European Central Bank - eurosystem
Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Karta tal-flus imtabbgħa bil-linka

Qatt rajt karta tal-flus miksija bil-linka?

Jekk xi ħadd jagħtik karta tal-flus bħal dawk ta’ hawn taħt, taċċettahiex għax probabbilment hija misruqa.

Karta tal-flus imtabbgħa bil-linka

Il-linka fuq dawn il-karti tal-flus tiġi minn apparat ta’ kontra s-serq, magħruf ukoll bħala sistemi intelliġenti għan-newtralizzazzjoni tal-karti tal-flus (IBNSs), li jiġu attivati meta l-kriminali jiftħu reċipjent protett ta' flus kontanti, bħal ATM jew sejf f'vettura tat-trasport tal-flus kontanti. Dawn is-sistemi jirrendu l-karti tal-flus misruqa inutilizzabbli u ma jiswewx, u b'hekk jitnaqqsu r-riskju għall-bejjiegħa bl-imnut, il-banek u persuni oħra li jieħdu ħsieb il-flus milli jsiru vittmi tal-kriminalità.

Karta tal-flus imwaħħlin

Dan huwa wieħed mill-iktar metodi komuni użati biex il-karti tal-flus misruqa ma jkunux jistgħu jintużaw, imma hemm għodod oħra għall-protezzjoni tal-flus kontanti, bħall-kolla. Il-kolla tgħaqqad il-karti tal-flus kollha f’kassett tal-ATM f’briksa solida. Jekk tipprova tneħħi l-karti tal-flus individwali, jitqattgħu f’biċċiet.

Kif tagħraf karta tal-flus imtabbgħa bil-linka misruqa?

Meta karta tal-flus tkun imtebba’ b'sistema intelliġenti għan-newtralizzazzjoni tal-karti tal-flus (IBNS), il-linka tas-sigurtà ċċappas lill-karta tal-flus u tħalli traċċi li normalment huma aktar evidenti fit-truf tal-karta tal-flus. Il-kuluri tal-linka tas-sigurtà l-iktar użati komunement huma l-vjola jgħajjat, l-aħdar, il-blu, l-aħmar jew l-iswed. Il-linka ġeneralment tgħaddi mit-truf lejn iċ-ċentru tal-karti tal-flus u tħalli disinn karatteristiku. Xi kultant, is-sustanzi kimiċi li l-kriminali jużaw biex jaħslu l-karti tal-flus meta jippruvaw ineħħu l-linka jistgħu jibdlu l-kulur. Bħala riżultat ta’ dan, il-kuluri oriġinali tal-karti tal-flus jistgħu jinbidlu wkoll, u xi karatteristiċi tas-sigurtà jistgħu jitħassru, jew jistgħu saħansitra jisparixxu.

Dan ifisser li l-karti tal-flus kollha mtabbgħa bil-linka huma misruqin?

Le. Jekk hemm tbajja ħfief ħafna jew xi żewġ marki żgħar fuq il-karta tal-flus u t-trufijiet huma intatti, allura l-marki huma probabbilment aċċidentali, ikkawżati pereżempju minn pinna tqattar il-linka.

Karti tal-flus bi tbajja’ mhux ikkawżati minn IBNS

Dawn il-karti tal-flus x’aktarx li ma jkunux insterqu u jistgħu jiġu aċċettati:

U jekk xi ħadd jagħtini karta tal-flus fejn jidher ċar li tkun imtabba' bil-linka ta’ apparat kontra s-serq?

  • Taċċettahiex jew itlob waħda ġdida. Ma tistax tkun ċert li l-persuna li qed tofrilek l-karta tal-flus hija proprjament is-sid.
  • Irrifjuta karta tal-flus ibbliċjati jew skuluriti, billi x’aktarx li l-kriminali ppruvaw ineħħu t-bajja’ tal-linka IBNS billi jaħslu jew jibbliċjaw il-karta tal-flus.
  • Jekk aċċettajt karta tal-flus imtabbgħa bil-linka, għandek toħodha l-bank tiegħek jew banek ċentrali nazzjonali, u tgħidilhom kif ġiet għandek. Il-bank ċentrali nazzjonali jivverifika jekk it-tebgħat tal-linka humiex minn IBNS u jistgħu jinvolvu l-pulizija, li jistgħu jużaw il-karti tal-flus bħala evidenza biex jikkundannaw lill-kriminali responsabbli.
  • Jekk l-investigazzjonijiet jiżvelaw li t-tbajja’ tal-linka huma minn IBNS, tista' ma tkunx intitolat għal rimborż. Il-banek ċentrali nazzjonali jistgħu jiskambjaw karti tal-flus tal-euro mtebbgħin minn apparat ta’ kontra s-serq biss fuq talba tas-sid oriġinali tal-karti tal-flus li kien il-vittma tal-attività kriminali li wasslet biex il-karti tal-flus jittebbgħu
  • Jekk f l-investigazzjonijiet jikkonfermaw li t-tbajja’ tal-linka mhumiex minn IBNS u l-karta tal-flus ġiet immarkata aċċidentalment, inti tirċievi karta tal-flus ġdida jew trasferiment ta’ fondi fil-kont bankarju tiegħek.

Għandek iktar mistoqsijiet? Aqra l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta’ April 2013 dwar il-bdil ta’ karti tal-flus imħassrin.

Il-paġni kollha f’din it-taqsima