Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (minbarra d-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Ottubru 2019

25 ta’ Ottubru 2019

Operazzjonijiet tas-suq

Estensjoni tal-arranġament bilaterali dwar swaps tal-munita bejn il-BĊE u l-People’s Bank of China

Fit-18 ta' Settembru l-Kunsill Governattiv approva estensjoni oħra tal-arranġament bilaterali dwar swaps tal-munita bejn il-BĊE u l-People’s Bank of China għal tliet snin, sat-8 ta' Ottubru 2022. Dan l-arranġament dwar swaps għandu massimu ta' 350 biljun renminbi Ċiniż u €45 biljun. Stqarrija għall-istampa dwar dan ixxandret fil-websajt tal-BĊE wara li ntemm il-proċess tal-firem.

Adattament tal-klassifikazzjoni ta' Fitch fuq żmien qasir għall-iskala tal-klassifikazzjoni armonizzata tal-Eurosistema

Fl-4 ta' Ottubru l-Kunsill Governattiv approva l-adattament tal-klassifikazzjoni ta' Fitch fuq żmien qasir “F1” u “F3” għall-Grad 3 tal-Kwalità tal-Kreditu fuq l-iskala tal-klassifikazzjoni armonizzata tal-Eurosistema. Dan l-adattament jirriżulta mill-effett tal-analiżi regolari tat-tfassil tal-klassifikazzjonijiet tal-istituzzjonijiet esterni tal-valutazzjoni tal-kreditu għall-iskala tal-klassifikazzjoni armonizzata tal-Eurosistema, li għandha l-għan li tiżgura li l-assi ta' kwalità għolja tal-kreditu jiġu aċċettati bħala kollateral. L-adattament se jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Novembru 2019.

Deċiżjoni tal-BĊE dwar ir-remunerazzjoni ta' holdings ta' riżervi eċċessivi u ta' ċerti depożiti

Fil-15 ta’ Ottubru 2019 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2019/31 dwar ir-remunerazzjoni ta' holdings ta' riżervi eċċessivi u ta' ċerti depożiti (riformulazzjoni). Id-Deċiżjoni timplimenta legalment is-sistema fuq żewġ livelli għar-remunerazzjoni tar-riżervi eċċessivi approvata mill-Kunsill Governattiv bħala parti tal-pakkett sħiħ ta' miżuri ta’ politika monetarja mhux standard imħabbra fit-12 ta' Settembru 2019. Id-Deċiżjoni li se tkun applikabbli mis-seba' perijodu taż-żamma tar-riżervi tal-2019 li jibda fir-30 ta' Ottubru 2019, tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Parametri tekniċi biex jerġa' jibda x-xiri nett ta' assi taħt l-APP

Fit-23 ta' Ottubru 2019 il-Kunsill Governattiv ikkonferma li l-karatteristiċi ewlenin tal-programm tax-xiri ta' assi (APP) se jibqgħu fil-biċċa l-kbira kif kienu meta jerġa' jibda x-xiri nett.

B'mod partikolari, l-allokazzjoni fil-ġurisdizzjonijiet eliġibbli kollha għax-xiri taħt il-programm ta’ xiri tas-settur pubbliku (PSPP) se jibqa ggwidat, abbażi tal-istokks, mis-sottoskrizzjoni rispettiva tal-banek ċentrali nazzjonali għall- l-iskema tal-kapital tal-BĊE, kif emendata tul iż-żmien. Barra minn hekk, il-fidi prinċipali tal-PSPP normalment jerġa jiġi investit fil-ġurisdizzjoni fejn isiru r-rimborsi. Kif kien isir qabel, l-investimenti mill-ġdid tal-PSPP se jitqassmu matul is-sena biex jippermettu preżenza regolari u bilanċjata fis-suq. Il-Kunsill Governattiv iddeċieda wkoll li x-xiri ta' titoli ta' dejn negozzjabbli maħruġa minn organizzazzjonijiet internazzjonali u banek ta’ żvilupp multilaterali se jsiru minn għadd iżgħar ta' banek ċentrali nazzjonali biex tiġi simplifikata l-implimentazzjoni u jiġi protett il-funzjonament tas-suq.

Għall-programmi tax-xiri tas-settur privat, il-kapitalizzazzjoni tas-suq se tibqa' l-prinċipju ewlieni għax-xiri u mhu se jkun hemm ebda tibdil fil-kriterji tal-eliġibbiltà.

Infrastruttura tas-suq u pagamenti

Emenda ta' Linja Gwida TARGET2

Fl-4 ta’ Ottubru 2019 il-Kunsill Governattiv adotta l-Linja Gwida BĊE/2019/30 li temenda l-Linja Gwida BĊE/2012/27 dwar is-sistema Trans-European Automated Real-time Gross settlement Express Transfer (TARGET2). Il-Linja Gwida emendatorja tkopri rekwiżiti marbuta mal-verżjoni teknika tal-2019 li se tiġi introdotta f'Novembru 2019, b'mod partikolari t-tisħiħ tas-soluzzjoni ta' kontinġenza, kif ukoll l-introduzzjoni ta' rekwiżit għall-parteċipanti biex jipprovdu prova tal-aderenza mal-prinċipji tas-sigurtà tal-aħħar istanza tat-TARGET2. Il-Linja Gwida emendatorja, li se tkun applikabbli mis-17 ta' Novembru 2019, tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Opinjonijiet dwar il-leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar għodda makro-prudenzjali addizzjonali għal ipoteki residenzjali fil-Lussemburgu

Fis-27 ta’ Settembru 2019 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2019/34 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tal-Lussemburgu.

Governanza korporattiva

President interim tal-Kumitat tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni

Fis-7 ta' Ottubru 2019 il-Kunsill Governattiv ħatar lis-Sur Mr Magi Clavé, deputat Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali tas-Sistemi ta’ Informazzjoni tal-BĊE, b'seħħ mill-1 ta' Ottubru 2019 sal-aħħar ta' Marzu 2020.

Emendi fil-Kundizzjonijiet tal-Impjieg għall-Persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew

Fid-9 ta' Ottubru 2019 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2019/NP30 li temenda l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg għall-Persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward tas-sub-diviżjonijiet tal-gradi tas-salarju u kriterji addizzjonali ta' għażla u d-Deċiżjoni BĊE/2019/NP31 li temenda l-Anness IIa tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg għall-Persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew. Id-deċiżjonijiet emedatorji jtejbu l-qafas tal-ġestjoni tat-talenti u jintroduċu, b'mod partikolari, il-mobbiltà bħala kriterju addizzjonali tal-għażla għall-promozzjoni, sub-diviżjonijiet tal-gradi tas-salarju li jippermettu promozzjonijiet fi ħdan il-gradi tas-salarju, u inċentivi għat-titjib taż-żamma tal-parteċipanti tal-Programm tal-Gradwati. Id-deċiżjonijiet emedatorji daħlu fis-seħħ fl-10 ta' Ottubru 2019, u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg jinsabu fil-websajt tal-BĊE.

Opinjoni tal-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew dwar rakkomandazzjoni tal-Kunsill relatata mal-ħatra ta’ membru tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew

Fit-23 ta’ Ottubru 2019 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2019/35 wara talba tal-President tal-Kunsill Ewropew. Stqarrija għall-istampa relatata tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Statistika

Emenda tar-Regolament tal-BĊE dwar l-istatistika tas-swieq monetarji

Fis-27 ta’ Settembru 2019 il-Kunsill Governattiv adotta r-Regolament BĊE/2019/29 li jemenda r-Regolament Nru 1333/2014 dwar l-istatistika tas-swieq monetarji. Ir-Regolament emendatorju li jtejjeb l-Anness IV dwar l-istandards minimi li għandhom jiġu applikati mill-popolazzjoni attwali li qed tirrapporta, jinsab fil-websajt tal-BĊE.

Superviżjoni bankarja

Prijoritajiet superviżorji tal-MSU u valutazzjoni tar-riskji tal-MSU għall-2020

Fit-30 ta’ Settembru 2019 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta tal-Bord Superviżorju biex jiġi ppubblikat sommarju tal-prijoritajiet superviżorji tal-MSU u sommarju tal-valutazzjoni tar-riskji tal-MSU għall-2020. Is-sommarji huma disponibbli fil-websajt tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.

Riżultati tat-testijiet superviżorji tal-istress tal-2019

Fit-2 ta’ Ottubru 2019 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għar-rapport imħejji mill-Bord Superviżorju dwar ir-riżultati aggregati tat-testijiet tal-istress tal-likwidità tal-2019. Ir-rapport jikkonkludi li l-biċċa l-kbira tal-banek taħt is-superviżjoni diretta tal-BĊE għandhom pożizzjonijiet komdi ta' likwidità minkejja ċerti vulnerabbiltajiet li jeħtieġu aktar attenzjoni. Stqarrija għall-istampa relatata, flimkien mar-riżultati, ġiet ippubblikata sussegwentement fil-websajt tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.

Proċess ġdid għar-rikonoxximent ta' ftehimiet ta' nnettjar kuntrattwali skont l-Artikoli 295 sa 298 tas-CRR

Fit-2 ta' Ottubru 2019 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta tal-Bord Superviżorju li tistabbilixxi proċess ġdid li għandu jiġi applikat mill-BĊE għar-rikonoxximent ta' ftehimiet ta' nnettjar kuntrattwali skont l-Artikoli 295 sa 298 tar-Regolament dwar Rekwiżiti tal-Kapital (CRR). Il-proċess il-ġdid li ġie komunikat lill-istituzzjonijiet sinifikanti kollha u li hu spjegat f'ittra ppubblikata fis-sezzjoni tal-"ittri lill-banek" tal-websajt tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE, se jkun applikabbli mill-10 ta' Novembru 2019.

Deċiżjonijiet tal-BĊE dwar is-sinifikat ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu taħt superviżjoni

Fis-7, l-10 u l-24 ta’ Ottubru 2019 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta tal-Bord Superviżorju għal tibdil fl-istatus tas-sinifikat ta' ċerti istituzzjonijiet ta' kreditu taħt superviżjoni. Il-lista ta' entitajiet taħt superviżjoni tiġi aġġornata regolarment u ppubblikata fil-websajt tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja