Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (minbarra d-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Ġunju 2019

Operazzjonijiet tas-suq

Parametri tat-tielet serje ta’ operazzjonijiet speċifiċi ta’ rifinanzjament għal żmien itwal

Fis-6 ta’ Ġunju 2019 il-Kunsill Governattiv approva parametri ewlenin tat-tielet serje ta' operazzjonijiet speċifiċi ta’ rifinanzjament għal żmien itwal (TLTRO III). Dawn l-operazzjonijiet, imħabbra fis-7 ta’ Marzu 2019 u li jibdew f'Settembru 2019 u jintemmu f'Marzu 2021, b'maturità ta' sentejn kull waħda, se japplikaw rata ta’ imgħax għal kull operazzjoni stabbilita għal 10 punti bażi ‘l fuq mir-rata medja applikata għall-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament (MROs) matul il-ħajja tat-TLTRO rispettiva. Ir-rata applikata għall-operazzjonijiet TLTRO III se tkun iktar baxxa għall-kontropartijiet li s-self nett eliġibbli tagħhom bejn l-aħħar ta’ Marzu 2019 u l-aħħar ta' Marzu 2021 jaqbeż is-self nett tal-punt ta’ referenza. Tagħrif iżjed dettaljat fuq dawn il-parametri tekniċi jinsab fi stqarrija għall-istampa disponibbli fuq il-websajt tal-BĊE.

Estensjoni tal-oqfsa tal-klejms tal-kreditu addizzjonali (ACC)

Fis-7 ta' Ġunju 2019 il-Kunsill Governattiv approva l-estensjoni tal-oqfsa tal-klejms tal-kreditu addizzjonali (ACC) fil-format attwali tagħhom sad-data tal-maturità tal-aħħar operazzjoni speċifika ta’ rifinanzjament għal żmien itwal fit-tielet serje (TLTRO III), li hi skedata għall-aħħar ta' Marzu 2023. L-oqfsa ACC ġew introdotti fl-2011 biex jippermettu lill-banek ċentrali (BĊN) tal-Eurosistema jaċċettaw bħala kollateral ċerti klejms tal-kreditu li ma kinux konformi mar-regoli tal-eliġibbiltà u/jew mal-istandards tal-kwalità tal-kreditu stabbiliti fil-Linja Gwida BĊE/2014/60 dwar l-implimetazzjoni tal-politika monetarja tal-Eurosistema. L-aċċettazzjoni tal-oqfsa ACC tal-BĊN hi soġġetta għal approvazzjoni bil-quddiem mill-Kunsill Governattiv, u għall-kundizzjoni li telf li jirriżulta mill-aċċettazzjoni ta' ACC jiġġarrab esklussivament mill-BĊN li jaċċettaha. Iżjed tagħrif dettaljat dwar l-oqfsa ACC hu disponibbli fil-websajt tal-BĊE.

Infrastruttura tas-suq u pagamenti

Rapport Annwali TARGET 2018

Fit-23 ta’ Mejju 2019 il-Kunsill Governattiv ħa nota tar-Rapport Annwali TARGET 2018, li wara ġie pubblikat fil-websajt tal-BĊE. Ir-rapport jagħti tagħrif fuq it-tranżazzjonijiet fit-TARGET2, il-prestazzjoni tiegħu u l-iżviluppi ewlenin li seħħew fl-2018. Jinkludi wkoll sitt kaxxi li jipprovdu informazzjoni dettaljata dwar suġġetti ta’ relevanza partikolari fl-2018, speċifikament l-evoluzzjoni tat-tranżazzjonijiet fit-TARGET2, il-likwidità ta' TARGET2 intraday u l-użu tagħha, l-implikazzjonijiet ta’ Brexit għal TARGET2, Attivitajiet ta' ASI 6 Ħin Reali u TIPS, servizzi ta’ kontinġenza msaħħa ġodda, u l-proġett ta’ konsolidazzjoni TARGET2/T2S u servizzi futuri tal-RTGS.

Rendikonti finanzjarji TARGET2-Securities għas-sena fiskali 2018

Fid-29 ta’ Mejju 2019, il-Kunsill Governattiv approva l-pubblikazzjoni tar-rendikonti finanzjarji annwali TARGET2-Securities (T2S) 2018, imħejjija skont id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim Qafas T2S. Dawn ir-redikonti finanzjarji jipprovdu informazzjoni dettaljata dwar ir-rapport tas-sitwazzjoni finanzjarja T2S sal-31 ta’ Diċembru 2018, ir-rendikont operattiv tiegħu u noti ta' spjegazzjoni oħra, eż. dwar aspetti ta’ rkupru ta' spejjeż. Ir-rendikonti finanzjarji, li magħhom huwa anness ir-rapport tal-awditur indipendenti, huma disponibbli fuq il-websajt tal-BĊE.

Deċiżjoni tal-BĊE u l-Linja Gwida tal-BĊE li jemendaw dwar kriterji ta’ aċċess għal TARGET2-Securities

Fis-7 ta’ Ġunju 2019, il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2019/15 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2011/20 li tistabbilixxi regoli u proċeduri dettaljati għall-implimentazzjoni tal-kriterji ta' eliġibbiltà għal depożitarji ċentrali ta’ titoli biex ikollhom aċċess għas-servizzi tat-TARGET2-Securities u l-Linja Gwida BĊE/2019/16 li temenda l-Linja ta' Gwida BĊE/2012/13 dwar TARGET2-Securities. L-atti legali li jemendaw, li jintroduċu bidliet limitati u essenzjalment tekniċi għall-kriterji għal depożitarju ċentrali tat-titoli biex ikunu eliġibbli għall-aċċess għas-servizzi T2S, huma disponibbli fuq il-websajt tal-BĊE.

Opinjonijiet dwar il-leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar rimedju ġudizzjarju mogħti lil detenturi ta’ kreditu bankarju kkwalifikat fis-Slovenja

Fit-28 ta’ Mejju 2019 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2019/20 wara talba mill-Viċi President tal-Assemblea Nazzjonali tas-Slovenja.

Opinjoni tal-BĊE dwar ir-riforma tar-reġim superviżorju bankarju u tas-suq finanzjarju fl-Awstrija

Fil-31 ta’ Mejju 2019 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2019/21 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tal-Awstrija.

Opinjoni tal-BĊE dwar l-għanijiet u l-governanza tal-Kummissjoni Latvjana għas-Swieq Finanzjarji u Tal-Kapital

Fit-12 ta’ Ġunju 2019 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2019/22 wara talba tal-Ministru tal-Finanzi Latvjan.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-governanza u l-indipendenza finanzjarja tal-Bank Ċentrali ta’ Ċipru u dwar emendi għall-Kostituzzjoni dwar il-Bank Ċentrali ta’ Ċipru

Fil-21 ta’ Ġunju 2019 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2019/24 wara talba tal-Ministeru tal-Finanzi tar-Repubblika ta’ Ċipru.

Opinjoni tal-BĊE dwar l-istruttura ta’ sjieda tal-Banca d'Italia u s-sjieda ta’ riżervi tad-deheb

Fl-24 ta' Ġunju 2019 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2019/23 wara talba tal-President tal-Kamra tad-Deputati tal-Parlament Taljan (Camera dei Deputati).

Governanza korporattiva

Skeda għal-laqgħat tal-Kunsill Governattiv u l-Kunsill Ġenerali tal-BĊE fl-2020

Fil-23 ta' Mejju 2019 il-Kunsill Governattiv approva l-iskeda tiegħu tal-laqgħat għall-2020. Il-Kunsill Ġenerali wkoll approva l-iskeda tiegħu tal-laqgħat għal dik is-sena. L-iskeda hija disponibbli fil-websajt tal-BĊE.

Ħatra ta’ Presidenti provviżorji għall-Kumitat għall-Infrastruttura tas-Suq u l-Pagamenti u l-Bord għall-Infrastruttura tas-Suq

Fil-31 ta’ Mejju 2019 il-Kunsill Governattiv ħatar lis-Sur Mehdi Manaa bħala Aġent President tal-Bord għall-Infrastruttura tas-Suq (MIB) u lis-Sinjura Fiona van Echelpoel bħala Aġent President tal-Kumitat għall-Infrastruttura tas-Suq u l-Pagamenti (MIPC), mill-1 ta' Ġunju 2019 sakemm id-Direttur Ġenerali Infrastruttura tas-Suq & Pagamenti l-Ġdid jidħol fil-kariga. Is-Sur Manaa u s-Sinjura van Echelpoel bħalissa huma Deputati Diretturi Ġenerali Infrastruttura tas-Suq u Pagamenti. Fil-11 ta’ Ġunju 2019 il-BĊE ħabbar li l-Bord Eżekuttiv ħatar lis-Sur Ulrich Bindseil, bħalissa Direttur Ġenerali Operazzjonijiet tas-Suq, bħala Direttur Ġenerali Infrastruttura tas-Suq u Pagamenti b'effett mill-1 ta' Novembru 2019. Stqarrija għall-istampa dwar dan tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Tiġdid fil-kompożizzjoni tal-Bord tal-Infrastruttura tas-Swieq

Fil-31 ta’ Mejju 2019 il-Kunsill Governattiv approva l-kompożizzjoni tal-Bord għall-Infrastruttura tas-Suq (MIB), il-korp ta' governanza tal-Eurosistema responsabbli għall-kompiti ta’ ġestjoni teknika u operattiva fil-qasam tal-infrastruttura tas-suq li ġie stabbilit mill-Kunsill Governattiv fl-2016. Il-MIB huwa magħmul minn tlettax-il membru: disgħa mill-BĊN tal-Eurosistema; tnejn minn BĊN mhux tal-Eurosistema li jipparteċipaw f'servizzi tal-infrastruttura tal-Eurosistema; u żewġ membri ta’ banek mhux ċentrali (mingħajr drittijiet tal-vot), wieħed b'esperjenza bħala uffiċjal anzjan fl-industrija tal-pagamenti u wieħed b'esperjenza bħala uffiċjal anzjan fl-industrija tat-titoli. Il-President huwa appoġġat minn Deputat President magħżul minn fost il-membri tal-MIB, li jinħatar mill-Kunsill Governattiv. Il-membri l-ġodda maħtura mill-1 ta’ Ġunju 2019 huma: id-Direttur Ġenerali tal-BĊE Infrastruttura tas-Suq u Ħlasijiet bħala President, Maria Tereza Cavaco (il-Portugall) bħala Viċi President, Stefan Augustin (l-Awstrija), Carlos Conesa (Spanja), Petra Hielkema (l-Olanda) , Marc Lejoly (il-Belġju), Jochen Metzger (il-Ġermanja), Ivan Odonnat (Franza), Paolo Marullo Reedtz (l-Italja), Kirsi Ripatti (il-Finlandja) u Karsten Biltoft (id-Danimarka), kif ukoll Joël Mérère u Ralf Ohlhausen bħala membri ta’ bank mhux ċentrali.

Statistika

Linji Gwida li jemendaw għall-istatistika RIAD u MFS

Fis-7 ta’ Ġunju 2019, il-Kunsill Governattiv adotta l-Linja ta' Gwida BĊE/2019/17 li temenda l-Linja Gwida BĊE/2018/16 dwar ir-Reġistru ta’ Dejta dwar Istituzzjonijiet u Affiljati (RIAD) u l-Linja Gwida BĊE/2019/18 li temenda l-Linja Gwida BĊE/2014/15 dwar Statistika Monetarja u Finanzjarja (MFS). Il-Linji Gwida li jemendaw, li jintroduċu biss bidliet limitati u essenzjalment tekniċi, se jiġu ppubblikati eventwalment fil-websajt tal-BĊE.

Superviżjoni bankarja

Id-Deċiżjoni tal-BĊE li tistabbilixxi l-prinċipji għad-definizzjoni ta’ għanijiet u l-kondiviżjoni ta' feedback f'timijiet superviżorji konġunti

Fid-29 ta’ Mejju 2019 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2019/14 li tistabbilixxi l-prinċipji għad-definizzjoni tal-għanijiet u l-kondiviżjoni ta’ feedback f'timijiet superviżorji konġunti u li tħassar id-Deċiżjoni (UE) 2017/274. Id-Deċiżjoni, li tintroduċi proċess uniformi biex tiddefinixxi l-għanijiet u taqsam ir-reazzjonijiet fi ħdan il-JSTs fid-dawl tar-rwol ċentrali tagħhom fit-twettiq tal-kompiti ta’ sorveljanza mogħtija lill-BĊE u l-kompożizzjoni mħallta tagħhom ma’ persunal mill-BĊE u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, hija disponibbli fuq il-websajt tal-BĊE.

Deċiżjonijiet tal-BĊE dwar is-sinifikat ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu taħt superviżjoni

Fid-29 ta’ Mejju 2019 l-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta tal-Bord Superviżorju biex ibiddel l-istatus tas-sinifikat ta' ċerti istituzzjonijiet ta' kreditu taħt superviżjoni. Il-lista ta' entitajiet taħt superviżjoni tiġi aġġornata regolarment u tinsab fis-sit tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE. Issir ukoll reviżjoni annwali tas-sinifikat ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-eżitu jiġi ppubblikat (ara l-istqarrija għall-istampa ppubblikata fil-websajt tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE fil-14 ta' Diċembru 2018).

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja