Qafas politika tal-UEM

Daħla

Il-pożizzjoni istituzzjonali tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) għandha struttura doppja. Il-kompetenzi għall-politika monetarja u l-politika tar-rata tal-kambju għaddew għal-livell taż-żona tal-euro bid-dħul tal-euro, waqt li l-kompetenzi għall-politika ekonomika fil-biċċa l-kbira baqgħu fir-responsabbiltà tal-leġiżlaturi nazzjonali.

Ir-raġuni għal din id-dispożizzjoni, li tmur lura għat- Trattat ta' Maastricht tal-1992, hi li l-linji tal-politika ekonomika – bħall-politika fiskali u dik strutturali – spiss jeħtiġilhom iqisu l-karatteristiċi nazzjonali u l-pożizzjoni istituzzjonali u sikwit huma l-qofol ta' dibattiti nazzjonali pubbliċi u politiċi. Dan il-qafas kien mistenni jdaħħal ċerta kompetizzjoni bejn il-linji politiċi fost dawk li jfasslu l-politika nazzjonali u b'hekk ikun ta' kontribut biex toħroġ l-aqwa prattika li mbagħad tinxtered u tiġi assimilata mill-gvernijiet (ara l-artikoli bl-Ingliż fil-Bullettin tax-Xahar Institutional setting and workings of the euro area tal-2008 u The Economic policy framework in EMU tal-2001).

Fl-istess ħin, is-Suq Uniku tal-UE wassal biex l-ekonomiji Ewropej jiddependu ħafna minn xulxin. Fiż-żona tal-euro l-integrazzjoni ekonomika u finanzjarja kompliet tikber minħabba l-munita unika. Biex jitqiesu dawn l-interdipendenzi (b'mod partikolari t-tixrid tagħhom, jiġifieri meta d-deċiżjonijiet politiċi ta' pajjiż jolqtu pajjiżi oħra) il-linji tal-politika ekonomika jridu jkunu suġġetti għal qafas Ewropew ta' koordinament u sorveljanza. Barra dan, reazzjonijiet bla koordinament fil-politika ekonomika nazzjonali jistgħu jkunu inqas effettivi fil-konfront ta' xokk kbir komuni li jolqot lill-biċċa l-kbira tal-pajjiżi Ewropej, jekk mhux kollha, bejn wieħed u ieħor bl-istess mod, bħall-kriżi ekonomika u finanzjarja. Barra minn hekk, qafas Ewropew huwa meħtieġ ukoll minħabba li l-politika ekonomika nazzjonali trid tkun immirata għall-istabbiltà u dan jiżgura kompatibbiltà mal-politika monetarja unika u mal-għan ewlieni tagħha ta' stabbiltà fil-prezzijiet, kif jitlob it-Trattat.

Madankollu, il-kriżi finanzjarja u ekonomika wriet li kien hemm dgħufijiet fundamentali fil-qafas tal-governanza ekonomika. Il-governanza ekonomika kienet tibbaża fuq is-suppożizzjoni li l-pajjiżi jkollhom biżżejjed inċentivi biex "jieħdu ħsieb darhom" u b'hekk kważi awtomatikament ikunu qegħdin jagħtu l-kontribut tagħhom għall-ġid komuni taż-żona tal-euro. Fil-prattika d-deċiżjonijiet dwar il-politika monetarja kienu suġġetti biss għal kontrolli żgħar fil-livell Ewropew, anki f'dawk l-oqsma fejn suppost kellhom jorbtu regoli stretti (l-aktar fil-politika fiskali – ara aktar 'l isfel). Il-pressjoni tal-pari, jiġifieri l-pressjoni li ssir minn Stati Membri fuq xulxin biex isegwu politika ekonomika solida, kienet nieqsa mid-diskussjonijiet dwar il-politika Ewropea. Barra dan, is-swieq finanzjarji naqsu li jagħtu sehemhom b'mod xieraq fejn tidħol id-dixxiplina.

L-esperjenza miksuba mid-dħul tal-euro 'l hawn tissuġġerixxi li ntlaħqu l-limiti ta' fejn jista' jwassal il-koordinament laxk tal-politika, kemm fejn jidħol it-tfassil kif ukoll fejn tidħol l-implimentazzjoni tar-regolamenti u r-rakkomandazzjonijiet Ewropej. L-eżistenza ta' tixrid sostanzjali tal-linji tal-politika fost il-pajjiżi taż-żona tal-euro tiġġustifika b'mod ċar integrazzjoni aktar profonda fil-politika fiskali, strutturali u finanzjarja li fl-aħħar għandha twassal għal unjoni ekonomika komprensiva li tiggarantixxi li l-UEM taħdem tajjeb. F'dan l-isfond il-BĊE qiegħed jitlob li ssir qabża kbira fit-tisħiħ tal-pedamenti istituzzjonali tal-UEM biex naslu għal unjoni ekonomika aktar profonda li tkun taqbel mal-livell ta' integrazzjoni u interdipendenza ekonomika miksub diġà mill-unjoni monetarja (ara l-pubblikazzjoni bl-Ingliż Reinforcing economic governance in the euro area).

Ħarsa lejn il-koordinament tal-politika ekonomika u l-istrumenti ta' sorveljanza fil-UEM

Linji gwida Integrati

Minħabba li l-ekonomiji fl-UE – u b'mod partikolari fiż-żona tal-euro – intrabtu aktar ma' xulxin, it-Trattat jitlob lill-Istati Membri biex iħarsu lejn il-politika ekonomika tagħhom bħala kwistjoni ta' interess komuni u biex il-politika tiġi koordinata fi ħdan il-Kunsill tal-UE (Artikolu 121 TFUE). B'mod aktar speċifiku, it-Trattat (Artikolu 120 TFUE) jipprevedi l-adozzjoni ta' Linji gwida Wesgħin għall-Politika Ekonomika (BEPG) li jagħtu rakkomandazzjonijiet lil-leġiżlaturi dwar il-linji makroekonomiċi u strutturali tal-politika. Il-Linji gwida, li ġew adottati mill-Kunsill tal-UE wara rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, kienu għodda ewlenija għall-koordinament tal-politika fl-ewwel għaxar snin tal-UEM.

Mill-2005 'l hawn il-Linji gwida twaħħdu ma' dawk magħrufa bħala l-Linji gwida dwar l-Impjiegi (Artikolu 148 TFUE) biex saru l-Linji gwida Integrati. Ġew approvati fl-ogħla livell politiku mill-mexxejja tal-UE fil-laqgħat tar-rebbiegħa tal-Kunsill Ewropew u ġew aġġornati skont il-ħtieġa.

Strateġija Ewropa 2020

Ir-riformi ekonomiċi fis-swieq tal-prodotti u tax-xogħol biex tiżdied il-flessibbiltà tas-swieq u titkattar il-kompetizzjoni huma ta' importanza kbira biex il-UEM taħdem tajjeb. B'dawn ir-riformi l-Istati Membri jkunu jistgħu jżidu l-potenzjal tat-tkabbir u l-impjiegi. Barra dan, ir-riformi jgħinu lill-Istati Membri jtejbu l-produttività u l-kompetittività tagħhom waqt li fl-istess ħin l-ekonomiji tagħhom jissaħħu biex jilqgħu għal kull ċaqliq ekonomiku. Il-każ favur riformi strutturali jkompli jissaħħaħ fiż-żona tal-euro billi l-Istati Membri ma jistgħux ikomplu jużaw il-politika monetarja u r-rati tal-kambju bħala strumenti nazzjonali tal-politika. Għalhekk, ir-riformi strutturali huma importanti biex ma jkunx hemm żbilanċi fi ħdan iż-żona tal-euro.

F'dan l-isfond fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew ta' Ġunju 2010 l-mexxejja tal-UE adottaw l-"Istrateġija Ewropa 2020" – l-istrateġija tal-UE għall-ħolqien tal-impjiegi u għat-tkattir tat-tkabbir permezz ta' riformi ekonomiċi u soċjali, filwaqt li jitqiesu l-kunsiderazzjonijiet ambjentali. Taħt it-tliet intestaturi ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, l-istrateġija tkopri l-azzjonijiet politiċi fil-livell nazzjonali u tal-UE bil-għan li jitkattar il-ġid tal-poplu tal-Ewropa. L-ambizzjonijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 huma espressi permezz ta' ħames miri ewlenin fil-livell tal-UE li jolqtu l-impjiegi, ir-riċerka u l-iżvilupp, it-tibdil fil-klima, l-edukazzjoni u l-faqar.

Skont l-Istrateġija l-Istati Membri jridu jippreżentaw Programmi Nazzjonali ta' Riforma kull sena li jridu jkunu konsistenti mal-Linji gwida Integrati u li jkollhom l-għan li jegħlbu d-diffikultajiet li kull pajjiż iħabbat wiċċu magħhom fit-tkabbir u l-impjiegi. L-isforzi tal-Istati Membri għandhom l-għajnuna fil-livell tal-UE ta' inizjattivi importanti u linji politiċi ta' sostenn li għandhom x'jaqsmu, ngħidu aħna, mat-tlestija tas-Suq Uniku, mal-finanzjament tar-riċerka u l-innovazzjoni u mat-titjib tal-aċċess tal-kumpaniji tal-UE fis-swieq dinjin ec.europa.eu/europe2020/.

L-Istrateġija Ewropa 2020 issegwi l-Istrateġija ta' Lisbona, li ma kisbitx ħlief suċċess moderat l-aktar minħabba dispożizzjonijiet dgħajfa fil-governanza, nuqqas ta' miri ċari u defiċjenzi fil-komunikazzjoni. (Artikolu bl-Ingliż fil-Bullettin tax-Xahar ta' Lulju 2005: The Lisbon strategy – five years on). L-Istrateġija Ewropa 2020 tipprova ssewwi dawn in-nuqqasijiet l-aktar billi tagħti sehem qawwi lill-Kunsill Ewropew biex ikun jista' jmexxi l-implimentazzjoni tal-aġenda tar-riformi u biex isaħħaħ is-sorveljanza fuq il-politika tar-riformi tal-Istati Membri.

Qafas riformat għall-governanza ekonomika

Bi tweġiba għall-kriżi finanzjarja u ekonomika, fl-2011 il-Kunsill u l-Parlament Ewropew adottaw pakkett leġiżlattiv biex isaħħu l-qafas ta' governanza ekonomika tal-UE (għal evalwazzjoni ġenerali tal-BĊE ara l-artikolu bl-Ingliż fil-Bullettin tax-Xahar ta' Marzu 2011 The reform of economic governance in the euro area – essential elements).

Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir

Finanzi pubbliċi sodi jgħinu biex jintlaħqu għanijiet importanti oħra tal-politika, bħat-tkabbir b'saħħtu u sostenibbli, u għalhekk jgħinu biex jinħolqu l-impjiegi. Id-dixxiplina fiskali tgħin ukoll lill-banek ċentrali jżommu l-istabbiltà tal-prezzijiet (ara l-artikolu bl-Ingliż fil-Bullettin tax-Xahar ta' Lulju 2008 One monetary policy and many fiscal policies: ensuring a smooth functioning of EMU).

Għal dawn ir-raġunijiet it-Trattat jitlob lill-Istati Membri jevitaw defiċits eċċessivi (Artikolu 126 TFUE). Il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir (PST), li ġie adottat fl-1997, itejjeb il-provedimenti tat-Trattat dwar id-dixxiplina fiskali billi jistabbilixxi proċedura ta' sorveljanza multilaterali li tikkonsisti f'fergħa preventiva u oħra korrettiva (ara l-artikolu bl-Ingliż fil-Bullettin tax-Xahar ta' Ottubru 2008 Ten years of the Stability and Growth Pact).

Il-bażi tal-fergħa preventiva hija s-sorveljanza regolari tal-finanzi pubbliċi nazzjonali. Il-Kummissjoni u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea kull sena jevalwaw il-programmi ta' stabbiltà li jkunu ġew preżentati mill-membri taż-żona tal-euro u l-programmi ta' konverġenza li jkunu preżentaw il-membri li mhumiex fiż-żona tal-euro. Dawn il-programmi jagħtu ħarsa ġenerali lejn l-iżviluppi ekonomiċi u fiskali ta' kull pajjiż u jistabbilixxu għan għal żmien medju tal-politika fiskali kif ukoll mogħdija ta' aġġustament biex jintlaħaq dan l-għan. Il-Kummissjoni tista' toħroġ twissija bikrija lil Stat Membru li jkun fil-periklu li ma jikkonformax mal-impenji tiegħu skont il-PST.

Il-mekkaniżmu korrettiv tal-PST jimplika li meta Stat Membru ma jikkonformax mal-obbligi tiegħu tinbeda proċedura dwar id-defiċit eċċessiv. Il-Kunsill tal-UE jadotta rakkomandazzjonijiet għall-Istat Membru konċernat u b'mod partikolari jistabbilixxi data ta' skadenza għall-korrezzjoni tad-defiċits tiegħu. Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jissorvelja l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tiegħu u jirrevoka d-deċiżjoni dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv meta dan jiġi korrett. Jekk l-Istat Membru ma jikkonformax, hija prevista sensiela ta' miżuri oħra, minn sorveljanza aktar stretta sax-xandir tal-impożizzjoni ta' sanzjonijiet finanzjarji. L-Istat Membru konċernat jitħalla jieħu sehem fid-diskussjonijiet li jsiru fil-Kunsill tal-UE dwar ir-rakkomandazzjonijiet meħtieġa għalkemm, skont it-Trattat ta' Lisbona, ma jkunx jista' jivvota.

Sa mill-introduzzjoni tal-euro l-esperjenza wriet li l-provedimenti tal-PST naqsu li jdaħħlu livell suffiċjenti ta' dixxiplina fiskali f'għadd ta' Stati Membri. Madankollu, u kontra l-parir tal-BĊE, l-Istati Membri qablu fl-2005 dwar riforma tal-PST li daħħlet aktar flessibbiltà fil-proċeduri. Għal dik li hi l-fergħa preventiva, ir-riforma ppermettiet aktar diskrezzjoni kemm għat-twaqqif kif ukoll għall-progress tal-għan għal żmien medju tal-istabbiltà fiskali (ara aktar 'l isfel). Min-naħa tal-fergħa korrettiva, ir-regoli ġodda wessgħu l-użu tad-diskrezzjoni biex jiġi stabbilit x'inhu defiċit eċċessiv u estendew id-data ta' skadenza tal-proċeduri (ara l-artikolu bl-Ingliż fil-Bullettin tax-Xahar ta' Awwissu 2005 The Reform of the Stability and Growth Pact).

Fl-2011, wara l-lezzjonijiet li ttieħdu mill-kriżi finanzjarja u ekonomika, il-PST reġa' ġie riformat bħala parti mir-riforma ġenerali biex titjieb il-governanza ekonomika. Innovazzjoni partikolari biex jissaħħaħ il-Patt kienet li l-proċeduri deċiżjonali saru aktar awtomatiċi permezz tal-introduzzjoni tal-maġġoranza kwalifikata rriversjata: ċerti rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni jitqiesu li jkunu ġew adottati sakemm il-Kunsill ma jiċħadhomx b'maġġoranza kwalifikata sa ċertu żmien. Barra dan, saret aktar enfasi fuq il-kriterju tad-dejn pubbliku u fuq is-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi. Iddaħħlu wkoll sanzjonijiet finanzjarji u politiċi aktar bikrija u gradati biex l-Istati Membri jitħeġġu jikkonformaw.

Waqt li dawn il-miżuri jieħdu lejn it-triq it-tajba r-riforma kellha tmur aktar lil hinn. B'mod partikolari, il-BĊE jiddispjaċih li din il-qabża daqshekk kbira – biex id-deċiżjonijiet jittieħdu b'mod aktar awtomatiku permezz tal-vot b'maġġoranza kwalifikata rriversjata – intlaqgħet b'mod parzjali biss.

Qafas ta' sorveljanza makroekonomika

Bħala parti mir-riforma tal-2011 għat-tisħiħ tal-governanza ekonomika, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew adottaw qafas ġdid ta' sorveljanza makroekonomika. Din il-proċedura ġdida ta' sorveljanza għandha l-għan li tidentifika u tindirizza l-iżbilanċi makroekonomiċi u t-tnaqqis fil-kompetittività. Għalhekk għandha tikkomplementa l-proċess eżistenti ta' sorveljanza tal-pajjiżi previst mill-Istrateġija Ewropa 2020 li jiffoka fuq it-tkattir tat-tkabbir u tal-impjiegi b'mod sostenibbli u soċjalment inklużiv. Il-mekkaniżmu l-ġdid, li għandu fergħa preventiva u oħra korrettiva, se japplika għas-27 Stat Membru tal-UE.

Il-fergħa preventiva hi msejsa fuq mekkaniżmu ta' twissija li hu mfassal biex jidentifika l-iżbilanċi f'fażi bikrija. B'mod aktar speċifiku, fil-bidu ta' kull Semestru Ewropew (ara aktar 'l isfel) il-Kummissjoni tevalwa l-prestazzjoni tal-Istati Membri skont tabella ta' valutazzjoni ta' indikaturi makroekonomiċi biex tiskopri l-eżistenza, jew ir-riskju, ta' żbilanċi makroekonomiċi. Ir-riżultati tat-tabella ta' valutazzjoni u l-analiżi jiġu pubblikati f'rapport. Jekk il-Kummissjoni ssib li xi Stati Membri jkollhom indikazzjonijiet ta' żbilanċi makroekonomiċi sinifikanti, tagħmel eżami bir-reqqa tal-iżviluppi ekonomiċi, finanzjarji kif ukoll tal-finanzi pubbliċi f'dawk l-Istati Membri partikolari. Fuq din il-bażi l-Kunsill ikun jista' jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet meħtieġa lil dak l-Istat Membru konċernat.

Jekk waqt l-eżami tagħha l-Kummissjoni tidentifika żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi tista' tipproponi li tinbeda dik magħrufa bħala "Proċedura tal-Iżbilanċi Makroekonomiċi" (MIP) mill-fergħa korrettiva tal-proċedura ta' sorveljanza ekonomika. Il-Kunsill jagħmel rakkomandazzjoni dwar il-linja politika lill-pajjiż suġġett għal proċedura ta' żbilanċ eċċessiv (EIP) li mbagħad ikun jeħtieġlu jippreżenta pjan ta' azzjoni korrettiva (CAP) li jkun fih il-linji politiċi nazzjonali bi tweġiba għar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill. L-implimentazzjoni tal-CAP minn dan l-Istat Membru partikolari mbagħad tkun suġġetta għal sorveljanza bir-reqqa min-naħa tal-Kummissjoni u l-Kunsill, proċess li jkun jinkludi rapporti dwar il-progress u missjonijiet ta' sorveljanza. Fil-każ li l-pajjiż ma jikkonformax mar-rakkomandazzjonijiet jidħol fis-seħħ mekkaniżmu ta' sanzjonijiet bħal dak tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (EDP) għas-sorveljanza fiskali.

Il-BĊE jilqa' b'sodisfazzjon il-ħolqien ta' qafas ġdid ta' sorveljanza makroekonomika li jieħu ħsieb nuqqas importanti fil-qafas ta' governanza tal-UEM. L-effikaċja tal-mekkaniżmu l-ġdid madankollu m'għandhiex tiddgħajjef mill-ambitu wiesa' tiegħu, anki f'dawk li huma indikaturi li jintużaw, biex l-iżbilanċi u d-dgħufijiet ikunu jistgħu jissewwew f'fażi bikrija.

Semestru Ewropew

Mill-2011 'l hawn is-sorveljanza tal-UE fuq il-politika ekonomika tal-Istati Membri tagħha ġiet organizzata kull sena permezz tas-Semestru Ewropew. Dan il-proċess, li jseħħ matul l-ewwel nofs tas-sena, ġie stabbilit biex is-sorveljanza tal-UE dwar il-politika fiskali tiġi taqbel ma' dik tal-politika ekonomika filwaqt li jibqgħu separati legalment,. Il-proċess jippermetti li l-politika fiskali u dik makroekonomika jiġu evalwati simultanjament skont il-Linji gwida Integrati fil-proċessi differenti ta' sorveljanza, miżura li mistennija tiggarantixxi aktar konsistenza fejn jidħlu d-direzzjoni u r-rappurtar taż-żewġ linji politiċi. Barra dan, permezz tas-Semestru Ewropew, is-sorveljanza tal-pajjiżi hija komplementata mis-sorveljanza tematika li tkopri l-progress fil-qasam tar-riformi strutturali aktar wesgħin li sar qbil dwarhom fl-Istrateġija Ewropa 2020.

Dak magħruf bħala s-"semestru nazzjonali" iseħħ fit-tieni nofs tas-sena. Matulu l-Istati Membri jiffinalizzaw il-baġits nazzjonali u jimplimentaw miżuri politiċi li jkun sar qbil dwarhom fis-Semestru Ewropew.

Għalkemm għadu kmieni wisq biex wieħed jevalwa bis-sħiħ l-effikaċja tas-Semestru Ewropew għat-titjib tal-kondotta tal-politika fiskali u strutturali fl-Istati Membri, il-qafas jista' jagħti kontribut għal xejra aktar integrata u konsistenti fit-tfassil tal-politika ekonomika.

Patt Euro Plus

Fis-samit tal-11 ta' Marzu 2011 il-mexxejja taż-żona tal-euro adottaw Patt għall-Euro. Il-Patt għandu l-għan li jsaħħaħ il-pilastru ekonomiku tal-UEM billi jkompli jestendi l-koordinament tal-politika ekonomika għal oqsma li jidħlu fil-kompetenza nazzjonali, b'mod partikolari fejn jidħlu l-kompetittività, l-impjiegi u s-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi. Il-Patt huwa miftuħ ukoll għall-Istati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro u fih issieħbu l-Bulgarija, id-Danimarka, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja u r-Rumanija, biex issa sar magħruf bħala l-"Patt Euro Plus".

Il-Patt jibni fuq l-istrumenti ta' koordinament eżistenti tal-politika ekonomika, b'mod partikolari l-Istrateġija Ewropa 2020, u huwa konsistenti mas-Suq Uniku. L-Istati Membri msieħba impenjaw ruħhom li jagħmlu sforz speċjali u li jieħdu azzjonijiet konkreti li huma aktar ambizzjużi minn dawk li dwarhom kien hemm qbil diġà. Il-Patt jifforma parti mis-Semestru Ewropew u l-impenji nazzjonali jiġu eżaminati kull sena mill-Kapijiet tal-Istat jew tal-Gvern.

Id-dimensjoni taż-żona tal-euro fil-koordinament tal-politika ekonomika

L-effetti ta' tixrid li jistgħu jkunu sostanzjali f'unjoni monetarja (ara aktar 'il fuq) jitolbu li l-pajjiżi taż-żona tal-euro jikkoordinaw il-politika ekonomika tagħhom partikolarment mill-qrib. Din id-dimensjoni speċifika taż-żona tal-euro hi rikonoxxuta fit-Trattat ta' Lisbona li fih kapitlu ġdid iddedikat għall-"provedimenti speċifiċi għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro". Il-Protokoll dwar l-Eurogrupp, anness mat-Trattat, jirreferi b'mod espliċitu għall-ħtieġa "li għandu jiġi żviluppat koordinament aktar mill-qrib tal-politika ekonomika fiż-żona tal-euro" biex jitrawmu l-kundizzjonijiet għal tkabbir ekonomiku aktar qawwi fl-UE kollha kemm hi.

Minħabba din id-dimensjoni speċifika taż-żona tal-euro, it-Trattat ta' Lisbona reġa' għamel reviżjoni tal-proċeduri tal-votazzjoni fejn jidħlu deċiżjonijiet li jittieħdu fil-qasam tal-BEPG u l-PST. Kif issemma aktar 'il fuq, il-pajjiżi taż-żona tal-euro biss jistgħu jivvutaw fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fejn jidħlu deċiżjonijiet li jkollhom x'jaqsmu mal-pajjiżi taż-żona tal-euro. Il-ħtieġa li l-pajjiżi taż-żona tal-euro għandhom ikunu partikolarment stretti fl-osservanza tar-regoli miftiehma hija riflessa wkoll fil-fergħat korrettivi tal-PST u l-EIP fejn is-sanzjonijiet finanzjarji huma previsti biss għall-pajjiżi taż-żona tal-euro.

Eżempju ieħor tad-dimensjoni taż-żona tal-euro fil-qasam tal-koordinament tal-politika ekonomika jeżisti fil-qasam tal-politika fiskali fejn il-pajjiżi taż-żona tal-euro qablu li jtejbu s-sorveljanza tagħhom fil-qafas tal-Eurogrupp. B'mod aktar speċifiku l-Eurogrupp jagħmel eżami interim kull sena dwar kemm tkun xierqa l-politika baġitarja fil-pajjiżi taż-żona tal-euro qabel ma dawn jippreżentaw l-abbozzi tal-baġits nazzjonali għad-diskussjoni fil-parlamenti nazzjonali.

Lezzjoni ewlenija li ttieħdet mill-esperjenza tal-ewwel għaxar snin tal-euro, skont il-Kunsill tal-ECOFIN li ntemm f'Ottubru 2008, kienet li l-kompetittività fiż-żona tal-euro għandha tiġi sorveljata b'mod aktar komprensiv. L-Eurogrupp jeżamina regolarment is-swieq tax-xogħol, l-iżviluppi fil-kompetittività u l-iżbilanċi makroekonomiċi fiż-żona tal-euro. Barra dan, il-Linji gwida Integrati l-ġodda adottati skont l-Istrateġija Ewropa 2020 jinkludu linja gwida dettaljata għall-membri taż-żona tal-euro li tiġbed l-attenzjoni għall-iżbilanċi makroekonomiċi.

Sar aktar progress fit-tisħiħ tad-dimensjoni taż-żona tal-euro fil-koordinament tal-politika ekonomika meta fis-samit tas-26 ta' Ottubru 2011 il-mexxejja taż-żona tal-euro qablu li jiltaqgħu mill-inqas darbtejn fis-sena fis-sura ta' Euro Summits biex jipprovdu orjentamenti strateġiċi dwar il-politika ekonomika u fiskali fiż-żona tal-euro, biex id-dimensjoni taż-żona tkun tista' titqies aħjar fil-politika domestika. Huma impenjaw ruħhom ukoll li jieħdu għadd ta' miżuri supplimentari, aktar mir-rekwiżiti eżistenti, bħall-adozzjoni ta' regoli għal baġits bilanċjati (f'termini strutturali) li jaqilbu l-PST f'leġiżlazzjoni nazzjonali, preferibilment fil-livell kostituzzjonali jew l-ekwivalenti, kif ukoll il-konsultazzjoni tal-Kummissjoni u ta' pajjiżi oħra taż-żona tal-euro qabel jiġu adottati pjanijiet ta' riforma importanti fil-politika fiskali jew ekonomika li jista' jkollhom effetti ta' tixrid. (Stqarrija tal-Euro Summit)

Barra dan, minħabba s-sehem ewlieni tal-Eurogrupp, il-Kummissjoni u l-BĊE fil-ġestjoni ta' kuljum taż-żona tal-euro, kien hemm qbil li għandhom isiru tal-inqas laqgħat kull xahar bejn il-President tal-Euro Summit, il-President tal-Kummissjoni u l-President tal-Eurogrupp li għalihom jista' jattendi wkoll il-President tal-BĊE. Il-Presidenti tat-tliet aġenziji superviżorji (ara Sehem il-BĊE fl-istruttura riformata tas-superviżorja finanzjarja) u l-Kap tal-EFSF/ESM jistgħu jieħdu sehem fuq bażi ad hoc.

Barra dan, fi provediment ġdid li ddaħħal permezz tat-Trattat ta' Lisbona (Artikolu 136.1 TFUE) il-pajjiżi taż-żona tal-euro jistgħu jadottaw miżuri biex isaħħu l-koordinament u s-sorveljanza tad-dixxiplina baġitarja tagħhom u biex ifasslu linji gwida tal-politika ekonomika li jiggarantixxu li l-UEM tiffunzjona kif jixraq. Dawn il-miżuri, li jorbtu lill-pajjiżi taż-żona tal-euro, iridu jkunu konsistenti mal-istrumenti politiċi l-oħra (bħal-Linji gwida Integrati u l-PST). Il-mexxejja taż-żona tal-euro stiednu lill-Kummissjoni Ewropea tressaq proposti dwar kif dan l-Artikolu għandu jiġi implimentat.

Il-ġestjoni tal-kriżijiet u l-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà

Il-Kunsill Ewropew tat-28 u d-29 ta' Ottubru 2010 qabel li jistabbilixxi mekkaniżmu permanenti għall-ġestjoni tal-kriżijiet biex iħares l-istabbiltà finanzjarja fiż-żona tal-euro kollha kemm hi. It-twaqqif tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (ESM) għall-ġejjieni ġie adottat formalment fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tal-24 u l-25 ta' Marzu 2011 bħala parti minn pakkett komprensiv ta' miżuri bi tweġiba għall-kriżi. Din l-adozzjoni segwiet bidla limitata fl-Artikolu 136 tat-TFUE biex il-pajjiżi taż-żona tal-euro jkunu jistgħu jistabbilixxu mekkaniżmu ta' stabbiltà li għandu jiġi attivat skont il-ħtieġa sabiex iħares l-istabbiltà taż-żona tal-euro kollha kemm hi, b'għajnuna finanzjarja mogħtija b'kundizzjonijiet stretti ħafna.

L-ESM hu mistenni jidħol fis-seħħ mhux aktar tard minn Lulju 2012 b'kapaċità ta' self ta' €500 biljun u hu mistenni jieħu post il-miżuri temporanji bħall-Faċilità Ewropea ta' Stabbiltà Finanzjarja (EFSF) u l-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbilizzazzjoni Finanzjarja (EFSM) li twaqqfu wara d-deċiżjonijiet tal-Kunsill tal-ECOFIN tad-9 ta' Mejju 2010 biex jipprovdu għajnuna finanzjarja lill-Istati Membri li jsibu ruħhom f'diffikultajiet finanzjarji.

L-EFSM twaqqaf bħala mekkaniżmu tal-UE li għandu l-bażi legali tiegħu fl-Artikolu 122 tat-TFUE waqt li l-EFSF twaqqfet bħala mekkaniżmu taż-żona tal-euro fuq il-bażi tal-Artikolu 122 tat-TFUE u ta' ftehim intergovernattiv bejn il-pajjiżi taż-żona tal-euro. Iż-żewġ mekkaniżmi flimkien għandhom potenzjal ta' kapaċità ta' self ta' €500 biljun.

Fil-laqgħat tas-samits tal-11 ta' Marzu 2011 u tal-21 ta' Lulju 2011 il-mexxejja taż-żona tal-euro qablu li jżidu l-flessibbiltà tal-EFSF u tal-ESM għall-ġejjieni billi dawn tħallew jaġixxu fuq il-bażi ta' programm prekawzjonarju, ir-rikapitalizzazzjoni tal-finanzi tal-istituzzjonijiet finanzjarji u l-interventi fis-swieq primarji u sekondarji tal-bonds.

Fis-26 ta' Ottubru 2011 il-Kapijiet tal-Istat jew tal-Gvern taż-żona tal-euro qablu li kellhom iżidu r-riżorsi disponibbli tal-EFSF bla ma jestendu l-garanziji li jirfdu l-faċilitajiet (i) bil-provediment ta' titjib fil-kreditu għal dejn ġdid maħruġ mill-Istati Membri u/jew (ii) bil-kombinazzjoni ta' riżorsi minn istituzzjonijiet finanzjarji u investituri privati u pubbliċi li setgħu jsiru disponibbli permezz ta' special purpose vehicles. Barra dan, seta' jsir aktar titjib fir-riżorsi tal-EFSF billi tiżdied il-kooperazzjoni mill-qrib mal-FMI.

Il-BĊE jidħol f'xi operazzjonijiet tal-EFSM, EFSF u l-ESM tal-ġejjieni.

L-ewwel, se jikkollabora mal-Kummissjoni Ewropea u l-FMI u jevalwa jekk ikunx hemm riskju għall-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro kollha kemm hi, waqt li l-esperti tal-BĊE se jagħmlu analiżi rigoruża tas-sostenibbiltà tad-dejn. L-interventi tal-EFSF u l-ESM fis-suq sekondarju tal-bonds se jsir fuq il-bażi ta' rapport tal-BĊE.

Flimkien mal-Kummissjoni Ewropea u l-FMI l-esperti tal-BĊE se jipprovdu wkoll nies tekniċi kompetenti għan-negozjati dwar programm ta' aġġustament makroekonomiku mal-Istati Membri li jitolbu għajnuna finanzjarja għas-sorveljanza tal-implimentazzjoni tal-programm (ara l-artikolu bl-Ingliż fil-Bullettin tax-Xahar ta' Lulju 2011 The European Stability Mechanism).

Barra dan, f'Diċembru 2011 il-BĊE qabel li jaġixxi bħala aġent tal-EFSF għall-attivitajiet fis-suq sekondarju.