Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (flimkien mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Mejju 2021

14 ta’ Mejju 2021

Operazzjonijiet tas-suq

Emendi tad-Deċiżjoni tat-tielet serje ta’ operazzjonijiet immirati ta’ rifinanzjament għal żmien itwal

Fit- 30 ta’ April 2021 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni (UE) 2021/752 BĊE/2021/21 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2019/1311 dwar it-tielet serje ta’ operazzjonijiet immirati ta’ rifinanzjament għal żmien itwal (TLTRO-III). Il-bidliet introdotti (i) jemendaw ir-reġim ta’ sanzjonar f’każ li r-rapporti u l-verifiki meħtieġa ma jiġux ipprovduti mill-parteċipanti tat-TLTRO-III fil-ħin, (ii) jinkludu dispożizzjonijiet rigward it-trattament ta’ riorganizzazzjonijiet korporattivi li jseħħu wara l-31 ta’ Marzu 2021 għall-iskop tal-kalkolu tar-rati ta’ imgħax tat-TLTRO-III, u (iii) u fihom xi kjarifiki meqjusa meħtieġa għaċ-ċertezza legali. Il-verżjoni konsolidata mhux uffiċjali tad-Deċiżjoni TLTRO-III u l-kalendarju indikattivi rivedut TLTRO-III huma disponibbli fuq il-websajt tal-BĊE.

Aġġornament għat-trattament tal-proporzjon ta’ ingranaġġ fil-qafas tal-kontroparti tal-politika monetarja tal-Eurosistema

Fis-6 ta’ Mejju 2021 il-Kunsill Governattiv adotta l-Linja Gwida BĊE/2021/23 li temenda l-Linja Gwida (UE) 2015/510 dwar l-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema (il-Linja Gwida tad-Dokumentazzjoni Ġenerali). L-emenda tagħti effett lill-proporzjon ta’ ingranaġġ li jsir rekwiżit vinkolanti ta’ fondi proprji tal-Pilastru 1 taħt ir-Regolament dwar ir-Rekwiżiti Kapitali u se japplika mit-28 ta’ Ġunju 2021. Il-Linja Gwida li temenda u stqarrija għall-istampa relatata huma disponibbli fil-websajt tal-BĊE.

Politika makroprudenzjali u stabbiltà finanzjarja

Financial Stability Review – Mejju 2021

Fit-12 ta’ Mejju 2021 il-Kunsill Governattiv ta l-awtorizzazzjoni tiegħu għall-pubblikazzjoni tal-“Financial Stability Review – Mejju 2021” (Analiżi tal-Istabbiltà Finanzjarja – Mejju 2021). Din l-edizzjoni tivvaluta l-implikazzjonijiet tal-pandemija li għaddejja għall-funzjonament tas-suq finanzjarju, is-sostenibbiltà tad-dejn, il-profittabilità tal-banek u s-settur finanzjarju mhux bankarju u tistabbilixxi kunsiderazzjonijiet ta’ politika kemm għall-futur qarib kif ukoll għal dak medju. Ir-Review tinkludi wkoll żewġ artikoli speċjali: l-ewwel wieħed jiddiskuti konsiderazzjonijiet ta’ stabbiltà finanzjarja li jirriżultaw minn zombifikazzjoni korporattiva, filwaqt li t-tieni wieħed jivvaluta l-implikazzjonijiet tar-riskju tal-klima għall-istabbiltà finanzjarja. Il-Financial Stability Review – May 2021 huwa skedat li jiġi ppubblikat fil-websajt tal-BĊE fid-19 ta’ Mejju 2021.

Infrastruttura tas-swieq u ħlasijiet

Emendi għar-Regolament tal-BĊE dwar ir-rekwiżiti ta’ sorveljanza għal sistemi ta’ ħlas sistemikament importanti

Fid-29 ta’ April 2021 il-Kunsill Governattiv adotta r-Regolament (UE) 2021/728 (BĊE/2021/17) li jemenda r-Regolament (UE) 795/2014 (BĊE/2014/28) dwar ir-rekwiżiti ta' sorveljanza għal sistemi ta' ħlas sistemikament importanti (ir-Regolament SIPS), u adotta emendi għal żewġ deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni relatati – id-Deċiżjoni (UE) 2021/729 (BĊE/2021/18) u d-Deċiżjoni (UE) 2021/730 (BĊE/2021/19). L-atti legali ġew finalizzati wara l-konklużjoni ta’ konsultazzjoni pubblika li saret mis-27 ta’ Novembru 2020 sat-8 ta’ Jannar 2021. L-emendi introdotti fir-Regolament SIPS jiċċaraw il-kriterji li jiddeterminaw il-ħatra ta’ awtorità kompetenti, idaħħlu fis-seħħ metodoloġija flessibbli u li tħares ’il quddiem għall-identifikazzjoni ta’ sistemi ta’ ħlas bħala SIPSs u jistabbilixxu proċeduri ta’ proċess dovut li għandhom jiġu rrispettati kemm qabel kif ukoll wara li l-Kunsill Governattiv jadotta deċiżjoni li tidentifika sistema ta’ ħlas bħala SIPS. Aktar informazzjoni relatata mal-emendi SIPS hija disponibbli fuq il-websajt tal-BĊE.

Opinjonijiet fuq leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar reġim pilota għall-infrastrutturi tas-suq ibbażati fuq it-teknoloġija ta’ reġistru distribwit

Fid-28 ta’ April 2021 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2021/15 wara talba mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-libertà tal-informazzjoni

Fit-30 ta’ April 2021 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2021/16 wara talba tal-Kanċellerija Federali Awstrijaka.

Opinjoni tal-BĊE dwar l-għoti ta’ ċertu self u l-applikazzjoni ta’ rekwiżiti ta' riserva minima minn Narodowy Bank Polski

Fis-7 ta’ Mejju 2021 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2021/17 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi Pollakk.

Governanza korporattiva

Skedi għal-laqgħat tal-Kunsill Governattiv u l-Kunsill Ġenerali tal-BĊE fl-2022

Fil-23 ta’ April 2021 il-Kunsill Governattiv approva l-iskeda tiegħu tal-laqgħat għall-2022. Il-Kunsill Ġenerali approva wkoll l-iskeda tiegħu tal-laqgħat għal dik is-sena. Iż-żewġ skedi jinsabu fil-websajt tal-BĊE.

Aġent President tal-Konferenza tar-Riżorsi Umani

Fit-28 ta’ April 2021 il-Kunsill Governattiv ħatar lis-Sinjura Ildikó Ráczné Szőke, Kap tad-Diviżjoni tal-Ġestjoni tat-Talent fid-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani tal-BĊE (DĠ/HR) bħala Aġent President tal-Konferenza tar-Riżorsi Umani, b'effett mill-1 ta' Ġunju 2021 u sakemm tidħol fis-seħħ il-ħatra ta’ Direttur Ġenerali ġdid tad-DĠ/HR.

Rakkomandazzjoni lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni ta’ Národná banka Slovenska

Fis-6 ta’ Mejju 2021 il-Kunsill Governattiv adotta r-Rakkomandazzjoni BĊE/2021/22 lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni ta’ Národná banka Slovenska. Ir-Rakkomandazzjoni dalwaqt se tkun disponibbli fuq EUR-Lex.

Statistika

Emenda għal-Linja Gwida BĊE/2013/24 dwar ir-rekwiżiti ta’ rappurtar statistiku tal-BĊE fil-qasam tal-kontijiet finanzjarji trimestrali

Fid-29 ta’ April 2021 il-Kunsill Governattiv adotta l-Linja Gwida BĊE/2021/20 li temenda l-Linja Gwida BĊE/2013/24 dwar ir-rekwiżiti ta’ rappurtar tal-istatistika tal-BĊE fil-qasam tal-kontijiet finanzjarji trimestrali. L-emenda għandha l-għan li tiżgura r-rilevanza kontinwa tal-kontijiet finanzjarji trimestrali għall-analiżijiet ekonomiċi mwettqa mill-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali u tintroduċi l-bidliet li ġejjin: tqassim aktar dettaljat tas-settur tal-istituzzjonijiet finanzjarji l-oħra, li sar dejjem aktar importanti għall-analiżi tal-finanzjament settorjali u l-interkonnettività; qasma ta’ investiment dirett barrani ġdid ta' strumenti finanzjarji magħżula, li hija meħtieġa għal fehim aħjar tal-effetti tal-globalizzazzjoni; rappurtar obbligatorju ta’ dejta għas-subsettur tal-bank ċentrali biex jaqbad is-sett sħiħ ta' rekwiżiti ta’ rappurtar nazzjonali rilevanti; u tqassim addizzjonali ta’ strumenti finanzjarji għal intitolamenti tal-assigurazzjoni tal-ħajja u tal-pensjonijiet. L-att legali l-ġdid dalwaqt se jkunu disponibbli fuq EUR-Lex.

Kooperazzjoni internazzjonali u Ewropea

L-20 rapport annwali fuq ir-rwol internazzjonali tal-euro

Fit-12 ta’ Mejju 2021 il-Kunsill Governattiv approva l-20 rapport annwali fuq ir-rwol internazzjonali tal-euro u awtorizza l-pubblikazzjoni tiegħu. Ir-rapport jippreżenta ħarsa ġenerali tal-iżviluppi fl-użu tal-euro minn persuni mhux residenti fiż-żona tal-euro fl-2020. Fih ukoll tliet karatteristiċi speċjali dwar (i) l-implikazzjonijiet għar-rwol internazzjonali tal-euro tar-risponsi tal-politika tal-UE u tal-BĊE għall-pandemija; (ii) l-impatt potenzjali tal-ħruġ ta’ munita diġitali tal-bank ċentrali fuq ir-rwol internazzjonali tal-muniti; u (iii) sett ta’ dejta ġdid li joffri komprensjoni komprensiva u aġġornata tal-użu ta' muniti ewlenin fil-fatturazzjoni tal-kummerċ globali. Ir-rapport huwa skedat li jiġi ppubblikat fil-websajt tal-BĊE fit-2 ta’ Ġunju 2021.

Superviżjoni Bankarja tal-BĊE

Kompetenzi superviżorji ġodda tal-BĊE taħt ir-Regolament dwar it-Titolizzazzjoni

Fis-7 ta’ Mejju 2021 il-Kunsill Governattiv approva li s-superviżjoni tar-rekwiżiti taħt l-Artikoli 6-8 tar-Regolament dwar it-Titolizzazzjoni relatati maż-żamma tar-riskju, it-trasparenza u l-projbizzjoni fuq it-titolizzazzjoni mill-ġdid huma kompiti prudenti u, għaldaqstant, is-superviżjoni tagħhom hija kompetenza tal-BĊE. Aktar dettalji dwar il-mudell superviżorju se jiġu definiti fix-xhur li ġejjin. L-istqarrija għall-istampa relatata tinsab fis-sit tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja