Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (barra d-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)
Frar 2018
Operazzjonijiet tas-suq
Aġġornament tal-lista tar-rati referenzjali għall-kambju tal-euro
Fis-26 ta' Jannar 2018 il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jerġa jinkludi l-króna Islandiża fil-lista ta' muniti li għalihom il-BĊE jippubblika kuljum ir-rati referenzjali tal-kambju tal-euro. Ir-rappurtar ta' din il-munita kien ġie sospiż f'Diċembru 2008 fin-nuqqas ta' rata tal-kambju affidabbli determinata mis-suq wara l-introduzzjoni ta' kontrolli tal-kapital mill-awtoritajiet tal-Islanda. Dawk il-kontrolli tneħħew f'Marzu 2017 u r-ritorn ta' rata tal-kambju affidabbli determinata mis-suq issa ġġustifika l-inklużjoni mill-ġdid b'seħħ mill-1 ta' Frar 2018. Ir-rati referenzjali tal-kambju barrani, li huma bbażati fuq proċedura regolari ta' kooperazzjoni bejn il-banek ċentrali fl-Ewropa kollha li ġeneralment issir fis-14:15 CET kull jum tax-xogħol, normalment jiġu aġġornati kuljum, madwar l-16: 00 CET.
Rieżami annwali ta’ swieq mhux regolati aċċettabbli, emittenti klassifikati bħala banek ta’ żvilupp multilaterali jew organizzazzjonijiet internazzjonali, u emittenti klassifikati bħala aġenziji fil-kategorija II tal-haircuts
Fis-26 ta’ Jannar 2018 il-Kunsill Governattiv irreveda i) il-lista tas-swieq mhux regolati aċċettabbli għal assi eliġibbli bħala kollateral għal operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema, ii) il-lista ta’ emittenti klassifikati bħala banek ta’ żvilupp multilaterali jew organizzazzjonijiet internazzjonali, u iii) il-lista ta’ emittenti klassifikati bħala aġenziji fil-kategorija II tal-haircuts. L-ewwel żewġ listi jibqgħu kif kienu. Fir-rigward tat-tielet lista (emittenti klassifikati bħala aġenziji fil-kategorija II tal-haircuts), Caisse des Dépôts et Consignations u Nederlandse Waterschapsbank ġew inklużi, waqt li Cassa Depositi e Prestiti tneħħiet għaliex m'għadhiex tissodisfa ċerti limiti kwantitattivi stabbiliti mill-BĊE għall-allokazzjoni ta' titoli maħruġa minn ċerti aġenziji fil-kategorija II tal-haircuts. Il-listi, li ġew aġġornati f'dan is-sens fl-1 ta' Frar 2018, ġew ippubblikati fil-websajt tal-BĊE.
Emendi għall-qafas legali għall-implimentazzjoni tal-politika monetarja tal-Eurosistema
Fis-7 ta' Frar 2018 il-Kunsill Governattiv adotta tliet l-linji gwida (Linji Gwida BĊE/2018/3, BĊE/2018/4 u BĊE/2018/5) li jemendaw, rispettivament, il-Linja Gwida dwar l-implimentazzjoni tal-politika monetarja tal-Eurosistema (BĊE/2014/60), il-Linja Gwida dwar haircuts tal-valutazzjoni applikati fl-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema (BĊE/2015/35) u l-Linja Gwida dwar miżuri temporanji addizzjonali relatati mal-operazzjonijiet ta' rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral (BĊE/2014/31). Stqarrija għall-istampa relatata b'informazzjoni dettaljata dwar il-bidliet introdotti f'dawn l-atti legali emendatorji tinsab fil-websajt tal-BĊE.
Estensjoni tal-oqfsa tal-klejms tal-kreditu addizzjonali (ACC)
Fid-9 ta' Frar 2018 il-Kunsill Governattiv approva l-estensjoni tal-oqfsa tal-klejms tal-kreditu addizzjonali (ACC) fil-format attwali tagħhom sad-data tal-maturità tal-aħħar operazzjoni speċifika ta’ rifinanzjament għal żmien itwal fit-tieni serje (TLTRO II), li hi skedata għall-24 ta' Marzu 2021. L-oqfsa ACC ġew introdotti fl-2011 biex jippermettu lill-banek ċentrali (BĊN) tal-Eurosistema jaċċettaw bħala kollateral ċerti klejms tal-kreditu li ma kienux konformi mar-regoli tal-eliġibbiltà u/jew mal-istandards tal-kwalità tal-kreditu stabbiliti fil-Linja Gwida BĊE/2014/60 dwar l-implimetazzjoni tal-politika monetarja tal-Eurosistema. L-aċċettazzjoni tal-oqfsa ACC tal-BĊN hi soġġetta għal approvazzjoni bil-quddiem mill-Kunsill Governattiv, u hi soġġetta għall-kundizzjoni li telf li jirriżulta mill-aċċettazzjoni ta' ACC jiġġarrab esklussivament mill-BĊN li jaċċettaha. Iżjed tagħrif dettaljat dwar l-oqfsa ACC hu disponibbli fil-websajt tal-BĊE.
Infrastruttura tas-suq u pagamenti
Twaqqif ta' Bord għar-Reżistenza Ċibernetika tal-Euro għal Infrastrutturi Finanzjarji pan-Ewropej
Fis-26 ta' Jannar 2018 il-Kunsill Governattiv approva it-twaqqif ta' Bord għar-Reżistenza Ċibernetika tal-Euro (ECRB) għal Infrastrutturi Finanzjarji pan-Ewropej, bil-għan li jsaħħaħ ir-reżistenza ċibernetika tal-infrastrutturi tas-suq finanzjarju u l-fornituri tas-servizzi kritiċi tagħhom, kif ukoll is-settur finanzjarju usa' tal-UE. L-ECRB, presedut minn membru tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE, se jlaqqa' flimkien ir-rappreżentanti ta' i) infrastrutturi tas-suq finanzjarju pan-Ewropej u l-fornituri tas-servizzi kritiċi tagħhom, ii) is-sorveljanti ewlenin tal-Eurosistema għal infrastrutturi finanzjarji pan-Ewropej (i.e. seba' BĊN u l-BĊE), u iii) tliet BĊN oħra tas-SEBĊ fuq bażi ta' rotazzjoni. Il-Kummissjoni Ewropea, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni, l-Awtorità Bankarja Ewropea, il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku, l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq, l-Europol, u d-Direttorat Ġenerali tas-Sistemi ta’ Informazzjoni tal-BĊE jiġu mistednin bħala osservaturi. Tagħrif ġenerali dwar l-ECRB se jiġi pprovdut fil-websajt tal-BĊE.
Eliġibbiltà ta’ links indiretti ġodda bejn sistemi ta’ saldu ta’ titoli
Fl-1 ta' Frar 2018 il-Kunsill Governattiv approva disa' links indiretti ġodda minn Clearstream Banking AG Frankfurt CBF-CREATION, Clearstream Banking S.A. Luxembourg (CBL) u LuxCSD għal Euroclear France, Euroclear Nederland u Monte Titoli permezz ta' sistema CBF u wkoll permezz ta' CBL għal-links minn CBF-CREATION bħala eliġibbli għall-użu fl-operazzjonijiet ta' kreditu tal-Eurosistema. Il-lista tal-links eliġibbli li tinsab fil-websajt tal-BĊE se tiġi aġġornata meta l-links indiretti l-ġodda jkunu operazzjonali.
Opinjonijiet dwar leġiżlazzjoni
Opinjoni tal-BĊE dwar l-organizzazzjoni tar-reġistru ċentrali ta’ kontijiet bankarji u tranżazzjonijiet finanzjarji fil-Belġju
Fis-26 ta’ Jannar 2018 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2018/4 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tal-Belġju.
Opinjoni tal-BĊE dwar dokumenti bl-informazzjoni ewlenija għal prodotti aggregati ta' investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni fis-Slovenja
Fil-31 ta’ Jannar 2018 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2018/5 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tas-Slovenja.
Opinjoni tal-BĊE dwar is-sorsi ta' finanzjament u l-governanza tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji
Fis-6 ta’ Frar 2018 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2018/6 wara talba mill-Bank Ċentrali ta’ Malta.
Opinjoni tal-BĊE dwar id-dipendenza ta' istituzzjonijiet ta' kreditu fuq fondi li joriġinaw minn korporazzjonijiet finanzjarji fl-Ungerija
Fis-6 ta’ Frar 2018 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2018/7 wara talba minn Magyar Nemzeti Bank.
Opinjoni tal-BĊE dwar ir-restituzzjoni ta' fondi monetarji lir-Repubblika tas-Slovenja minn tax havens speċifikati
Fl-14 ta’ Frar 2018 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2018/8 wara talba mill-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika tas-Slovenja.
Opinjoni tal-BĊE dwar għodda makro-prudenzjali addizzjonali għal ipoteki residenzjali fil-Lussemburgu
Fid-19 ta’ Frar 2018 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2018/9 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tal-Lussemburgu.
Opinjoni tal-BĊE dwar l-għoti ta’ kompiti ġodda relatati ma' tariffi tal-interkambju għat-tranżazzjonijiet ta’ pagament abbażi ta' kards lis-Central Bank of Cyprus
Fl-14 ta’ Frar 2018 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2018/10 wara talba tal-Ministeru tal-Finanzi tar-Repubblika ta’ Ċipru.
Opinjoni tal-BĊE dwar l-għoti ta’ kompiti ġodda relatati ma' tariffi tal-interkambju għat-tranżazzjonijiet ta’ pagament abbażi ta' kards lill-Bank of Greece
Fil-15 ta’ Frar 2018 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2018/11 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tal-Greċja.
Governanza korporattiva
Rakkomandazzjoni tal-BĊE lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni tal-Oesterreichische Nationalbank
Fis-26 ta’ Jannar 2018 il-Kunsill Governattiv adotta r-Rakkomandazzjoni BĊE/2018/1 lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni tal-Oesterreichische Nationalbank. Ir-Rakkomandazzjoni ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fil-websajt tal-BĊE.
Kontijiet Annwali tal-BĊE 2017
Fil-21 ta’ Frar 2018 il-Kunsill Governattiv approva ir-rendikonti finanzjarji verifikati tal-BĊE għas-sena finanzjarja 2017. Il-Kontijiet Annwali, flimkien ma’ stqarrija għall-istampa relatata, ġew pubblikati fil-websajt tal-BĊE fit-22 ta’ Frar 2018. Ir-rapport amministrattiv għas-sena 2017 ġie pubblikat bħala parti mill-Kontijiet Annwali tal-BĊE.
Statistika
Regolament tal-BĊE dwar ir-rekwiżiti tar-rappurtar statistiku għall-fondi tal-pensjoni
Fis-26 ta' jannar 2018 il-Kunsill Governattiv adotta r-Regolament BĊE/2018/2 dwar ir-rekwiżiti tar-rappurtar statistiku għall-fondi tal-pensjoni. Dan ir-Regolament, li jsegwi konsultazzjoni pubblika tal-BĊE u proċess estensiv ta' konsultazzjoni mal-partijiet interessati kif ukoll arranġamenti ma' korpi oħra (e.g. EIOPA) bil-ħsieb li jitnaqqas il-piż tar-rappurtar tal-industrija, ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fil-websajt tal-BĊE.
Djalogu bejn il-Kumitat tal-Istatistika tal-Eurosistema/SEBĊ u l-industrija bankarja dwar kwistjonijiet ta' statistika
Fil-31 ta' Jannar 2018 il-Kunsill Governattiv approva l-arranġament ta' laqgħat annwali biex jiffaċilita diskussjoni dwar kwistjonijiet ta' statistika bejn il-membri tal-Kumitat tal-Istatistika tal-Eurosistema/SEBĊ (STC) u rappreżentanti tal-industrija bankarja. Billi l-proġetti għall-iżvilupp jew tisħiħ tal-istatistika tas-SEBĊ jestendu fuq żmien medju u għandhom impatt sinifikanti fuq dawk il-membri tal-industrija finanzjarja li huma soġġetti għal obbligi ta' rappurtar, hu mistenni li dawn il-laqgħat jippermettu skambju regolari ta' informazzjoni dwar inizjattivi attwali u r-raġunijiet tal-politika li jsostnuhom, u tgħin biex tiġi żgurata interazzjoni aktar pożittiva mal-banek li jirrapurtaw. L-ewwel laqgħa mistennija ssir f'Marzu 2018. Tagħrif iżjed dettaljat dwar dawn il-laqgħat se jiġi pprovdut fil-websajt tal-BĊE.
Superviżjoni bankarja
Twettiq tat-test tal-istress tal-2018 fl-UE kollha flimkien mal-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE)
Fil-31 ta' Jannar 2018 il-BĊE ħabbar li se jeżamina 37 bank taż-żona tal-euro, li jirrappreżentaw 70% tal-assi bankarji totali taż-żona tal-euro, bħala parti mit-test tal-istress tal-2018 fl-UE kollha li jsir flimkien mal-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE). Dan it-test tal-istress fl-UE kollha se jitwettaq skont metodoloġija, mudelli u xenarji tal-ABE, u r-riżultati ta' banek individwali mistennija jiġu ppubblikati sat-2 ta' Novembru 2018. Stqarrija għall-istampa relatata tinsab fis-sit tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.
Konformità ma' Linji Gwida tal-ABE dwar rekwiżiti ta' divulgazzjoni relatati ma' dispożizzjonijiet transizzjonali IFRS 9
Fis-7 ta' Frar 2018 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta tal-Bord Superviżorju biex jinnotifika lill-ABE li, għal istituzzjonijiet sinifikanti taħt is-superviżjoni tiegħu, il-BĊE biħsiebu jikkonforma mal-Linji Gwida tal-ABE dwar divulgazzjoni uniformi skont l-Artikolu 473a tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 (ir-Regolament dwar ir-Rekwiżiti tal-Kapital (CRR)) fir-rigward tal-perijodu transizzjonali biex jittaffa l-impatt tal-introduzzjoni tal-IFRS 9 fuq fondi proprji (ABE/GL/2018/01). Dawn il-Linji Gwida, li japplikaw mill-20 ta' Marzu 2018, isegwu r-rekwiżiti ta' divulgazzjoni proposti mill-Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja biex jitqies l-impatt tal-arranġamenti transizzjonali tal-IFRS 9 dwar proporzjonijiet ta' kapital u leverage, bil-għan li jiġu implimentati r-rekwiżiti tad-divulgazzjoni b'mod konsistenti mal-istandards internazzjonali.
Gwida għal valutazzjonijiet tal-applikazzjonijiet għal-liċenzji u gwida għal valutazzjonijiet tal-applikazzjonijiet għal-liċenzji minn istituzzjonijiet ta' kreditu fintech
Fit-8 ta' Frar 2018 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta tal-Bord Superviżorju biex jippubblika l-gwida għal valutazzjonijiet tal-applikazzjonijiet għal-liċenzji u gwida għal valutazzjonijiet tal-applikazzjonijiet għal-liċenzji minn istituzzjonijiet ta' kreditu fintech, it-tnejn kif emendati wara l-konsultazzjoni pubblika relatata. Il-gwidi, flimkien mar-rendikont tal-kummenti relatati mal-konsultazzjoni pubblika, se jkunu disponibbli dalwaqt fis-sit tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.
Deċiżjoni li timponi moratorju fuq ABLV Bank
Fid-19 ta' Frar 2018 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta tal-Bord Superviżorju biex jimponi moratorju fuq ABLV Bank fejn, temporanjament, u sa avviż ieħor, l-ABLV Bank hu pprojbit milli jagħmel kwalunkwe ħlas fuq l-obbligazzjonijiet finanzjarji tiegħu. Stqarrija għall-istampa relatata tinsab fis-sit tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja