Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (b'żieda mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Lulju 2011

Operazzjonijiet tas-suq

Estensjoni tal-operazzjonijiet li jipprovdu likwidità f’dollari Amerikani

Bi ftehim mal-Federal Reserve System, u b’koordinament mal-Bank of Canada, il-Bank of England, il-Bank of Japan u s-Swiss National Bank, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jestendi l-arranġamenti swap tiegħu għal-likwidità mal-Federal Reserve System sal-1 ta’ Awwissu 2012 u li, għalissa, ikompli jagħmel operazzjonijiet li jipprovdu likwidità f’dollari Amerikani. Stqarrija għall-istampa dwar dan tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Bidla fl-eliġibbiltà tal-istrumenti ta’ dejn maħruġa jew garantiti mill-gvern Portugiż

Fis-7 ta’ Lulju 2011 il-Kunsill Governattiv iddeċieda li, sa ma joħroġ avviż ieħor, jissospendi l-applikazzjoni tal-istandard minimu għall-klassifika tal-kreditu fir-rekwiżiti għall-eliġibbiltà tal-garanzija għall-finijiet tal-operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema fil-każ tal-istrumenti ta’ dejn negozjabbli kollha, pendenti u ġodda, maħruġin jew iggarantiti mill-gvern Portugiż. Fl-istess jum il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni marbuta ma’ dan dwar miżuri temporanji relatati mal-eliġibbiltà ta’ strumenti ta’ dejn negozjabbli maħruġin jew iggarantiti mill-gvern Portugiż (BĊE/2011/10). Stqarrija għall-istampa dwar dan, flimkien mad-Deċiżjoni, jinsabu fil-websajt tal-BĊE.

Is-sistemi ta’ pagament u l-infrastruttura tas-suq

Il-konnessjoni ta’ Banca Naţională a României mat-TARGET2

Fit-23 ta’ Ġunju 2011 il-Kunsill Governattiv approva d-dokumentazzjoni legali biex Banca Naţională a României jkun jista’ jingħaqad mas-sistema TARGET2 b’seħħ mill-4 ta’ Lulju 2011.

Il-parteċipazzjoni tal-BĊE fil-ftehim ta’ kooperazzjoni għas-sorveljanza fuq Warehouse Trust

Fis-7 ta’ Lulju 2011 il-Kunsill Governattiv approva l-parteċipazzjoni tal-BĊE fil-ftehim ta’ kooperazzjoni għas-sorveljanza fuq Warehouse Trust, kumpanija li taħżen dejta kummerċjali. B’hekk il-BĊE issa jista’ jaqsam l-esperjenza tiegħu fis-sorveljanza konġunta tal-infrastrutturi transkonfinali tas-swieq finanzjarji u jirrappreżenta l-Eurosistema.

TARGET2–Securities

Fl-20 ta’ Lulju 2011 il-Kunsill Governattiv qies l-istatus tal-Programm TARGET2–Securities (T2S) u ddeċieda li sal-aħħar ta’ Ottubru 2011 jagħmel l-offerta finali tiegħu skont il-Ftehim Qafas ma’ depożitorji ċentrali tat-titoli interessati fit-T2S. Stqarrija għall-istampa dwar dan tinsab fil-websajt tal-BĊE. Aktar tagħrif jingħata fit-taqsima T2S tal-websajt tal-BĊE.

Opinjonijiet dwar leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar iċ-ċirkolazzjoni ta’ karti tal-flus u ta’ muniti fir-Repubblika Ċeka

Fit-22 ta’ Ġunju 2011 il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni wara talba minn Česká národní banka (CON/2011/51).

Opinjoni tal-BĊE dwar l-iskambju ta’ informazzjoni u l-obbligi ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali fil-Bulgarija 

Fit-22 ta’ Ġunju 2011 il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni wara talba mill-Ministru tal-Finanzi Bulgaru (CON/2011/52).

Opinjoni tal-BĊE dwar l-Uffiċċju tal-Verifika tal-Istat Ungeriż rigward il-verifika tiegħu tal-Magyar Nemzeti Bank

Fit-22 ta’ Ġunju 2011 il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni wara talba mill-Ministeru tal-Amministrazzjoni Pubblika u l-Ġustizzja Ungeriż (CON/2011/53).

Opinjoni tal-BĊE dwar tranżazzjonijiet transkonfinali fi Spanja 

Fit-28 ta’ Ġunju 2011 il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni wara talba mis-Segretarju tal-Istat Spanjol għall-Affarijiet Ekonomiċi (CON/2011/54).

Opinjoni tal-BĊE dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet relatati mat-TARGET2Securities u s-setgħat ta’ sanzjonar ta’ Banka Slovenije relatati ma’ servizzi ta’ investiment 

Fit-30 ta’ Ġunju 2011 il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi Sloven (CON/2011/55).

Opinjoni tal-BĊE dwar proposta għal Deċìżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar u l-konklużjoni ta’ Ftehim Monetarju bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Franċiża, dwar iż-żamma tal-euro f’Saint-Barthélemy wara l-modifikazzjoni tal-istatus tagħha fir-rigward tal-Unjoni Ewropea

Fl-4 ta’ Lulju 2011 il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni wara talba mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (CON/2011/56).

Opinjoni tal-BĊE dwar il-konverżjoni ta’ fergħat ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu barranin f'sussidjarji fil-Polonja

Fil-5 ta’ Lulju 2011 il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni wara talba mill-Ministru tal-Finanzi Pollakk (CON/2011/57).

Opinjoni tal-BĊE dwar proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ftehimiet ta’ kreditu b’rabta ma’ proprjetà residenzjali

Fil-5 ta’ Lulju 2011 il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni wara talba mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (CON/2011/58).

Opinjoni tal-BĊE dwar ir-riċiklar tal-flus kontanti u l-protezzjoni tal-valuta legali nazzjonali u barranija kontra l-iffalsifikar fl-Ungerija

Fl-20 ta’ Lulju 2011 il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni wara talba mill-Magyar Nemzeti Bank (CON/2011/59).

Opinjoni tal-BĊE dwar miżuri ta’ intervent fi kriżi għal istituzzjonijiet finanzjarji f’diffikultà fl-Olanda

Fil-21 ta’ Lulju 2011 il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni wara talba mill-Ministru tal-Finanzi Olandiż (CON/2011/60).

Kooperazzjoni Internazzjonali u Ewropea

L-għaxar rapport annwali dwar “Ir-rwol internazzjonali tal-euro”

Fis-7 ta’ Lulju 2011 il-Kunsill Governattiv approva l-pubblikazzjoni tal-għaxar rapport annwali dwar “Ir-rwol internazzjonali tal-euro”. Ir-rapport, li jkopri l-iżviluppi fl-2010, jeżamina r-rwol tal-euro fis-swieq dinjin u f’pajjiżi barra ż-żona tal-euro u għandu l-għan li jtejjeb l-għarfien tal-istat attwali tal-internazzjonalizzazzjoni tal-euro, waqt li jidentifika l-iżviluppi ewlenin u x-xejriet bażiċi. Stqarrija għall-istampa dwar dan, flimkien mar-rapport, jinsabu fil-websajt tal-BĊE.

Governanza korporattiva

Fis-7 ta’ Lulju 2011 il-Kunsill Governattiv ikkunsidra li l-pożizzjoni tas-Sur Axel Weber fil-ġejjieni bħala membru tal-bord tad-diretturi tal-UBS b’seħħ mill-1 ta’ Mejju 2012 hija kompatibbli mal-Kodiċi tal-Kondotta.

Il-karti tal-flus u l-muniti

Linja Gwida tal-BĊE li temenda l-Linja Gwida BĊE/2008/8 dwar ġbir ta’ dejta dwar l-euro u l-operazzjoni tal-Currency Information System 2

Fit-30 ta' Ġunju 2011 il-Kunsill Governattiv adotta l-Linja Gwida BĊE/2011/9 li temenda l-Linja Gwida BĊE/2008/8 dwar ġbir ta’ dejta dwar l-euro u l-operazzjoni tal-Currency Information System 2. Il-Linja Gwida tistabbilixxi r-regoli u r-responsabbiltajiet fi ħdan l-Eurosistema għall-ġbir u t-tqassim ta’ dejta marbuta mal-flus kontanti. L-emendi għandhom x’jaqsmu mal-firxa tad-dejta dwar l-infrastruttura tal-flus kontanti u dwar l-attivitajiet ta’ riċirkolazzjoni tal-flus irrappurtati lis-CIS 2 u jintroduċu funzjonalitajiet ta’ rappurtar kuljum minbarra dawk ta’ rappurtar kull xahar u kull sitt xhur diġà stipulati fil-Linja Gwida BĊE 2008/8. Il-Linja Gwida għandha tidher fil-websajt tal-BĊE.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja