Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (minbarra d-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)
Lulju 2019
Komunikazzjoni esterna
Skadenza tar-raba’ Ftehim tal-Banek Ċentrali fuq id-Deheb.
Fis-26 ta Lulju 2019 il-BĊE ħabbar li l-firmatarji tal-Ftehim tal-Bank Ċentrali fuq id-Deheb kienu kkonkludew li ftehim formali tad-deheb ma jibqax ikun meħtieġ wara l-iskadenza tiegħu fis-26 ta' Settembru 2019. Din id-deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi ta’ kull bank ċentrali nazzjonali rigward il-ġestjoni tar-riżervi tad-deheb tiegħu stess. Tagħrif iżjed dettaljat jinsab fi stqarrija għall-istampa fuq is-suġġett ippubblikata fil-websajt tal-BĊE.
Operazzjonijiet tas-suq
Il-proċess tan-negozju u l-qafas legali għall-produzzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir
Fl-10 ta’ Lulju 2019 il-Kunsill Governattiv approva l-proċess tan-negozju għall-produzzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir (€STR), b’mod partikolari l-pubblikazzjoni tal-€STR f’kull jum tan-negozju tat-TARGET2 fit-08:00 CET, possibilment segwit mir-ripubblikazzjoni fid-09:00 CET jekk jinstabu żbalji ta’ aktar minn żewġ punti bażi wara l-pubblikazzjoni standard. Il-Kunsill Governattiv adotta wkoll il-Linja Gwida BĊE/2019/19 dwar ir-rata tal-euro fuq terminu qasir (€STR), li tistabbilixxi l-kompiti u r-responsabbiltajiet tal-BĊE u tal-banek ċentrali nazzjonali fir-rigward tal-kontribut tagħhom għall-proċess għad-determinazzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir u proċeduri oħra ta’ negozju, tistabbilixxi l-qafas ta’ kontroll tal-€STR u tipprovdi għat-twaqqif ta’ kumitat ta’ sorveljanza interna inkarigat li jirrevedi, jikkontesta u jirrapporta dwar l-aspetti kollha tal-proċess ta’ determinazzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir. Tagħrif iżjed dettaljat jinsab fi stqarrija għall-istampa relatata disponibbli, flimkien mal-Linja Gwida BĊE/2019/19 fuq il-websajt tal-BĊE.
Atti legali dwar it-tielet serje ta’ operazzjonijiet speċifiċi ta’ rifinanzjament għal żmien itwal
Fit-22 ta’ Lulju 2019 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2019/21 dwar it-tielet serje ta' operazzjonijiet speċifiċi ta' rifinanzjament għal żmien itwal (TLTROs) u d-Deċiżjoni BĊE/2019/22 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2016/810 (BĊE/2016/10) dwar it-tieni serje ta' operazzjonijiet speċifiċi ta' rifinanzjament għal żmien itwal . Iż-żewġ atti legali, li jistabbilixxu r-regoli li jirriflettu l-karatteristiċi speċifiċi tal-operazzjonijiet TLTRO-III deċiżi mill-Kunsill Governattiv f'Marzu 2019 u ppreċiżati aktar f'Ġunju 2019, ser jiġu ppubblikati dalwaqt fuq il-websajt tal-BĊE.
Infrastruttura tas-suq u pagamenti
Eliġibbiltà ta' rabtiet ġodda bejn sistemi ta' saldu tat-titoli għall-użu f'operazzjonijiet ta' kreditu tal-Eurosistema
Fl-4 ta’ Lulju 2019 il-Kunsill Governattiv approva konnessjoni diretta ġdida (minn Clearstream Banking AG (CBF) -CASCADE għal BOGS) u tliet kollegamenti ġodda trasmessi (minn CBF-CREATION permezz ta’ Clearstream Banking SA (CBL) permezz ta’ CBF-CASCADE għal BOGS, minn CBL permezz CBF-CASCADE għal BOGS, u minn LuxCSD permezz ta’ CBF-CASCADE għal BOGS) bħala eliġibbli għall-użu f'operazzjonijiet ta' kreditu tal-Eurosistema. Il-lista aġġornata ta’ links eliġibbli tinsab fil-websajt tal-BĊE.
Opinjonijiet dwar il-leġiżlazzjoni
Opinjoni tal-BĊE dwar leġiżlazzjoni nazzjonali li għandha tiġi adottata bil-għan li tiġi stabbilita kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-Hrvatska narodna banka
Fit-8 ta’Lulju 2019 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2019/25 wara talba tal-Hrvatska narodna banka, f’isem il-Ministru Kroat għall-Finanzi.
Opinjoni tal-BĊE dwar il-ħlas ta’ fondi lil detenturi mhux infurmati ta' bonds subordinati u azzjonisti minoritarji li kellhom ishma miżmuma fil-banek li fihom ir-Repubblika tas-Slovenja kellha parteċipazzjoni azzjonarja ta' maġġoranza li ġiet affettwata mill-miżuri straordinarji tal-Banka Slovenije
Fid-9 ta’ Lulju 2019 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2019/26 wara talba tal-President tal-Assemblea Nazzjonali Slovena.
Opinjoni tal-BĊE dwar il-konverżjoni ta’ self fil-frank Svizzeru fis-Slovenja
Fit-18 ta’ Lulju 2019 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2019/27 wara talba mill-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika tas-Slovenja.
Governanza korporattiva
Proċedura għall-ħatra ta’ rappreżentanti tal-BĊE fil-Bord ta' Sorveljanza
Fl-10 ta’ Lulju 2019 il-Kunsill Governattiv ħatar, ibbażat fuq l-eżitu ta' proċess kompetittiv, lil Edouard Fernandez-Bollo, Kerstin af Jochnick u Elizabeth McCaul bħala rappreżentanti tal-BĊE fil-Bord Superviżorju tas-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE, kull wieħed għal terminu li ma jiġġeddidx ta’ ħames snin, li dwar dan il-Bord Superviżorju, il-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill tal-UE ġew sussegwentement mgħarrfa. Stqarrija għall-istampa dwar dan tinsab fil-websajt tal-BĊE.
Emenda fil-Kundizzjonijiet tal-Impjieg għall-Persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew
Fit-23 ta' Lulju 2019 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni ECB/2019/NP20, li temenda l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg għall-Persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew u l-Kundizzjonijiet ta’ Impjieg għal Terminu Qasir fir-rigward tal-għażla u l-ħatra. Id-Deċiżjoni li temenda tintroduċi xi kjarifiki dwar prinċipji u kriterji ewlenin li jirregolaw l-aċċess għall-impjiegi fil-BĊE u ħatriet għal pożizzjonijiet tal-BĊE u, inter alia, perijodu ta’ konferma għal ħatriet interni għal pożizzjonijiet maniġerjali. Il-Kundizzjonijiet tal-Impjieg jinsabu fil-websajt tal-BĊE.
Aġent President tal-Bord tal-Infrastruttura tas-Swieq
Fit-23 ta’ Lulju 2019 il-Kunsill Governattiv ħatar lis-Sur Ulrich Bindseil, Direttur Ġenerali Operazzjonijiet tas-Suq, bħala Aġent President tal-Bord tal-Infrastruttura tas-Swieq (MIB), mill-1 ta' Awwissu 2019 sakemm formalment jieħu l-pożizzjoni bħala Direttur Ġenerali Infrastruttura tas-Swieq u Ħlasijiet u President tal-MIB.
Opinjoni tal-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew dwar rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-ħatra ta’ President tal-Bank Ċentrali Ewropew
Fl-24 ta’ Lulju 2019 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2019/28 wara talba tal-President tal-Kunsill Ewropew.
Sħubija fil-Kumitat tal-Etika tal-BĊE
Fl-24 ta’ Lulju 2019 il-Kunsill Governattiv ħatar lis-Sinjura Virginia Canter bħalissa l-Konsulent Prinċipali tal-Etika ta’ organizzazzjoni mhux governattiva, bħala membru tal-Kumitat tal-Etika tal-BĊE għal mandat ta’ tliet snin (li jiġġedded darba). Is-Sinjura Canter se tieħu post is-Sur Jean-Claude Trichet, li t-tieni mandat tiegħu jispiċċa fil-31 ta’ Lulju 2019. Il-Kumitat sussegwentement ser jeleġġi l-President tiegħu.
Statistika
Deċiżjoni dwar il-proċedura għar-rikonoxximent ta’ Stati Membri li mhumiex taż-żona tal-euro bħala Stati Membri li jirrapportaw skont ir-Regolament (UE) 2016/867 dwar il-ġbir ta' mikrodejta dwar il-kreditu u r-riskju tal-kreditu
Fit-18 ta’ Lulju 2019, il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2019/20 dwar il-proċedura għar-rikonoxximent tal-Istati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro bħala Stati Membri li jirrappurtaw skont ir-Regolament (UE) 2016/867 dwar il-ġbir ta' dejta granulari ta' kreditu u riskju. Id-Deċiżjoni, li ser tiġi ppubblikata fiż-żmien dovut fuq il-websajt tal-BĊE, tispeċifika l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti mill-BĊE dwar espressjonijiet ta’ interess minn Stati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro biex isiru Stati Membri li jirrappurtaw skont ir-Regolament BĊE/2016/13, l-evalwazzjoni tiegħu ta’ dawn l-espressjonijiet ta’ interess, u r-rikonoxximent tiegħu ta’ Stat Membru li mhux fiż-żona tal-euro bħala Stat Membru li jirrapporta. Id-Deċiżjoni tistabbilixxi wkoll il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti f'każ ta’ sospensjoni jew terminazzjoni ta' tali rikonoxximent, kif ukoll il-kundizzjonijiet għall-aċċess għal u l-użu ta’ dejta ta' kreditu miġbura taħt dan ir-reġim.
Superviżjoni bankarja
Gwida tal-BĊE għall-mudelli interni
Fl-4 ta’ Lulju 2019 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju biex jippubblika fuq il-websajt tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE l-kapitoli speċifiċi għat-tip ta' riskju tal-gwida tal-BĊE għal mudelli interni, flimkien mal-istqarrija tar-rispons wara l-konsultazzjoni pubblika relatata mnedija f’Marzu 2018. Il-gwida tal-BĊE għal mudelli interni ġiet żviluppata fil-kuntest tar-reviżjoni mmirata tal-proġett ta’ mudelli interni (TRIM) sabiex tipprovdi trasparenza dwar kif il-BĊE jifhem ir-rekwiżiti regolatorji għall-mudelli interni u kif biħsiebu japplikahom b'mod armonizzat meta jivvaluta jekk l-istituzzjonijiet jissodisfawx dawn ir-rekwiżiti. Il-kapitoli speċifiċi għat-tip ta’ riskju, flimkien ma’ stqarrija ta’ rispons u stqarrija għall-istampa, huma disponibbli fuq il-websajt tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.
Mistoqsjiet li jsiru ta’ sikwit dwar Brexit aġġornati
Fl-4 ta’ Lulju 2019 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju biex tiġi ppubblikata fuq il-websajt tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE verżjoni aġġornata tal-mistoqsijiet li jsiru ta’ sikwit (FAQs) dwar id-dokument Brexit. Dan l-aġġornament inter alia jqis l-iżviluppi mill-aħħar aġġornament f'Awissu 2018, b'mod partikolari l-estensjoni tal-perijodu tal-Artikolu 50 tat-Trattat dwar Unjoni Ewropea tal- sal-31 ta’ Ottubru 2019; jipprovdi iktar informazzjoni dwar il-proċess ta’ approvazzjoni relatat mal-friegħi futuri ta' banek ta’ pajjiżi terzi li joperaw taħt il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku fir-Renju Unit; u jiddikjara li t-30 ta' Ġunju 2022 se jkun l-iskadenza għall-arranġamenti transitorji kollha relatati ma’ Brexit għall-mudelli interni li għandhom ikunu fis-seħħ. L-FAQs aġġornati huma disponibbi fil-websajt tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.
Konformità mal-Linji Gwida tal-ABE għall-istima tat-telf minħabba inadempjenza xieraq ma’ tnaqqis ekonomiku
Fis-16 ta' Lulju 2019 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju biex jinnotifika lill-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE), għal istituzzjonijiet sinifikanti taħt is-superviżjoni diretta tiegħu, bl-intenzjoni tal-BĊE li jikkonforma mal-Linji Gwida tal-ABE tas-6 ta' Marzu 2019 għall-istima tat-telf minħabba inadempjenza xierqa għal tnaqqis ekonomiku (ABE/GL/2019/03), sal-aħħar data tal-applikazzjoni tagħhom, attwalment stabbilita mill-ABE bħala l-1 ta' Jannar 2021.
Konformità mal-Linji Gwida tal-ABE dwar l-iżvelar ta' skoperturi mhux produttivi u u mrażżna
Fis-17 ta' Lulju 2019 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju biex jinnotifika lill-ABE, għal istituzzjonijiet sinifikanti taħt is-superviżjoni diretta tiegħu, bl-intenzjoni tal-BĊE li jikkonforma mal-Linji Gwida tal-ABE dwar l-iżvelar ta' skoperturi mhux produttivi u mrażżna ( ABE/GL/2018/10) mill-31 ta' Diċembru 2019.
Riżultati tal-valutazzjoni komprensiva għall-Nordea Bank Abp
Fis-17 ta' Lulju 2019 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju biex jippubblika r-riżultati ta' valutazzjoni komprensiva għan-Nordea Bank Abp (Nordea) imwettqa fl-2018 u ffinalizzata fl-2019. Il-valutazzjoni komprensiva segwiet id-deċiżjoni ta’ Nordea li tmexxi s-sede tagħha u l-kumpannija omm mill-Isvezja għall-Finlandja, li rriżultat fl-inklużjoni tagħha fl-ambitu tas-superviżjoni bankarja Ewropea. Stqarrija għall-istampa relatata li tagħti dettalji dwar ir-riżultati tal-valutazzjoni komprensiva tan-Nordea hija disponibbli fuq il-websajt tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja