Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (żieda mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Diċembru 2015

EMBARGO

M’GĦANDHIEX TIXXANDAR QABEL 15:00 CET tat-18 ta’ Diċembru 2015

Politika monetarja

Miżuri straordinarji tal-politika monetarja

Fit-3 ta’ Diċembru 2015 il-Kunsill Governattiv ħa deċiżjoni fuq diversi miżuri fir-rigward tar-rivalutazzjoni tiegħu tar-rilevanza tax-xejra tal-politika monetarja tal-BĊE. L-ewwel, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jestendi l-programm ta’ xiri ta’ assi (APP) u se jkompli jagħmel akkwisti ta’ €60 biljun kull xahar sal-aħħar ta’ Marzu 2017 jew wara, jekk ikun meħtieġ. It-tieni, iddeċieda li jinvesti mill-ġdid il-ħlasijiet prinċipali fuq it-titoli akkwistati permezz tal-APP hekk kif jimmaturaw, sakemm ikun meħtieġ. It-tielet, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jinkludi, fil-programm ta’ xiri mis-settur pubbliku, strumenti ta’ dejn negozjabbli denominati fl-euro maħruġin minn gvernijiet reġjonali u lokali li jinsabu fiż-żona tal-euro fil-lista tal-assi li huma eliġibbli għal akkwist regolari mill-banek ċentrali nazzjonali rispettivi. Fl-aħħar, iddeċieda li jkompli jmexxi l-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament u dawk għal żmien itwal ta’ tliet xhur bil-proċedura ta’ sejħa għall-offerti b’rata fissa u allokazzjoni sħiħa sakemm ikun meħtieġ, u mill-anqas sa tmiem l-aħħar perjodu ta’ żamma tar-riżervi tal-2017. Tagħrif iżjed dettaljat ingħata fl-istess jum permezz tal-istqarrija introduttorja u fil-konferenza stampa. L-att legali relatat, id-Deċiżjoni BĊE/2015/48 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2015/774 dwar programm ta’ xiri ta’ assi ta’ swieq sekondarji mis-settur pubbliku, ġie adottat fis-16 ta’ Diċembru 2015.

Operazzjonijiet tas-suq

Kalendarji tal-2016 għall-operazzjonijiet speċifiċi ta’ rifinanzjament għal żmien itwal

Fit-30 ta’ Novembru 2015 il-Kunsill Governattiv approva l-kalendarju indikattiv tal-operazzjonijiet speċifiċi ta’ rifinanzjament għal żmien itwal (TLTROs) tal-2016, flimkien mad-dati indikattivi għar-rimborż volontarju qabel iż-żmien ta’ dawn l-operazzjonijiet. Minn 24 xahar wara kull TLTRO, il-kontropartijiet għandhom l-għażla li jirrimborżaw parti mill-ammonti li jkunu ġew allokati f’dik it-TLTRO u l-ewwel rimborżi jistgħu jsiru f’Settembru 2016. Iż-żewġ kalendarji jinsabu fil-websajt tal-BĊE.

Tibdil fir-rati tal-kambju ta’ referenza tal-euro

Fl-4 ta’ Diċembru 2015 il-Kunsill Governattiv approva skeda ġdida ta’ pubblikazzjoni għar-rati tal-kambju ta’ referenza tal-euro li permezz tagħha l-pubblikazzjoni ta’ kuljum se tiċċaqlaq mill-ħabta tas-14:30 CET għall-ħabta tal-16:00 CET mill-1 ta’ Lulju 2016. Stqarrija għall-istampa dwar dan kif ukoll tagħrif ġenerali dettaljat fuq is-suġġett jinsabu fil-websajt tal-BĊE.

Sistemi ta’ ħlas u infrastruttura tas-suq

Ħatra ta’ membri tal-Bord T2S

Fid-19 ta’ Novembru 2015 il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li jaħtar lil Johannes Luef bħala membru li ma jirrappreżentax il-banek ċentrali fil-Bord TARGET2-Securities (T2S) u lil Karsten Biltoft bħala l-membru li jirrappreżenta l-banek ċentrali barra ż-żona tal-euro fil-Bord T2S, li ħadu post Paul Bodart u Kristian Kjeldsen rispettivament. Iż-żewġ ħatriet huma għal sentejn b’seħħ mill-1 ta’ Jannar 2016.

Opinjonijiet dwar leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u għal skemi ta’ garanzija u kumpens għad-depożiti fil-Lussemburgu

Fl-20 ta’ Novembru 2015 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2015/48 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tal-Lussemburgu.

Opinjoni tal-BĊE dwar is-superviżjoni tal-operat mingħajr xkiel tat-traffiku tal-ħlasijiet (‘betalingsverkeer’) fin-Nederlands

Fl-20 ta’ Novembru 2015 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2015/49 wara talba minn De Nederlandsche Bank.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-protezzjoni kontra l-iffalsifikar u l-preżervazzjoni tal-kwalità tal-flus kontanti fiċ-ċirkolazzjoni fil-Belġju

Fl-20 ta’ Novembru 2015 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2015/50 wara talba tal-Gvernatur ta’ Nationale Bank van België/Banque Nationale de Belgique (NBB), li kien qiegħed jaġixxi f’isem il-Ministru tal-Finanzi tal-Belġju.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-produzzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro fil-Portugall

Fit-23 ta’ Novembru 2015 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2015/51 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tal-Portugall.

Opinjoni tal-BĊE dwar l-iskema ta’ garanzija tad-depożiti fin-Nederlands

Fis-26 ta’ Novembru 2015 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2015/52 wara talba tal-Ministru tal-Finanzi tan-Nederlands.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-qafas legali għall-banek ta’ tfaddil għad-djar fil-Ġermanja

Fit-2 ta’ Diċembru 2015 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2015/53 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi Federali tal-Ġermanja.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-kreditu tal-konsumaturi fir-Repubblika Ċeka

Fid-9 ta’ Diċembru 2015 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2015/54 wara talba tal-Ministru tal-Finanzi tar-Repubblika Ċeka.

Opinjoni tal-BĊE dwar it-taxxa tal-boll fuq ġbid ta’ kontanti minn automated teller machines (ATMs) fl-Irlanda

Fl-10 ta’ Diċembru 2015 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2015/55 b’inizjattiva proprja.

Statistika

Linji Gwida tal-BĊE dwar statistika esterna u kontijiet finanzjarji trimestrali

Fis-26 ta’ Novembru 2015 il-Kunsill Governattiv adotta l-Linja Gwida BĊE/2015/39 li temenda l-Linja Gwida BĊE/2011/23 dwar l-obbligi ta’ rappurtar statistiku tal-Bank Ċentrali Ewropew fil-qasam tal-istatistika esterna u l-Linja Gwida BĊE/2015/40 li temenda l-Linja Gwida BĊE/2013/24 dwar ir-rekwiżiti ta’ rappurtar tal-istatistika tal-Bank Ċentrali Ewropew fil-qasam tal-kontijiet finanzjarji trimestrali. L-emendi jgħaqqdu l-perjodu ta’ żmien li fih isiru t-trażmissjonijiet trimestrali tad-dejta tal-istatistika esterna u tal-kontijiet finanzjarji mal-iskeda l-ġdida ta’ kull sitt ġimgħat meta jsiru l-laqgħat tal-politika monetarja tal-Kunsill Governattiv. Iż-żewġ Linji Gwida jinsabu fil-websajt tal-BĊE.

Linja Gwida tal-BĊE dwar statistika monetarja u finanzjarja

Fl-4 ta’ Diċembru 2015 il-Kunsill Governattiv adotta l-Linja Gwida BĊE/2015/44 li temenda l-Linja Gwida BĊE/2014/15 dwar statistika monetarja u finanzjarja. Il-Linja Gwida emendatorja tistabbilixxi l-qafas għall-ġbir ta’ statistika monetarja u finanzjarja mill-BĊE li tkopri korporazzjonijiet tal-assigurazzjoni li, mill-perjodu ta’ referenza T1 tal-2016, se jkunu suġġetti għal rekwiżiti ta’ rappurtar statistiku. Il-Linja Gwida tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Karti tal-flus u muniti

Atti legali relatati mal-ħruġ ta’ muniti

Fl-4 ta’ Diċembru 2015 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2015/41 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2014/53 dwar l-approvazzjoni tal-volum ta’ ħruġ ta’ muniti fl-2015, id-Deċiżjoni BĊE/2015/42 dwar l-approvazzjoni tal-volum ta’ ħruġ ta’ muniti fl-2016 u d-Deċiżjoni BĊE/2015/43 dwar il-qafas proċedurali għall-approvazzjoni tal-volum ta’ ħruġ ta’ muniti tal-euro. It-tliet atti legali jinsabu f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fil-websajt tal-BĊE.

Governanza korporattiva

Deċiżjoni tal-BĊE dwar l-allokazzjoni tad-dħul monetarju

Fid-19 ta’ Novembru 2015 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2015/37 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2010/23 dwar l-allokazzjoni tad-dħul monetarju tal-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro. Id-Deċiżjoni, li timplimenta legalment id-deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv dwar id-dħul monetarju relatati mal-programm ta’ xiri mis-settur pubbliku li ttieħdu f’Jannar u Lulju 2015, ġiet ippubblikata f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Emenda fil-Kundizzjonijiet tal-Impjieg għall-Istaff tal-BĊE

Fid-9 ta’ Diċembru 2015 il-Kunsill Governattiv emenda l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg għall-Istaff tal-Bank Ċentrali Ewropew u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg għal Żmien Qasir fir-rigward tal-benefiċċji tal-qgħad u kwistjonijiet oħra. Il-Kundizzjonijiet tal-Impjieg u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg għal Żmien Qasir emendati għandhom l-għan li jsaħħu l-qafas tas-sigurtà soċjali tal-BĊE billi jipprovdu kopertura tas-sigurtà soċjali, b’ benchmarks skont il-prattika tal-Istati Membri tal-UE, lill-membri tal-istaff tiegħu li ma jibbenefikawx mill-kopertura tas-sigurtà soċjali f’xi Stat Membru tal-UE. Il-Kundizzjonijiet tal-Impjieg u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg għal Żmien Qasir emendati jinsabu fil-websajt tal-BĊE.

Rakkomandazzjoni tal-BĊE lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni ta’ Národná banka Slovenska

Fl-10 ta’ Diċembru 2015 il-Kunsill Governattiv adotta r-Rakkomandazzjoni BĊE/2015/45 lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni ta’ Národná banka Slovenska. Ir-Rakkomandazzjoni se tiġi ppubblikata f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Superviżjoni bankarja

Deċiżjoni tal-BĊE dwar il-proċedura biex jiġu esklużi membri tal-persunal mis-suppożizzjoni li kellhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju ta’ istituzzjoni tal-kreditu taħt superviżjoni

Fl-20 ta’ Novembru 2015 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2015/38 dwar il-proċedura biex jiġu esklużi membri tal-persunal mis-suppożizzjoni li kellhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju ta’ istituzzjoni tal-kreditu taħt superviżjoni. Id-Deċiżjoni, li daħlet fis-seħħ fit-2 ta’ Diċembru 2015, ġiet ippubblikata f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u tinsab fil-websajt tas-Superviżjoni bankarja tal-BĊE.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja