Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (flimkien mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Lulju 2020

31 ta’ Lulju 2020

Operazzjonijiet tas-suq

Reviżjoni tal-adattament tal-klassifikazzjonijiet ta’ Fitch fuq żmien qasir għall-iskala tal-klassifikazzjoni armonizzata tal-Eurosistema

Fis-26 ta’ Ġunju 2020, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jadatta mill-ġdid il-klassifikazzjonijiet għal żmien qasir "R-3", "P-3" u "A-3" ta’ DBRS Morningstar, Moody's u Standard & Poor's, rispettivament, mill-Credit Quality Step (Pass ta’ Kwalità ta’ Kreditu, CQS ) 4 sa CQS 3 fuq l-iskala ta’ klassifikazzjoni armonizzata tal-Eurosistema, u approva l-pubblikazzjoni tal-iskala aġġornata ta’ klassifikazzjoni armonizzata tal-Eurosistema fuq il-websajt tal-BĊE. L-attattament mill-ġdid huwa r-riżultat ta’ reviżjoni ad hoc tal-adattament tal-klassifikazzjonijiet għal żmien qasir tal-istituzzjonijiet ta’ valutazzjoni tal-kreditu esterni għall-iskala ta’ klassifikazzjoni armonizzata tal-Eurosistema. L-adattament ġdid se jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Awwissu 2020.

Adeżjoni tal-lev Bulgaru u l-kuna Kroata fil-Mekkaniżmu tar-Rata tal-Kambju II

Fit-13 ta’ Lulju 2020 il-BĊE ħabbar ir-rati ta intervent obbligatorji miftiehma bi ftehim komuni bejn il-BĊE, Българска народна банка (il-Bank Nazzjonali Bulgaru) u Hrvatska narodna banka, f’konformità mal-Artikolu 1.2 tal-Ftehim tas-16 ta’ Marzu 2006 bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri barra ż-żona tal-euro li jistabbilixxu l-proċeduri operattivi għal mekkaniżmu ta’ rata tal-kambju fl-istadju tlieta tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja. Stqarrija għall-istampa dwar dan tinsab fil-websajt tal-BĊE. Din id-deċiżjoni ssegwi l-valutazzjoni pożittiva tal-impenji preċedenti meħuda kemm mill-awtoritajiet Bulgari kif ukoll mill-awtoritajiet Kroati biex jidħlu kemm fl-unjoni bankarja kif ukoll fl-ERM II, li wasslu għad-deċiżjonijiet formali tal-10 ta’ Lulju 2020 biex jinkludu ż-żewġ muniti fl-ERM II li dwarhom hemm żewġ komunikati disponibbli wkoll fuq il-websajt tal-BĊE u fuq il-websajt tal-Kummissjoni Ewropea.

Arranġamenti ta’ linja ta’ repo prekawzjonarja mal-banek ċentrali tal-Albanija, is-Serbja u l-Ungerija

Fis-17 ta’ Lulju 2020 il-BĊE ħabbar li l-Kunsill Governattiv kien approva t-twaqqif ta’ żewġ arranġamenti ta’ linja ta’ repo biex jipprovdu likwidità tal-euro lil, rispettivament, il-Bank tal-Albanija u l-Bank Nazzjonali tas-Serbja. Dan kellu jindirizza l-bżonnijiet possibbli ta’ likwidità tal-euro fil-preżenza ta’ disfunzjonijiet fis-suq minħabba x-xokk ta' coronavirus (COVID-19). Arranġament ieħor simili mal-Magyar Nemzeti Bank tħabbar mill-BĊE fit-23 ta’ Lulju 2020. L-istqarrijiet għall-istampa relatati jinsabu fil-websajt tal-BĊE.

Reviżjoni ad hoc tal-lista ta’ emittenti klassifikati bħala aġenziji fil-qafas tal-kollateral tal-Eurosistema

Fis-17 ta’ Lulju 2020, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jżid 15-il emittent fil-lista tal-aġenziji rikonoxxuti fuq il-websajt tal-BĊE: NBank Investments- und Förderbank Niedersachsen (NBank), Investitionsbank Sachsen-Anhalt (ISA), Thüringer Aufbaubank, Investitions- und Strukturbank Rheinland-Pfalz (ISB), Bremer Aufbau-Bank, Landesförderinstitut Mecklenburg-Vorpommern, SaarländischInvestitionskreditbank AG, Clairsienne, Clésence, Valloire Habitat, Alliade Habitat, Néolia, Vilogia, Batigère u Malta Development Bank. Dan isegwi valutazzjoni pożittiva li huma jissodisfaw il-kriterji kwalitattivi, ibbażati fuq l-attività tajba komuni tagħhom u l-ambitu nazzjonali/reġjonali. Bħala riżultat dawn l-emittenti se jsiru eliġibbli għax-xiri taħt il-programm ta’ xiri ta’ assi (APP) u l-programm ta’ xiri għall-emerġenza pandemika (PEPP).

Espansjoni ulterjuri ta’ oqfsa addizzjonali ta’ klejms ta’ kreditu b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19

Fl-20 u t-22 ta’ Lulju 2020, il-Kunsill Governattiv approva talba minn bank ċentrali nazzjonali (BĊN) biex joħoloq qafas addizzjonali temporanju għal kreditu ġdid (ACC) u approva ukoll bidliet fl-oqfsa tal-ACC eżistenti ta’ ħames BĊN oħra. L-oqfsa tal-ACC ġew introdotti fl-2011 biex jippermettu lill-BĊN tal-Eurosistema jaċċettaw bħala kollateral ċerti klejms tal-kreditu li ma humiex konformi mar-regoli tal-eliġibbiltà u/jew mal-istandards tal-kwalità tal-kreditu stabbiliti fid-Dokumentazzjoni Ġenerali. Il-pakkett ta’ tnaqqis ta’ kollateral adottat mill-Kunsill Governattiv fis-7 ta’ April 2020 introduċa l-possibbiltà li dawn l-oqfsa jitwessgħu aktar. L-aċċettazzjoni ta’ oqfsa tal-ACC ġodda jew mwessgħin hija suġġetta għal approvazzjoni minn qabel mill-Kunsill Governattiv. Iżjed tagħrif iddettaljat dwar l-oqfsa tal-ACC hu disponibbli fil-websajt tal-BĊE.

Operazzjonalizzazzjoni tal-amministrazzjoni tas-self SURE

Fit-22 ta’ Lulju 2020, il-Kunsill Governattiv approva aspetti operattivi relatati mal-amministrazzjoni tas-self maħruġ taħt l-istrument il-ġdid għall-Appoġġ temporanju biex jittaffew l-Unemployment Risks in an Emergency (ir-Riskji tal-Qgħad f'Emerġenza) (SURE). L-ewwel nett, il-BĊE se jiftaħ kont wieħed għall-Kummissjoni Ewropea u kont wieħed għal kull BĊN ta’ Stat Membru tal-UE li jissellef biex iżomm fondi soġġetti għall-perjodu ta’ żamma ta’ negozju obbligatorju ta’ 20 jum tat-TARGET2 qabel il-ħlas lura għall-iskop tal-amministrazzjoni tas-self SURE. It-tieni nett, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li l-flussi ta’ ħlas lura relatati ma’ SURE (il-kapital u l-imgħax) obbligatorjament iddepożitati fil-kont tal-BĊE 20 jum tan-negozju tat-TARGET2 qabel id-data korrispondenti tal-iskadenza matul dak il-perjodu obbligatorju jkunu eżentati mir-remunerazzjoni b’rati ta’ imgħax negattivi. Minflok, matul dan il-perjodu bil-quddiem dawn id-depożiti jitħallsu jew b’żero fil-mija jew bir-rata tal-faċilità tad-depożitu, skont liema tkun l-ogħla. Għaldaqstant, dawn id-deċiżjonijiet jiġu riflessi fl-atti legali rilevanti. SURE huwa mistenni li jipprovdi għajnuna finanzjarja sa €100 biljun fil-forma ta’ self mill-UE lill-Istati Membri affettwati.

Pubblikazzjoni ta’ dejta dwar ir-rekwiżiti ta' riserva minima (MRR) u s-sistema fuq żewġ livelli

Fit-23 ta’ Lulju 2020, il-Kunsill Governattiv approva l-pubblikazzjoni fuq il-websajt tal-BĊE, bi frekwenza ta’ perjodu ta’ manutenzjoni, tad-dejta nazzjonali dwar l-MRR, il-kontijiet kurrenti u r-riżervi eċċessivi, kif ukoll dejta aggregata tal-Eurosistema u nazzjonali relatata mas-sistema fuq żewġ livelli. Id-dejta li trid tiġi ppubblikata hija allowances ta’ eżenzjoni, riżervi eċċessivi eżentati, riżervi żejda mhux eżentati, u allowance mhux użata. Id-dejta kollha tiġi ppubblikata abbażi tal-medji ta’ perjodu ta’ manutenzjoni. Il-BĊE iżomm il-possibbiltà li jdewwem dawn ir-rilaxxi tad-dejta jekk jidhirlu li jista’ jkollhom impatt negattiv fuq is-swieq. L-ewwel pubblikazzjoni li tkopri d-dejta mill-introduzzjoni tas-sistema fuq żewġ livelli hija ppjanata għal Novembru 2020, wara l-aġġustament tas-sistemi interni. Il-pubblikazzjoni sussegwentement isseħħ wara t-tmiem ta’ kull perjodu ta’ manutenzjoni.

Deċiżjoni li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2020/440 dwar programm temporanju ta’ xiri ta’ emerġenza fil-każ ta’ pandemija

Fit-28 ta’ Lulju 2020 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2020/36 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2020/440 dwar programm temporanju ta’ xiri ta’ emerġenza fil-każ ta’ pandemija. Id-Deċiżjoni li temenda legalment tintroduċi d-deċiżjonijiet meħuda fl-4-5 ta’ Ġunju 2020 mill-Kunsill Governattiv biex iżżid id-daqs tal-programm u testendi l-orizzont maħsub ta’ xiri nett. Din id-Deċiżjoni se tkun disponibbli dalwaqt fl-EUR-Lex.

Infrastruttura tas-swieq u ħlasijiet

Kontribuzzjoni għall-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni Ewropea dwar strateġija ta’ ħlas bl-imnut għall-UE

Fil-25 ta’ Ġunju 2020, il-Kunsill Governattiv approva kontribuzzjoni mis-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (SEBĊ) għall-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni Ewropea dwar strateġija ta’ ħlas bl-imnut għall-UE u awtorizza l-pubblikazzjoni tal-kontribuzzjoni tagħha. Ir-rispons li kien hemm kemm dwar din il-konsultazzjoni pubblika, kif ukoll dak paralleli dwar strateġija ġdida ta’ finanzi diġitali għall-pjan ta’ azzjoni Ewropa/fintech huwa mistenni li jintuża mill-Kummissjoni Ewropea biex tħejji strateġija ta’ ħlasijiet bl-imnut għall-pubblikazzjoni fit-tielet semestru tal-2020.

Aċċessibbiltà pan-Ewropea għal pagamenti immedjati permezz tat-TARGET Instant Payment Settlement (Saldu ta' Ħlasijiet Istantanji tat-TARGET (TIPS))

Fit-22 ta’ Lulju 2020, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li, sa Novembru 2021 u suġġett għal perjodu ta’ migrazzjoni possibbli, Fornituri ta’ Servizzi ta’ Ħlas (PSPs) li ssieħbu mal-iskema SEPA Instant Credit Transfer (SCT Inst) u li jistgħu jintlaħqu fit-TARGET2 għandhom ukoll jintlaħqu f’kont ta’ likwidità tal-flus tal-bank ċentrali TIPS. Għandhom ikunu jistgħu jintlaħqu jew bħala parteċipant jew bħala parti li tista’ tintlaħaq (i.e. permezz tal-kont ta’ PSP ieħor). Fl-istess ħin, id-Djar tal-Ikklerjar Awtomatizzati (ACHs) kollha li joffru servizzi ta’ ħlas immedjat għandhom imexxu il-kontijiet tekniċi tagħhom mit-TARGET2 għat-TIPS. Dawn il-miżuri jiżguraw il-parteċipazzjoni pan-Ewropea tal-ħlasijiet instantanji tal-euro, bl-għan aħħari jkun li jippermettu ħlasijiet elettroniċi minn u lejn kwalunkwe pajjiż f’ħin reali, kemm fil-ħwienet fiżiċi kif ukoll onlajn.

Estensjoni tal-kronoloġija tal-proġett ta’ konsolidazzjoni tat-Titoli TARGET2-TARGET2 (T2-T2S)

Fit-22 ta’ Lulju 2020, il-Kunsill Governattiv approva estensjoni ta’ sena għall-kronoloġija tal-proġett ta’ konsolidament T2-T2S minn Novembru 2021 sa Novembru 2022. Iddeċieda wkoll fil-prinċipju li d-data tat-tħaddim għas-Sistema għall-Ġestjoni tal-Kollateral tal-Eurosistema (ECMS) bl-istess mod kellha tkun posposta minn Novembru 2022 sa mill-inqas Ġunju 2023, b’analiżi ulterjuri li għandha titwettaq mill-Bord tal-Infrastruttura tas-Suq. Il-ġustifikazzjoni għal dawn id-deċiżjonijiet hija l-isfidi li għandha l-industrija finanzjarja bil-pandemija COVID-19 u l-iskedar mill-ġdid tal-migrazzjoni globali tal-pagamenti transkonfinali tas-SWIFT għall-ISO 20022.

Opinjonijiet fuq il-leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar l-emendar tal-kriterji tal-ħatra tal-Gvernatur tal-Banco de Portugal u tal-membri l-oħrajn tal-Bord ta’ Tmexxija

Fit-21 ta’ Lulju 2020 l-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2020/19 wara talba mill-Assemblea tar-Repubblika Portugiża.

Governanza korporattiva

Twaqqif organizzattiv ġdid tas-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE

Fl-24 ta’ Lulju 2020, il-Kunsill Governattiv ħa nota ta’ organizzazzjoni ġdida għall-oqsma tan-negozju fis-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE. Il-Kunsill Governattiv ġie kkonsultat dwar din il-bidla organizzattiva mill-Bord Eżekuttiv f’konformità mal-Artikolu 10.1 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-BĊE. Il-bidliet ser ikollhom bħala riżorsi l-allokazzjoni mill-ġdid tal-persunal eżistenti u se jkunu newtrali fir-rigward tal-ispejjeż. Jinkludu l-ħolqien ta’ żewġ oqsma ta’ negozju ġodda – li jġibu t-total għal sebgħa – u t-tqassim mill-ġdid ta’ assenjazzjonijiet fiż-żoni ta’ negozju eżistenti, b’sorveljanza speċifika tal-bank organizzata skont il-mudelli tan-negozju tal-banek. Informazzjoni aktar dettaljata dwar il-bidliet, li huma mistennija li jitlestew fir-raba’ trimestru tal-2020, tingħata fi stqarrija għall-istampa relatata disponibbli fuq il-websajt tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.

Pubblikazzjoni ta’ opinjonijiet maħruġa mill-Kumitat tal-Etika tal-BĊE

Fit-30 ta’ Lulju 2020 il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jippubblika l-opinjonijiet tal-Kumitat tal-Etika indirizzati lill-membri attwali tal-Bord Eżekuttiv, tal-Kunsill Governattiv u tal-Bord ta’ Sorveljanza u maħruġa mid-dħul fis-seħħ tal-Kodiċi ta’ Kondotta għall-membri ta’ livell għoli tal-Bank Ċentrali Ewropew (2019/C 89/03) f’Jannar 2019. Opinjonijiet maħruġa dwar, l-ewwel nett, kunflitti ta’ interess potenzjali rregolati taħt l-Artikoli 11 u 12 tal-Kodiċi Uniku u, it-tieni nett, impjieg bi qligħ wara l-mandat (l-Artikolu 17 tal-Kodiċi Uniku) se jiġu b’hekk irrilaxxati, ikkumplimentati kif applikabbli mill-eżitu tad-deliberazzjonijiet tal-Kumitat tal-Etika u tal-Kunsill Governattiv. Din il-pubblikazzjoni, li se tibda f'Settembru 2020 u ssegwi ritmu biannwali, hija inizjattiva ġdida mill-BĊE biex iżid it-trasparenza tiegħu u turi l-impenn kontinwu tiegħu għal governanza tajba u integrità.

Statistika

Deċiżjoni li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2015/32 dwar derogi li jistgħu jingħataw taħt ir-Regolament (UE) Nru 1073/2013

Fis-17 ta’ Lulju 2020, il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni (UE) 2020/1100 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2015/32 dwar derogi li jistgħu jingħataw skont ir-Regolament (UE) Nru 1073/2013 fir-rigward ta’ statistika dwar l-assi u l-obbligazzjonijiet tal-fondi tal-investiment (BĊE/2020/33). Id-Deċiżjoni li temenda tkopri l-inklużjoni ta’ aktar kategoriji ta’ fondi ta’ investiment, li minnhom jistgħu jingħataw derogi skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) Nru 1073/2013 (BĊE/2013/38), għall-banek ċentrali nazzjonali fl-Awstrija, il-Latvja, il-Litwanja u l-Portugall. Id-Deċiżjoni li temenda tipprovdi wkoll għat-tneħħija ta’ kategoriji ta’ fondi ta’ investiment għal Franza li m’għadhomx japplikaw u tinkludi emendi żgħar li jirriżultaw minn tibdiliet f’ċerti atti legali nazzjonali. Din id-Deċiżjoni tinsab fl-EUR-Lex.

Politika u proċeduri ta’ waqfien għar-rata fuq medda qasira ta’ żmien tal-euro (€STR)

Fl-20 ta’ Lulju 2020, il-Kunsill Governattiv adotta l-politika u l-proċeduri ta’ waqfien għal €STR u approva l-pubblikazzjoni tal-politika u l-proċeduri fuq il-websajt tal-BĊE. L-Eurosistema b’hekk tikkonforma mar-rekwiżit tal-Linja Gwida (UE) 2019/1265 (BĊE/2019/19) biex tadotta politiki u proċeduri ċari bil-miktub għall-waqfien possibbli tal- €STR minħabba sitwazzjoni, jew kwalunkwe kundizzjoni oħra, li tagħmel l-€STR mhux iktar rappreżentattiva tar-rata tal-imgħax sottostanti li l-€STR trid tkejjel.

Produzzjoni ta’ rati tas-suq tal-flus li mhumiex qed iħarsu lura

Fit-23 ta’ Lulju 2020, il-Kunsill Governattiv ta l-approvazzjoni tiegħu għall-BĊE biex iniedi l-pubblikazzjoni ta’ kuljum ta’ rati b’terminu komposti u indiċijiet ta’ kuljum ibbażati fuq ir-rata tal-euro għal żmien qasir  (€STR). Din l-approvazzjoni hija soġġetta għar-rispons li jkun irċieva f’konsultazzjoni pubblika dwar il-parametri tar-rati. It-tnedija tal-konsultazzjoni ġiet approvata wkoll mill-Kunsill Governattiv. Il-pubblikazzjoni ta’ dawn ir-rati, wara l-eżempju ta’ banek ċentrali ewlenin oħra, se tagħti sinjal ta’ appoġġ għall-ippjanar ta’ kontinġenza għall-EURIBOR u tista’ tiffaċilita użu aktar mifrux ta’ €STR fis-suq. Id-dokumentazzjoni li għandha x’taqsam ma’ din il-konsultazzjoni pubblika tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Superviżjoni bankarja

Deċiżjonijiet dwar l-istabbiliment ta’ kooperazzjoni mill-qrib bejn il-BĊE u Българска народна банка (il-Bank Nazzjonali Bulgaru) u l-BĊE u Hrvatska Narodna Banka

Fl-24 ta’ Ġunju 2020, il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni (UE) 2020/1015 dwar l-istabbiliment ta’ kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u Българска народна банка (il-Bank Nazzjonali Bulgaru) (BĊE/2020/30) u d-Deċiżjoni (UE) 2020/1016 dwar l-istabbiliment ta’ kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u Hrvatska Narodna Banka (BĊE/2020/31). Iż-żewġ Deċiżjonijiet jinsabu fl-EUR-Lex.

Linja gwida dwar l-eżerċizzju tad-diskrezzjoni skont l-Artikolu 178(2)(d) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013

Fil-25 ta’ Ġunju 2020 il-Kunsill Governattiv adotta l-Linja Gwida (UE) 2020/978 dwar dwar l-eżerċitar tad-diskrezzjoni taħt l-Artikolu 178(2)(d) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti b’rabta ma’ istituzzjonijiet inqas sinifikanti fir-rigward tal-livell minimu għall-valutazzjoni tal-materjalità tal-obbligi ta’ kreditu li jkunu dovuti (BĊE/2020/32). Il-Linja Gwida, li tqis ir-rispons riċevut fil-kuntest ta’ konsultazzjoni pubblika relatata tal-BĊE mnedija f’Jannar 2020, tinsab fl-EUR-Lex.

Konsultazzjoni dwar emendi għar-Regoli tal-Proċedura tal-Bord Superviżorju

Fil-15 ta’ Lulju 2020, il-Kunsill Governattiv ġie kkonsultat dwar abbozzi ta’ emendi għar-Regoli ta’ Proċedura tal-Bord Superviżorju, li ġew proposti mill-Bord Superviżorju bil-għan li jaħsbu għall-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti Bulgari u Kroati wara l-istabbiliment mill-qrib kooperazzjoni mal-awtoritajiet ta’ dawn iż-żewġ pajjiżi u l-BĊE taħt il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku. Skont l-Artikolu 13d tar-Regoli ta’ Proċedura tal-BĊE, il-Bord ta’ Sorveljanza għandu jadotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu wara li jkun ikkonsulta lill-Kunsill Governattiv.

Il-preparazzjonijiet tal-banek għar-riformi tar-rata ta’ referenza

Fit-22 ta’ Lulju 2020 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta tal-Bord Superviżorju biex japprova l-pubblikazzjoni ta’ żewġ dokumenti fuq riformi tar-rata ta’ referenza. L-ewwel dokument jippreżenta l-valutazzjoni orizzontali tal-preparazzjoni tal-banek għar-riformi tar-rata ta’ referenza ssorveljati taħt il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku. It-tieni huwa rapport li fih prattiki tajbin biex il-banek jadottawhom biex iħejju għat-tranżizzjoni. Iż-żewġ dokumenti huma disponibbi fil-websajt tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.

Konformità mal-Linji Gwida tal-ABE dwar moratorji leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi dwar il-ħlas lura ta’ self applikat fid-dawl tal-kriżi COVID-19

Fl-24 ta’ Lulju 2020, il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju biex l-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE) tiġi nnotifikata fir-rigward ta’ istituzzjonijiet sinifikanti taħt is-superviżjoni diretta tal-BĊE, dwar il-konformità tal-BĊE mal-Linji Gwida tal-ABE dwar moratorji ta’ miżuri leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi dwar il-ħlas lura ta’ self applikati fid-dawl tal-kriżi COVID-19 (ABE/GL/2020/02).

Riżultati tal-analiżi tal-vulnerabbiltà COVID-19

Fl-24 ta’ Lulju 2020, il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju biex jippubblika r-riżultati tal-analiżi tal-vulnerabilità COVID-19 imwettqa mill-MSU biex jidentifika l-vulnerabilitajiet potenzjali tas-settur bankarju wara l-pandemija. Ir-riżultati aggregati dettaljati jinsabu fil-websajt tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE, flimkien ma’ stqarrija għall-istampa relatata.

Rakkomandazzjoni dwar distribuzzjonijiet ta’ dividendi matul il-pandemija tal-COVID-19

Fis-27 ta’ Lulju 2020, il-Kunsill Governattiv, fuq proposta tal-Bord Superviżorju, adotta r-Rakkomandazzjoni BĊE/2020/35 dwar id-distribuzzjonijiet ta’ dividendi waqt il-pandemija COVID-19 u li tħassar ir-Rakkomandazzjoni BĊE/2020/19. Ir-Rakkomandazzjoni BĊE/2020/35, flimkien ma’ żewġ ittri lill-Kapijiet Eżekuttiv ta’ istituzzjonijiet sinifikanti (dwar politiki ta’ remunerazzjoni u l-kapaċità operattiva biex jittrattaw debituri f'diffikultà, it-tnejn fil-kuntest tal-pandemija), huma disponibbli fuq il-websajt tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE flimkien ma’ stqarrija għall-istampa relatata.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja