dejta dwar kreditu f’ammonti żgħar mis-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali. Il-Kunsill Governattiv approva wkoll il-pubblikazzjoni fil-websajt tal-BĊE ta’ dokument bir-reazzjonijiet li daħlu fuq abbozz preċedenti tar-Regolament.

Kooperazzjoni internazzjonali u Ewropea

Il-15-il rapport annwali fuq is-sehem internazzjonali tal-euro

Fit-12 ta’ Mejju 2016 il-Kunsill Governattiv approva l-15-il rapport annwali fuq is-sehem internazzjonali tal-euro u awtorizza l-pubblikazzjoni tiegħu fil-websajt tal-BĊE. Ir-rapport ta’ din is-sena, b’differenza minn dawk ta’ qablu, huwa wieħed interim li jagħti ħarsa fil-qosor lejn l-iżviluppi fl-użu tal-euro minn residenti barra ż-żona tal-euro, filwaqt li jipprovdi tagħrif statistiku aġġornat fuq l-indikaturi ewlenin tal-istatus internazzjonali tal-euro fir-rigward tal-interess għall-pubbliku ġenerali. Minħabba l-fatt li l-iżviluppi f’dan il-qasam mhux bilfors ikunu mgħaġġlin, minn din is-sena se jibdew jitħejjew rapporti sħaħ kull sentejn biss, filwaqt li bejniethom jiġu ppubblikati rapporti interim iqsar.

Karti tal-flus

Tmiem tal-produzzjoni u l-ħruġ tal-karta tal-€500

Fl-4 ta’ Mejju 2016 il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li jwaqqaf għalkollox il-produzzjoni tal-karta tal-€500 u li jħalliha barra mis-sensiela Europa. Il-Kunsill iddeċieda wkoll li l-karta tal-€500 mhijiex se tibqa’ toħroġ wara l-2018, meta huwa maħsub li jibdew deħlin il-karti l-ġodda tal-€100 u €200 tas-sensiela Europa. Id-denominazzjonijiet l-oħra, mill-€5 sal-€200, se jżommu posthom fis-sensiela l-ġdida. Fl-aħħar nett, il-Kunsill Governattiv ikkonferma li l-karta tal-€500 kienet se tibqa’ valuta legali u għalhekk setgħet tibqa’ tintuża bħala mezz ta’ ħlas u ħażna ta’ valur. Stqarrija għall-istampa fuq din id-deċiżjoni ġiet ippubblikata fl-istess jum fil-websajt tal-BĊE.

Proċeduri ta’ akkreditazzjoni għal manifatturi ta’ oġġetti tal-euro siguri u oġġetti tal-euro

Fis-6 ta’ Mejju 2016 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2016/12 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2013/54 dwar il-proċeduri ta’ akkreditazzjoni għal manifatturi ta’ oġġetti tal-euro siguri u oġġetti tal-euro. L-att legali emendatorju jsaħħaħ il-kundizzjonijiet li bihom penali xierqa u proporzjonati, fosthom penali finanzjarji, jiġu imposti fuq manifatturi li jipproduċu l-karti tal-euro jew il-komponenti tagħhom fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità, sabiex ikopru l-każijiet kollha li jitolbu l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet finanzjarji skont l-Artikolu 20 tad-Deċiżjoni BĊE/2013/54. Id-Deċiżjoni tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Superviżjoni bankarja

Deċiżjoni tal-BĊE fuq l-evalwazzjoni komprensiva tal-2016

Fit-3 ta’ Mejju 2016 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal abbozz ta’ deċiżjoni sħiħ propost mill-Bord Superviżorju biex jistħarreġ erba’ istituzzjonijiet ta’ kreditu li se jkunu suġġetti għall-evalwazzjoni komprensiva tal-2016, jiġifieri Abanka d.d. (Slovenja), Akciju sabiedrība “Rietumu Banka” (Latvja), Banca Mediolanum S.p.A. (Italja) u Citibank Europe plc (Irlanda). Stqarrija għall-istampa dwar dan ġiet ippubblikata fil-websajt tal-BĊE.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja