Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (flimkien mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Ottubru 2020

30 ta’ Ottubru 2020

Operazzjonijiet tas-suq

Emendi għal-linji gwida tal-implimentazzjoni tal-politika monetarja

Fil-25 ta’ Settembru 2020 il-Kunsill Governattiv adotta emendi għall-qafas legali tal-BĊE għall-implimentazzjoni tal-politika monetarja, applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2021. Taħt il-Linji Gwida emendati, l-ebda assi negozjabbli garantiti għajr titoli garantiti minn assi u bonds koperti ma jiġu aċċettati bħala kollateral tal-Eurosistema. Il-BĊE se jneħħi wkoll bil-mod il-bonds koperti mhux leġiżlattivi (jiġifieri bonds koperti kuntrattwali) mill-qafas kollaterali tal-Eurosistema. Il-Linji Gwida emendati jiċċaraw ukoll il-proċess ta’ applikazzjoni u l-kriterji ta’ aċċettazzjoni għal istituzzjonijiet ta’ valutazzjoni tal-kreditu esterni fil-qafas tal-valutazzjoni tal-kreditu tal-Eurosistema, u barra minn hekk jemendaw il-qafas tal-kontroparti tal-politika monetarja tal-Eurosistema fir-rigward tat-trattament ta’ ksur ikkonfermat tar-rekwiżiti minimi ta’ fondi proprji u ksur tal-obbligu tar-rappurtar ta’ informazzjoni dwar il-proporzjonijiet tal-kapital fl-iskadenzi meħtieġa. Stqarrija għall-istampa relatata, il-Linji Gwida emendati (Linja Gwida BĊE/2020/45 li temenda l-Linja Gwida (UE) 2015/510 dwar l-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema, Linja Gwida BĊE/2020/46 li temenda l-Linja Gwida (UE) 2016/65 dwar il-haircuts ta’ valutazzjoni applikati fl-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema, u l-Linja Gwida BĊE/2020/47 li temenda l-Linja Gwida BĊE/2014/31 dwar miżuri temporanji addizzjonali relatati mal-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral) u d-Deċiżjoni li dawk il-Linji Gwida jimplimentaw (Deċiżjoni BĊE/2020/48 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2020/187 dwar l-implimentazzjoni tat-tielet programm ta’ xiri ta' bonds koperti) huma disponibbli fuq il-websajt tal-BĊE.

Linja Gwida li temenda l-Linja Gwida BĊE/2008/5 dwar l-immaniġġjar tal-assi barranin ta’ riżerva

Fit-8 ta’ Ottubru 2020 il-Kunsill Governattiv adotta l-Linja Gwida (UE) 2020/1514 li temenda il-Linja Gwida BĊE/2008/5 dwar l-immaniġġjar tal-assi barranin ta’ riżerva tal-Bank Ċentrali Ewropew mill-banek ċentrali nazzjonali u d-dokumentazzjoni legali għall-operazzjonijiet li jinvolvu dawn l-assi (BĊE/2020/49). Il-Linja Gwida li temenda tagħmilha ċara li l-verżjonijiet jew l-edizzjonijiet aġġornati u ġodda ta’ ftehimiet standard rilevanti għall-immaniġġjar tar-riżerva barranija tal-BĊE jistgħu jintużaw, bl-approvazzjoni tal-BĊE. Tagħmel ukoll lill-Ingliż il-lingwa predefinita tal-ftehimiet ta’ netting prinċipali għall-kontropartijiet kollha, fir-rigward tal-ftehimiet ta’ netting ġodda kollha li jkunu saru wara t-13 ta’ Ottubru 2020 li hija d-data minn meta tidħol fis-seħħ il-Linja Gwida emendata. Il-Linja Gwida li temenda tinsab fl-EUR-Lex.

Infrastruttura tas-swieq u ħlasijiet

Konsultazzjoni pubblika dwar l-abbozz tal-qafas ta’ sorveljanza tal-Eurosistema għal strumenti, skemi u arranġamenti ta' ħlas elettroniku

Fit-22 ta’ Ottubru 2020 il-Kunsill Governattiv approva t-tnedija ta’ konsultazzjoni pubblika ta’ xahrejn dwar l-abbozz tal-qafas ta’ sorveljanza tal-Eurosistema u l-metodoloġija ta’ valutazzjoni għal strumenti, skemi u arranġamenti ta’ ħlas elettroniku (PISA) u l-abbozz tal-politika ta’ eżenzjoni għall-qafas ta’ sorveljanza tal-Eurosistema relatat (it-tliet dokumenti flimkien jinkludu l-hekk imsejjaħ Qafas PISA).

Il-qafas PISA huwa maħsub biex jissostitwixxi l-istandards ta’ sorveljanza attwali għal strumenti ta’ ħlas u skemi ta’ ħlas u l-oqfsa u linji gwida ta’ sorveljanza relatati għal kards, debiti diretti u trasferimenti ta’ kreditu, kif ukoll l-għanijiet ta’ sigurtà għal flus elettroniċi. Huwa jallinja l-istandards ta’ sorveljanza tal-Eurosistema kemm jista’ jkun ma’ standards ta’ sorveljanza internazzjonali (il-Prinċipji CPMI-IOSCO għal infrastrutturi tas-suq finanzjarju), mal-istandards ta’ sorveljanza tal-Eurosistema għal sistemi ta’ ħlas sistemikament importanti u mal-qafas ta’ sorveljanza rivedut għal sistemi ta’ ħlas bl-imnut. Huwa jqis ukoll żviluppi regolatorji, teknoloġiċi u tas-suq reċenti u l-esperjenza miksuba b’valutazzjonijiet ta’ sorveljanza ta’ skemi ta’ ħlas bil-kard u skemi ta’ ħlas taż-Żona Unika ta’ Pagamenti bl-Euro (SEPA). II-konsultazzjoni pubblika tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Riskedar tas-Sistema għall-Ġestjoni tal-Kollateral tal-Eurosistema

Fit-22 ta’ Ottubru 2020 il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jċaqlaq id-data tat-tnedija għas-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Kollateral tal-Eurosistema (ECMS) minn Novembru 2022 sa Novembru 2023. Din il-bidla, b’konsultazzjoni mal-Bord tal-Infrastruttura tas-Suq, issegwi d-deċiżjoni preċedenti tal-Kunsill Governattiv li tipposponi d-data tat-tnedija għall-proġett biex tiġi kkonsolidata t-Trans-European Automated Real-time Gross settlement Express Transfer system (TARGET2) u TARGET2-Securities (T2S ) minn Novembru 2021 sa Novembru 2022 bħala riżultat tat-tħassib imqajjem mill-parteċipanti fis-suq dwar il-kapaċità tagħhom li jkunu lesti fil-ħin għad-data oriġinali tat-tnedija f'Novembru 2021, minħabba l-ambjent avvers kurrenti.

Opinjonijiet fuq il-leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar l-għoti ta’ kompiti addizzjonali relatati maż-żona unika ta' pagamenti tal-euro (SEPA) fuq il-Bank of Greece bħala awtorità nazzjonali kompetenti

Fis-6 ta’ Ottubru 2020 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2020/23 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tal-Greċja.

Opinjoni tal-BĊE dwar l-għoti ta’ likwidità fuq terminu qasir mill-Banca Naţională a României lill-Fond ta’ Garanzija għad-Depożiti Bankarji

Fis-26 ta’ Ottubru 2020 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2020/24 wara talba minn Banca Naţională a României.

Opinjoni tal-BĊE dwar l-iskema ta’ garanzija tad-depożiti u emendi oħrajn għal-leġiżlazzjoni dwar is-servizzi finanzjarji fil-Lussemburgu

Fis-27 ta’ Ottubru 2020 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2020/25 wara t-talba tal-Ministeru tal-Finanzi tal-Lussemburgu.

Governanza korporattiva

Membru ġdid tal-Bord tal-Infrastruttura tas-Suq

Fil-25 ta’ Settembru 2020 il-Kunsill Governattiv ħatar lis-Sinjura Inge van Dijk, Direttur tad-Diviżjoni tal-Ħlasijiet u l-Infrastrutturi tas-Suq id-De Nederlandsche Bank, bħala membru tal-Bord tal-Infrastruttura tas-Suq, minflok is-Sinjura Petra Hielkema, b'effett immedjat għal terminu li jintemm fil-31 ta' Mejju 2022.

President Interim tal-Kumitat tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni

Fit-30 ta’ Settembru 2020 il-Kunsill Governattiv ikkonferma l-estensjoni tal-ħatra tas-Sur Magí Clavé, Deputat Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali tas-Sistemi ta’ Informazzjoni (DĠ/IS), bħala President interim tal-Kumitat tat-Teknoloġija tal-Informatika (ITC) sakemm jinħatar Direttur Ġenerali ġdid tad-DĠ/IS.

Qafas mtejjeb tal-whistleblowing tal-BĊE

Fis-27 ta’ Ottubru 2020 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni (UE) 2020/1575 fir-rigward tal-valutazzjoni u s-segwitu ta’ informazzjoni dwar ksur irrappurtat permezz tal-għodda ta’ whistleblowing fejn persuna kkonċernata tkun uffiċjal tal-BĊE ta' livell għoli. Il-pjattaforma ta’ rappurtar intern tal-BĊE twaqqfet reċentement sabiex informazzjoni dwar ksur irrappurtat bl-użu tal-pjattaforma tista’ tinkludi rapporti li jirreferu għal uffiċjal ta’ livell għoli tal-BĊE bħala persuna li lilha huwa attribwit ksur, jew li magħha dik il-persuna hija assoċjata. Din id-Deċiżjoni tifforma parti minn qafas ta’ whistleblowing tal-BĊE li għadu kif ġie mtejjeb li, minbarra l-introduzzjoni ta’ għodda ta’ rappurtar sigura jipprovdi wkoll politika msaħħa għall-protezzjoni kontra r-ritaljazzjoni. Id-Deċiżjoni għandha l-għan li tiżgura implimentazzjoni bla xkiel tal-qafas imtejjeb billi tipprovdi għal valutazzjoni bir-reqqa u aġġornament tar-rapporti kollha sottomessi permezz tal-għodda l-ġdida tar-rappurtar skont proċedura armonizzata. Id-Deċiżjoni hija disponibbli fil-EUR-Lex.

Opinjoni tal-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew dwar rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-ħatra ta’ membru tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew

Fit-28 ta’ Ottubru 2020 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2020/26 wara talba tal-President tal-Kunsill Ewropew. Stqarrija għall-istampa f’dan ir-rigward tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Statistika

Emenda għall-Linji Gwida dwar il-frekwenza tar-rappurtar ta’ kwalità

Fl-14 ta’ Ottubru 2020 il-Kunsill Governattiv adotta emendi għal-Linji Gwida tal-BĊE, BĊE/2013/23, dwar l-istatistika tal-finanzi tal-gvern, BĊE/2013/24 dwar ir-rekwiżiti ta’ rapportar tal-istatistika tal-Bank Ċentrali Ewropew fil-qasam tal-kontijiet finanzjarji trimestrali u BĊE/2011/23 dwar ir-rekwiżiti ta’ rapportaġġ statistiku tal-Bank Ċentrali Ewropew fil-qasam tal-istatistika esterna. L-għan ewlieni tal-emendi huwa li tinbidel il-frekwenza tar-rappurtar dwar il-kwalità tad-dejta miġbura minn kull sena għal kull sentejn, sabiex jinkiseb bilanċ aħjar bejn il-ħtieġa għall-monitoraġġ u r-rappurtar ta’ din l-informazzjoni lill-Kunsill Governattiv u l-piż fuq il-BĊN taż-żona u l-BĊE fit-tħejjija ta’ rapporti dwar il-kwalità tad-dejta. Biex fil-frattemp ikun hemm flessibilità u reazzjoni adegwata għal kwistjonijiet ta’ kwalità tad-dejta, kull Linja Gwida tagħti d-diskrezzjoni għas-sottomissjoni ta’ rapporti ad hoc lill-Kunsill Governattiv meta jitqies meħtieġ. It-tliet Linji Gwida li jemendaw (Linja Gwida BĊE/2020/50 li temenda l-Linja Gwida BĊE/2013/23 dwar statistika tal-finanzi tal-gvern, Linja Gwida BĊE/2020/51 li temenda l-Linja Gwida BĊE/2013/24 dwar l-obbligi ta' rappurtar tal-istatistika tal-Bank Ċentrali Ewropew fil-qasam tal-kontijiet finanzjarji trimestrali, u l-Linja Gwida BĊE/2020/52 li temenda l-Linja Gwida BĊE/2011/23 fir-rigward tal-frekwenza tar-rapportar lill-Bank Ċentrali Ewropew dwar il-kwalità tal-istatistika esterna) introduċew ukoll emendi tekniċi żgħar. Dawn it-tliet Linji Gwida li jemendaw jinsabu fl-EUR-Lex.

Trażmissjoni ta’ informazzjoni statistika kunfidenzjali dwar statistika ekonomika u finanzjarja lill-Eurostat

Fit-22 ta’ Ottubru 2020 il-Kunsill Governattiv approva t-trażmissjoni trimestrali lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea (Eurostat) ta’ informazzjoni statistika kunfidenzjali dwar il-BĊE, il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà u l-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja għall-iskop tal-kumpilazzjoni tal-istatistika tal-bilanċ tal-pagamenti tal-UE. Il-Kunsill Governattiv adotta wkoll Deċiżjoni tal-BĊE li tiddelega lill-Bord Eżekuttiv tal-BĊE deċiżjonijiet futuri bħal dawn dwar it-trażmissjoni ta’ informazzjoni statistika kunfidenzjali fuq statistika ekonomika u finanzjarja lill-Eurostat. Id-Deċiżjoni se tiġi ppubblikata fil-EUR-Lex.

Karti tal-flus

Politika komuni riveduta dwar il-pubblikazzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni tal-Munita u d-dejta tal-produzzjoni tal-karti tal-flus

Fit-30 ta’ Settembru 2020 il-Kunsill Governattiv approva l-politika komuni riveduta dwar il-pubblikazzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Munita (CIS2) u d-dejta tal-produzzjoni tal-karti tal-flus. Bħala riżultat tal-emendi, id-deja netta nazzjonali tal-ħruġ ta’ kull xahar fuq il-karti tal-flus, maqsuma skont id-denominazzjoni u l-bank ċentrali nazzjonali, se tiġi ppubblikata permezz tal-iStatistical Data Warehouse (SDW) u fuq il-websajt tal-BĊE b’dewmien ta’ disa’ xhur wara tmiem is-sena. Id-dejta se tiġi ppubblikata għall-ewwel darba fil-ħarifa tal-2020 u se tkopri l-perjodu mill-2002 sat-tmiem tal-2019. Il-politika komuni ġiet stabbilita fl-2002 u minn dakinhar l-Eurosistema ppubblikat biss permezz tal-SDW u fuq il-websajt tal-BĊE ċifri aggregati taż-żona tal-euro mqassma skont id-denominazzjoni.

Superviżjoni bankarja

Konformità mal-Linji Gwida tal-ABE fuq il-mitigazzjoni tar-riskju tal-kreditu

Fis-6 ta’ Ottubru 2020 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju biex jinnotifika lill-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE) li, għall-istituzzjonijiet sinifikanti taħt is-superviżjoni diretta tiegħu, il-BĊE għandu l-intenzjoni li jikkonforma mal-Linji Gwida d dwar il-mitigazzjoni tar-riskju ta’ kreditu għal istituzzjonijiet li japplikaw l-approċċ IRB b’estimi proprji tal-LGDs (EBA/GL/2020/05) sad-data tal-applikazzjoni tal-Linji Gwida - jiġifieri mill-1 ta’ Jannar 2022. Il-Linji Gwida jiċċaraw l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tas-CRM u jipprovdu gwida dettaljata addizzjonali dwar il-metodi għar-rikonoxximent ta’ tekniki CRM differenti.

Konformità mal-Linji Gwida tal-ABE dwar l-ekwivalenza ta’ reġimi tal-kunfidenzjalità

Fis-16 ta’ Ottubru 2020 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord ta' Sorveljanza biex jinnotifika lill-ABE li, għall-istituzzjonijiet sinifikanti taħt is-superviżjoni diretta tiegħu, il-BĊE biħsiebu jikkonforma mal-Linji Gwida dwar l-ekwivalenza ta’ reġimi dwar il-kunfidenzjalità (EBA/GL/2020/03) mid-data tan-notifika. L-ABE tivvaluta jekk ir-reġimi ta’ kunfidenzjalità tal-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi humiex ekwivalenti għal dawk applikabbli taħt id-dritt tal-UE sabiex tiffaċilita l-parteċipazzjoni ta’ dawn l-awtoritajiet f’kulleġġi superviżorji li jissorveljaw istituzzjonijiet ta’ kreditu internazzjonali. Il-ħruġ tal-Linji Gwida mill-ABE kien meħtieġ minħabba li l-istrument legali użat għall-proċedura dwar il-valutazzjoni ta’ ekwivalenza ta’ awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi nbidel minn Rakkomandazzjonijiet għal Linji Gwida u l-lista ta’ awtoritajiet superviżorji ta’ pajjiżi terzi li r-reġim ta’ kunfidenzjalità tagħhom jitqies ekwivalenti mill-ABE ġiet emendata biex tinkludi lid-Dipartiment tas-Servizzi Finanzjarji tal-Istat ta’ New York (NY DFS).

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja