European Central Bank - eurosystem
Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (minbarra d-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Mejju 2018

Operazzjonijiet tas-suq

Provvediment mill-Eurosistema ta' servizzi tal-ġestjoni tar-riżervi f'euro

Fit-3 ta’ Mejju 2018 il-Kunsill Governattiv adotta l-Linja Gwida BĊE/2018/14 dwar il-forniment ta’ servizzi ta’ ġestjoni ta’ riżervi f’euro mill-Eurosistema għall-banek ċentrali u pajjiżi li jinsabu barra ż-żona tal-euro u għal organizzazzjonijiet internazzjonali. Ir-reviżjonijiet introdotti bil-Linja Gwida huma maħsuba għall-implimentazzjoni ta' diversi bidliet operazzjonali, biex jiċċaraw xi aspetti fir-rigward tas-servizzi u biex jindirizzaw xi suġġerimenti li waslu mingħand il-klijenti tas-servizzi tal-Eurosistema għall-ġestjoni tar-riżervi (ERMS). Il-Linja Gwida tinsab fil-websajt tal-BĊE.

L-isem tar-rata overnight il-ġdida tal-BĊE mhux garantita

Fis-16 ta' Mejju 2018 il-Kunsill Governattiv iddeċieda li r-rata overnight il-ġdida tal-BĊE mhux garantita se tissejjaħ [ESTER (euro short-term rate) (rata tal-euro fuq żmien qasir). Din ir-rata tal-imgħax li għandha tiġi prodotta qabel l-2020, se tikkomplementa r-rati referenzjali eżistenti prodotti mis-settur privat u se sservi bħala rata referenzjali ta' salvagwardja. Iżjed tagħrif dettaljat dwar din ir-rata ġdida hu disponibbli fil-websajt tal-BĊE.

Stabbiltà finanzjarja u superviżjoni

Financial Stability Review ta’ Mejju 2018

Fis-16 ta’ Mejju 2018 il-Kunsill Governattiv awtorizza l-pubblikazzjoni tal-"Financial Stability Review – May 2018” (Analiżi tal-istabbiltà finanzjarja), li teżamina s-sorsi ewlenin tar-riskju u l-vulnerabbiltà għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja taż-żona tal-euro u tipprovdi analiżi komprensiva tal-kapaċità tas-sistema finanzjarja taż-żona tal-euro biex tassorbi l-iskossi. Il-pubblikazzjoni se toħroġ fil-websajt tal-BĊE fl-24 ta' Mejju 2018.

Infrastruttura tas-suq u pagamenti

Qafas Ewropew għat-Teaming Etiku Aħmar abbażi ta' Ġbir ta' Informazzjoni dwar it-Theddid

Fit-30 ta' April 2018 il-Kunsill Governattiv approva l-Qafas Ewropew għat-Teaming Etiku Aħmar abbażi ta' Ġbir ta' Informazzjoni dwar it-Theddid (Qafas TIBER-UE) li hu maħsub biex jippermetti lill-awtoritajiet Ewropej u nazzjonali jaħdmu flimkien ma' infrastrutturi u istituzzjonijiet tas-suq finanzjarju biex iwettqu testijiet tat-tim aħmar ikkontrollati u mfassla apposta abbażi ta' ġbir ta' informazzjoni, biex itejbu r-reżistenza tagħhom kontra attakki ċibernetiċi sofistikati. Il-Qafas TIBER-UE flimkien ma' stqarrija għall-istampa relatata jinsab fil-websajt tal-BĊE.

Rapport annwali TARGET 2017

Fit-3 ta’ Mejju 2018 il-Kunsill Governattiv ħa nota tar-Rapport Annwali TARGET 2017, li wara ġie pubblikat fil-websajt tal-BĊE. Ir-rapport jagħti tagħrif fuq it-tranżazzjonijiet fit-TARGET2, il-prestazzjoni tiegħu u l-iżviluppi ewlenin li saru fl-2017. Jinkludi wkoll seba' kaxxi li jipprovdu tagħrif dettaljat dwar suġġetti ta' rilevanza partikolari fl-2017, jiġifieri, l-għaxar anniversarju tat-TARGET2, l-evoluzzjoni tat-tranżazzjonijiet fit-TARGET2, il-likwidità fit-TARGET2 u l-użu tagħha, l-attivitajiet transkonfinali tat-TARGET2, il-proġett ta' konsolidament tat-TARGET2/T2S u servizzi futuri RTGS, sigurtà ċibernetika u għall-utent aħħari tat-TARGET2, u adattamenti tat-TARGET2 li ġejjin għas-servizz tat-TARGET Pagament u Saldu Istantanju (TIPS).

Opinjonijiet dwar leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar l-identifikazzjoni u s-superviżjoni ta’ infrastrutturi kritiċi għall-finijiet tas-sigurtà tat-teknoloġija tal-informazzjoni fl-Estonja

Fis-27 ta’ April 2018 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2018/22 wara talba tal-Ministru għall-Intraprenditorija u t-Teknoloġija tal-Informazzjoni tal-Estonja.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-governanza u l-indipendenza finanzjarja tal-Bank Ċentrali ta’ Ċipru

Fil-11 ta’ Mejju 2018 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2018/23 wara talba tal-Ministeru tal-Finanzi tar-Repubblika ta’ Ċipru.

Opinjoni tal-BĊE dwar sanzjonijiet amministrattivi u reati kriminali fir-rigward tal-għoti ta' informazzjoni falza jew qarrieqa lill-Bank Ċentrali tal-Irlanda

Fil-11 ta’ Mejju 2018 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2018/24 wara talba tal-President tal-Kumitat Konġunt għall-Finanzi, Nefqa Pubblika u Riformi tal-Oireachtas (il-Parlament Nazzjonali Irlandiż) u tat-Taoiseach (il-Prim Ministru Irlandiż).

Opinjoni dwar proposta għal Direttiva tal-Kunsill li tistabbilixxi dispożizzjonijiet għat-tisħiħ tar-responsabbiltà fiskali u l-orjentazzjoni baġitarja fuq perjodu medju fl-Istati Membri

Fil-11 ta' Mejju 2018 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2018/25 wara talba mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Opinjoni tal-BĊE dwar proposta għal regolament tal-Parlament u tal-Kunsill li jemenda Regolament (UE) Nru 1095/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea dwar it-Titoli u s-Swieq) u atti legali relatati; u dwar proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2014/65/UE dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u d-Direttiva 2009/138/KE dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II)

Fil-11 ta’ Mejju 2018 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2018/26 wara talba mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew.

Superviżjoni bankarja

Riżultati tat-test tal-istress 2018 fir-rigward ta' Istituzzjonijiet Sinifikanti Griegi

Fl-4 ta' Mejju 2018 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għar-riżultati tat-Test tal-Istress Grieg tal-2018 fir-rigward ta' erba' Istituzzjonijiet Sinifikanti Griegi (National Bank of Greece, Eurobank Ergasias, Alpha Bank u Piraeus Bank) kif approvati mill-Bord Superviżorju. Wara r-riżultati ġew ippubblikati fil-websajt tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja