Il-faċċata

Il-faċċati tal-bini l-ġdid tal-Bank Ċentrali Ewropew huma magħmula mill-ħġieġ, brikks vetrifikati u metall. Il-Grossmarkthalle (li qabel kienet is-sala ewlenija tas-suq ta' Frankfurt am Main) tingħaraf mill-faċċati tal-konkos u l-brikks filwaqt li ż-żewġ torrijiet tal-uffiċċji u l-bini tad-daħla jidhru sew li huma bini ġdid minħabba l-faċċati tal-ħġieġ u l-metall.

Il-faċċati tal-Grossmarkthalle: bini antik restawrat għall-ġmiel oriġinali

Ix-xogħol karatteristiku tal-brikks u l-faċċata tal-konkos tal-Grossmarkthalle ġew restawrati b'kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet tal-konservazzjoni storika. Ritratti

iżjed

Il-binjiet tal-ġnub fuq il-lvant u l-punent

Sar xogħol estensiv ta' tiswija fuq il-faċċati tal-brikks taż-żewġ binjiet tal-ġnub. Il-brikks imkissrin inbidlu ma' oħrajn li nġabru meta twaqqa' l-bini l-ieħor li ma kienx se jintuża fil-proġett il-ġdid. Tneħħa t-tikħil mill-fili kollha tax-xogħol tal-brikks u, skont id-disinn oriġinali tal-Perit Martin Elsaesser, dawn imtlew b'żewġ kuluri differenti ta' siment – ċar għall-fili mimdudin u skur għall-fili weqfin – sabiex tkompli toħroġ l-orizzontalità tal-filati tal-brikks.

Il-binja tal-ġenb li tagħti fuq il-lvant kienet tiġbor fiha l-kmamar tal-friża tas-suq u l-faċċata tagħha ftit li xejn kellha twieqi. Għalhekk, bi qbil mal-awtoritajiet tal-konservazzjoni storika, inħoloq wisa' fix-xogħol tal-brikks għal ringieli ta' twieqi sabiex il-faċċata tiġi tixbah li dik tal-binja tal-ġenb li tagħti fuq il-punent. Twaħħal ħġieġ ġdid fil-gwarniċi qodma tal-azzar tat-twieqi li jinsabu fit-taraġ taż-żewġ binjiet tal-ġnub.

Il-faċċati tal-konkos

Il-faċċati tal-konkos li jagħtu fuq it-tramuntana u n-nofsinhar tal-Grossmarkthalle ssewwew u tnaddfu bir-reqqa u nbidlu t-twieqi kważi kollha. Il-gwarniċi tal-azzar tat-twieqi l-ġodda saru b'mod li jkunu dojoq bħall-qodma, iżda fl-istess ħin huma b'saħħithom biżżejjed biex jifilħu l-ħġieġ doppju. Barra minn hekk, it-twieqi l-ġodda huma ħafna aktar effiċjenti minn dawk qodma u jaħlu inqas enerġija.

Il-faċċati tal-brikks taż-żewġ sulari t'isfel tal-Grossmarkthalle tneħħew u minflokhom saru ringieli ta' twieqi sabiex ikun jista' jidħol aktar dawl naturali. It-twieqi li jagħtu fuq it-tramuntana sarilhom ħġieġ li jikkontrolla s-sħana filwaqt li dawk li jagħtu fuq in-nofsinhar sarilhom ħġieġ li jikkontrolla t-temperatura filwaqt li jipprovdi ħarsien mir-raġġi tax-xemx.

Estensjoni tal-faċċata fuq it-tramuntana

Ix-xogħol tal-brikks tal-ħajt ta' barra tal-estensjoni tal-faċċata li tagħti fuq it-tramuntana tal-Grossmarkthalle qiegħed jiġi restawrat bir-reqqa. Tlieta mit-twieqi oriġinali ġew restawrati u sarilhom ħġieġ ġdid filwaqt li l-oħrajn inbidlu bi twieqi ġodda magħmula minn sezzjonijiet dojoq tal-azzar u ħġieġa waħda biex jiġu jixbhu lil dawk oriġinali. Il-ħadid ta' sigurtà fuq barra ġie restawrat ukoll u twaħħal quddiem it-tliet twieqi oriġinali.

Kunċett ta' struttura f'oħra

Skont il-kunċett ta' struttura f'oħra ddisinjat mid-ditta tal-arkitetti COOP HIMMELB(L)AU, iż-żona tal-konferenzi u r-ristorant tal-istaff ġew integrati fil-Grossmarkthalle bħala elementi separati tal-bini. Dawn l-elementi għandhom qafas strutturali magħmul minn puntali u travi tal-azzar, u faċċati individwali magħmula minn ħġieġ li jikkontrolla s-sħana. Filwaqt li l-elementi l-ġodda tal-bini huma unitajiet magħluqa li għandhom is-sistema tagħhom li tirregola t-temperatura, iż-żoni miftuħa tal-Grossmarkthalle li jinsabu madwarhom se jkunu affettwati mit-temperatura tal-arja ta' barra skont l-istaġun.

Il-faċċata tat-torrijiet tal-uffiċċji: ġeometrija komplessa

Iż-żewġ torrijiet tal-uffiċċji u l-atriju trasparenti li jgħaqqadhom flimkien huma maħsuba biex jidhru bħala struttura monolitika tal-ħġieġ. Ritratti

iżjed

Il-faċċati tal-uffiċċji

Permezz ta' kombinazzjoni ta' ġeometriji differenti, iż-żewġ torrijiet tal-uffiċċji jidhru bħala blokka kbira tal-ħġieġ, b'uċuħ imżerżqin fil-faċċati li jagħtu fuq il-punent u l-lvant u b'uċuħ f'għamla ta' parabola iperbolika fil-faċċati li jagħtu fuq it-tramuntana u n-nofsinhar. Wiċċ f'għamla ta' parabola iperbolika huwa essenzjalment wiċċ imżaqqaq 'il ġewwa li jiġi ffurmat meta parabola li tiftaħ 'l isfel titmexxa matul parabola fissa li tiftaħ 'il fuq. Madankollu, dak li huwa importanti hu li l-wiċċ f'għamla ta' parabola iperbolika jiġi ffurmat minn żewġ settijiet ta' linji dritti, biex il-parabola iperbolika tinbena minn elementi f'linja dritta.

Dan il-prinċipju jifforma l-bażi tad-disinn tal-faċċata taż-żewġ torrijiet. It-torrijiet għandhom pannelli ċatti tal-ħġieġ, u 90% minnhom għandhom l-istess għamla. Kull turrun fih daqs l-għoli kollu ta' sular wieħed u għalhekk kulma jidhru huma biss l-appoġġi l-weqfin. Il-wiċċ tal-ħġieġ jidher omoġenju u mżaqqaq għalkemm huwa magħmul minn pannelli dritti.

Dan il-wiċċ għandu stil modern għall-aħħar u huwa magħmul minn faċċata magħrufa bħala shield hybrid li fiha tliet saffi u hija sintesi rfinata tal-kostruzzjonijiet ta' faċċati klassiċi li tgħaqqad il-funzjonijiet ta' twieqi konvenzjonali, twieqi bi ħġieġ doppju u faċċati doppji. Intgħażel tip speċjali ta' ħġieġ li jissodisfa diversi rekwiżiti li għandhom x'jaqsmu mal-prevenzjoni tan-nar, it-tnaqqis tar-riflessjoni fir-radar, it-tindif tal-faċċati u l-ħarsien mix-xemx. Il-ħġieġ li jagħti għal barra joffri ħarsien mir-raġġi tax-xemx filwaqt li dak fuq ġewwa jikkontrolla t-temperatura. Bejn iż-żewġ tipi ta' ħġieġ hemm blajnds tal-aluminju li jkomplu jżidu l-ħarsien mir-raġġi tax-xemx.

L-uffiċċji se jkollhom l-arja kondizzjonata iżda t-twieqi jippermettu wkoll il-ventilazzjoni naturali permezz ta' mekkaniżmu ġdid li bih kull ħġieġa tista' toħroġ mill-gwarniċ tagħha u ddur orizzontalment. Dan il-mekkaniżmu huwa "moħbi" wara l-faċċata ta' barra u jipprovdi arja friska fl-uffiċċji permezz tax-xquq tal-ventilazzjoni inkorporati fih. Jekk dawn ix-xquq li jistgħu jiġu aġġustati individwalment ikunu miftuħin, is-sistema tal-arja kondizzjonata f'dak l-uffiċċju partikolari tintefa biex ma jkunx hemm ħela ta' enerġija. Il-partijiet tat-tieqa li jinfetħu jistgħu jiġu regolati fi kwalunkwe pożizzjoni permezz ta' ċappetti li jaħdmu bl-elettriku.

Il-faċċata tal-atriju

Il-ħġieġ tal-faċċata tal-atriju – li jgħaqqad iż-żewġ torrijiet poligonali – huwa mwaħħal f'qafas tal-azzar li nħadem skont il-ħtiġijiet. Il-qafas huwa b'saħħtu biżżejjed biex jiflaħ it-toqol tal-pannelli tal-ħġieġ li jinsabu tul l-għoli kollu tal-atriju u għalhekk jidher sew minn ġol-ħġieġ. Skont il-kunċett tad-disinn, il-ħġieġ tal-atriju għandu kulur newtrali u huwa trasparenti. Hekk mill-atriju n-nies ikunu jistgħu jaraw tajjeb li l-bini ewlieni huwa magħmul minn żewġ torrijiet separati. Din l-impressjoni ta' atriju trasparenti tissaħħaħ permezz tas-saqaf tiegħu, li wkoll huwa tal-ħġieġ. Il-ħġieġ huwa miksi b'mod li jassorbi anqas minn 10% tal-enerġija tax-xemx, għalkemm is-sema xorta jibqa' jidher minnu.

Il-faċċata tad-daħla: aspett definit b'mod ċar

Il-binja imponenti tad-daħla, li tiġi fl-ewwel pjan quddiem il-bini tat-torrijiet u l-fetħa twila orizzontali tal-Grossmarkthalle, se torqom il-bixra sħiħa tal-bini u tiddefinixxi d-dehra tal-Bank Ċentrali Ewropew. Ritratti

iżjed

Id-daħla toħroġ madwar 20 metru 'l barra mill-Grossmarkthalle fid-direzzjoni ta' Sonnemannstrasse. Il-faċċata li tagħti fuq it-tramuntana, li taħbat maċ-ċentru tal-istampa, hija tassew impressjonanti: b'kuntrast mal-faċċata taż-żewġ torrijiet, għandha wiċċ tridimensjonali mżaqqaq magħmul minn pannelli iperboliċi tal-ħġieġ.

Il-ħitan tad-daħla, kif ukoll in-naħa ta' taħt, se jkunu miksijin bil-folji tal-aluminju filwaqt li l-faċċata tal-konkos tal-Grossmarkthalle se jkun fiha pannelli tal-ħġieġ biex tkompli tispikka bħala d-daħla ewlenija tal-Bank Ċentrali Ewropew.

Aktar tagħrif dwar il-faċċati jinsab fit-taqsima bl-Ingliż "Publications  Other publications" fil-paġna new premises media centre