Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (flimkien mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Lulju 2023

28 ta' Lulju 2023

Komunikazzjoni esterna

Stħarriġ tal-BĊE dwar temi ġodda għall-karti tal-flus tal-euro

Fl-10 ta’ Lulju 2023, il-BĊE nieda stħarriġ pubbliku dwar is-seba’ temi għas-serje li jmiss ta’ karti tal-flus tal-euro li kienu għadhom kemm intgħażlu mill-Kunsill Governattiv. It-temi huma: “L-għasafar: ħielsa, reżiljenti, ispiranti”, “Il-Kultura Ewropea”, “Il-valuri Ewropej riflessi fin-natura”, “Il-futur huwa tiegħek”, “L-idejn: flimkien nibnu l-Ewropa", “L-Ewropa tagħna: aħna nfusna” u “Ix-xmajjar: l-ilmijiet tal-ħajja fl-Ewropa". Informazzjoni relatata mal-istħarriġ, li huwa miftuħ sal-31 ta’ Awwissu 2023, hija disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE.

Il-politika monetarja

Bidla għar-rimunerazzjoni ta’ riżervi minimi

Fis-27 ta’ Lulju 2023, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jistabbilixxi r-remunerazzjoni tar-riżervi minimi għal 0 %. Il-bidla, li sejra ssir effettiva mill-bidu tal-perjodu ta' manteniment tar-riżervi li jibda fl-20 ta’ Settembru 2023, tippreserva l-effettività u ttejjeb l-effiċjenza tal-politika monetarja. Stqarrija għall-istampa dwar dan tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Infrastruttura tas-suq u ħlasijiet

Reviżjoni tal-politika tal-ipprezzar għal TARGET Instant Payment Settlement

Fit-13 ta’ Lulju 2023, il-Kunsill Governattiv approva politika tal-ipprezzar riveduta għas-servizzi ta’ TARGET Instant Payment Settlement (TIPS) u l-pubblikazzjoni tagħha fuq is-sit web tal-BĊE. L-istruttura tal-ipprezzar il-ġdida, li nħadmet mill-Bord tal-Infrastruttura tas-Suq, hija bbażata fuq taħlita bilanċata ta’ komponenti varjabbli u fissi, u mill-1 ta’ Jannar 2024 se tissostitwixxi l-istruttura tat-tariffi li ilha fis-seħħ sa mit-tmiem tal-2020. Aktar informazzjoni tinsab fuq is-sit web tal-BĊE.

Rapport dwar l-istatus tal-pjan ta’ azzjoni li jindirizza l-inċidenti tas-Servizzi TARGET tal-2020

Fit-13 ta’ Lulju 2023, il-Kunsill Governattiv ħa nota tat-tielet rapport ta' progress dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni biex jiġu indirizzati l-konstatazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tar-reviżjoni indipendenti wara inċidenti tas-Servizzi TARGET fl-2020. Il-konklużjonijiet tar-rapport ta' progress se jiġu kkomunikati lill-partijiet interessati ewlenin tas-suq dalwaqt.

Rapporti finanzjarji ta’ TARGET2-Securities

Fit-13 ta’ Lulju 2023, il-Kunsill Governattiv approva l-pubblikazzjoni tar-rapporti finanzjarji ta’ TARGET2-Securities għas-sena fiskali 2022 u ħa nota tal-opinjoni tal-awditu estern relatata. Il-pubblikazzjoni ta’ dawn ir-rapporti tissodisfa obbligu taħt il-Ftehim ta' Qafas T2S u hija maħsuba biex tgħarraf lill-klijenti u lill-partijiet interessati T2S, kif ukoll lill-pubbliku inġenerali, dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tat-T2S. Id-dokumenti jinsabu fil-websajt tal-BĊE.

Applikazzjoni ta’ ħames depożitorji ċentrali tat-titoli biex jaċċessaw servizzi tat-T2S

Fl-20 ta’ Lulju 2023 il-Kunsill Governattiv approva l-applikazzjoni ta’ ħames depożitorji ċentrali tat-titoli (CSDs) biex jaċċessaw servizzi tat-T2S fid-dawl tal-migrazzjoni ppjanata tagħhom fil-11 ta’ Settembru 2023. Dawn huma (i) Euroclear Finland, (ii) Euroclear Bank, (iii) Središnje klirinško depozitarno društvo (SKDD), (iv) Central Depository AD, u (v) is-Sistema ta’ Saldu tat-Titoli tal-Gvern ta’ Българска народна банка (il-Bank Nazzjonali Bulgaru). Il-Bord tal-Infrastruttura tas-Suq mexxa l-valutazzjoni relatata abbażi tal-kriterji stabbiliti fil-Linja Gwida tat-T2S u f’BĊE/2011/20. Il-lista tas-CSDs kollha li huma kkollegati mat-T2S tinsab fuq is-sit web tal-BĊE.

Valutazzjoni ta’ sorveljanza ta’ Mastercard Europe kontra r-Regolament SIPS

Fl-20 ta’ Lulju 2023, il-Kunsill Governattiv approva l-eżitu tal-valutazzjoni komprensiva ta’ sorveljanza fir-rigward ta’ MASTERCARD CLEARING MANAGEMENT SYSTEM kontra r-rekwiżiti ta’ sorveljanza stabbiliti fir-Regolament SIPS. Il-BĊE identifika lil MASTERCARD CLEARING MANAGEMENT SYSTEM bħala sistema ta' ħlas ta' importanza sistemika f’Mejju 2020 (ara d-Deċiżjoni BĊE/2020/26).

Eżitu tal-eżerċizzju ta’ identifikazzjoni PISA tal-2023

Fl-20 ta’ Lulju 2023, il-Kunsill Governattiv ħa nota tal-eżitu tal-eżerċizzju biex jiġu identifikati arranġamenti ta’ ħlas u skemi oħra ta’ ħlas li għandhom jiġu ssorveljati jew immonitorjati taħt il-qafas ta’ sorveljanza għall-istrumenti, l-iskemi u l-arranġamenti tal-ħlas elettroniku (il-qafas PISA). Il-lista ta’ skemi ta’ ħlas issorveljati li attwalment huma disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE se tiġi aġġornata kif meħtieġ meta jasal il-waqt.

Parir dwar il-leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar l-introduzzjoni ta’ ġurament bankarju u ċerti kwistjonijiet superviżorji u ta’ riżoluzzjoni

Fis-27 ta’ Ġunju 2023, il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2023/17 wara talba mill-Ministru tal-Finanzi tal-Belġju.

Opinjoni tal-BĊE dwar l-irbit tar-rata bażi minima tal-imgħax fuq kontijiet tat-tfaddil regolati mar-rata tal-faċilità tad-depożitu u l-introduzzjoni ta’ rata tal-imgħax protetta fuq id-depożiti tat-tfaddil

Fit-28 ta’ Ġunju 2023, il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2023/18 wara talba mill-Ministru tal-Finanzi tal-Belġju.

Opinjoni tal-BĊE dwar emendi għall-qafas tal-Unjoni għall-ġestjoni tal-kriżijiet u l-assigurazzjoni tad-depożiti

Fil-5 ta' Lulju 2023, il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2023/19 wara l-konsultazzjoni proposta mill-Kummissjoni u wara talba mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew.

Opinjoni tal-BĊE dwar proposta għal riforma tal-governanza ekonomika fl-Unjoni

Fil-5 ta’ Ġunju 2023, il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2021/20 wara talba mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew.

Opinjoni tal-BĊE dwar servizzi ta’ ħlas u sistemi ta’ ħlas

Fl-14 ta’ Lulju 2023, il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2023/21 wara talba mill-Ministru tal-Finanzi Bulgaru.

Opinjoni tal-BĊE dwar ċerti aspetti relatati mal-valutazzjonijiet tal-akkwiżizzjoni ta’ parteċipazzjonijiet kwalifikanti f’istituzzjonijiet ta’ kreditu u valutazzjonijiet ta' kompetenza u idoneità b’rabta ma’ persuni maħtura f’istituzzjonijiet ta’ kreditu

Fl-20 ta’ Lulju 2023, il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2023/22 wara talba mill-Kunsill tal-Ministri Bulgaru.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-parteċipazzjoni ta’ Malta fit-Trust għar-Reżiljenza u s-Sostenibbiltà tal-Fond Monetarju Internazzjonali

Fil-21 ta' Lulju 2023, il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2023/23 fuq talba mill-Ministru tal-Finanzi Malti.

Governanza korporattiva

Rakkomandazzjoni tal-BĊE dwar l-awdituri esterni tal-Banco de España

Fl-20 ta’ Lulju 2023, il-Kunsill Governattiv adotta r-Rakkomandazzjoni BĊE/2023/16 lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni tal-Banco de España.

Ħatra ta’ President interim tal-Kumitat tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni

Fl-4 ta’ Lulju 2023, il-Kunsill Governattiv ħatar lil Rafael Garcia Oliva, Viċi Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali tal-BĊE għas-Sistemi tal-Informazjoni, bħala President interim tal-Kumitat tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni (ITC) tal-Eurosistema/SEBĊ, sa mill-1 ta’ Lulju 2023 sakemm tidħol fis-seħħ il-ħatra tad-Direttur Ġenerali l-ġdid tal-BĊE għas-Sistemi tal-Informazzjoni.

Lista qasira ta’ kandidati xierqa biex isiru President tal-Bord Superviżorju

Fil-5 ta’ Lulju 2023, il-Kunsill Governattiv approva l-kandidati fil-lista l-qasira għall-pożizzjoni ta’ President tal-Bord Superviżorju. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ġew infurmati sussegwentement dwar il-lista l-qasira. II-Kunsill Governattiv huwa mistenni li jissottometit proposta għall-President il-Ġdid tal-Bord Superviżorju lill-Parlament Ewropew matul Settembru 2023.

Statistika

Memorandum ta’ Ftehim bejn il-BĊE u l-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni dwar l-iskambju ta’ informazzjoni statistika kunfidenzjali

Fis-7 ta’ Lulju 2023, il-Kunsill Governattiv approva talbiet mill-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni (SRB) għal aċċess regolari għal informazzjoni statistika kunfidenzjali f’għadd ta’ bażijiet ta’ data ġestiti mill-Eurosistema (e.ż. AnaCredit, Bażi ta’ Data tal-Istatistika dwar l-Investimenti fit-Titoli). L-SRB jeħtieġ dik l-informazzjoni biex iwettaq il-kompiti statutorji tiegħu bħala awtorità ta' riżoluzzjoni li tifforma parti mill-Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni. Il-Kunsill Governattiv approva wkoll Memorandum ta’ Ftehim mal-SRB li jistabbilixxi l-qafas ġenerali għal dawk l-iskambji ta’ informazzjoni statistika kunfidenzjali.

Superviżjoni Bankarja tal-BĊE

Metodoloġija tar-riskju tas-suq tal-Proċess Superviżorju ta’ Rieżami u Evalwazzjoni

Fit-22 ta’ Ġunju 2023, il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta tal-Bord Superviżorju li jippubblika deskrizzjoni dettaljata tal-metodoloġija tar-riskju tas-suq tal-Proċess Superviżorju ta’ Rieżami u Evalwazzjoni (SREP). Il-valutazzjoni tar-riskju tas-suq hija bbażata fuq (i) valutazzjoni kwantitattiva li tikkunsidra r-riskju inerenti (jiġifieri l-livell tar-riskju) u (ii) valutazzjoni kwalitattiva li tikkunsidra l-qafas ta’ ġestjoni u kontroll (jiġifieri kontroll tar-riskju). Id-dokument jinsab fuq is-sit web tal-BĊE.

Riżultati tat-testijiet tal-istress tal-2023 imwettqa mill-Awtorità Bankarja Ewropea u mill-BĊE

Fil-25 ta’ Lulju 2023, il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju biex japprova r-riżultati finali kemm tat-test tal-istress tal-2023 għall-Unjoni Ewropea kollha li ġie kkoordinat mill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) u t-test tal-istress tal-BĊE stess. Għal dan l-eżerċizzju, 57 bank ġew inklużi fil-kampjun tat-test tal-istress immexxi mill-EBA u 41 bank fil-kampjun tal-BĊE, li lkoll jinsabu taħt is-superviżjoni diretta tal-BĊE. Ir-riżultati sejrin jiġu ppubblikati fuq is-sit elettroniku tal-BĊE madwar is-18:00 CET tat-28 ta’ Lulju 2023.

Konsultazzjoni pubblika dwar Gwida tal-BĊE dwar aggregazzjoni ta' data dwar ir-riskji u rapportar tar-riskji effettivi

Fl-20 ta’ Lulju 2023 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju biex iniedi konsultazzjoni pubblika dwar Gwida tal-BĊE dwar aggregazzjoni ta' data dwar ir-riskji u rapportar tar-riskji effettivi. Il-materjal relatat ma’ din il-konsultazzjoni, li se tibqa’ għaddeja sas-6 ta’ Ottubru 2023, jinsab fuq is-sit web tas-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja