Menu

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (żieda mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)


April 2014

EMBARGO

M’GĦANDHIEX TIXXANDAR QABEL it-3 p.m. CET tas-17 ta’ April 2014

Sistemi ta’ pagament u l-infrastruttura tas-suq

Rapport dwar “Pagamenti bil-kards fl-Ewropa - fokus imġedded fuq is-SEPA għall-kards”

Fl-4 ta’ April 2014 il-Kunsill Governattiv approva rapport dwar il-pagamenti bil-kards fl-Ewropa, imħejji mill-Kumitat għas-Sistemi ta’ Pagament u Saldu, u awtorizza l-pubblikazzjoni tiegħu fil-websajt tal-BĊE. Ir-rapport jagħti stampa ġenerali tal-istatus tal-pagamenti bil-kards fl-Ewropa. Ir-rapport, flimkien ma' stqarrija għall-istampa, se jiġi ppubblikat dalwaqt fil-websajt tal-BĊE.

Opinjonijiet dwar leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar il-kunflitt ta interess għal uffiċjali anzjani fil-Banco de España

Fl-20 ta’ Marzu 2014 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2014/22 wara talba minn Banco de España.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-kejl tar-riskju u r-riskju tal-pajjiż tal-gruppi bankarji fl-Awstrija

Fis-27 ta’ Marzu 2014 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2014/23 wara talba tal-Oesterreichische Nationalbank.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-ġestjoni tal-kriżijiet fil-Litwanja

Fit-2 ta’ April 2014 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2014/24 wara talba mill-Uffiċċju Amministrattiv tal-Gvern Litwan.

Opinjoni tal-BĊE dwar l-indipendenza ta’ Banka Slovenije

Fil-11 ta’ April 2014 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2014/25 wara talba tal-President tal-Parlament tas-Slovenja.

Opinjoni tal-BĊE dwar titoli tal-gvern fir-Rumanija

Fl-14 ta’ April 2014 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2014/26 wara talba mill-Banca Naţională a României.

Statistika

Deċiżjoni tal-BĊE u Rakkomandazzjoni tal-BĊE dwar l-organizzazzjoni ta' miżuri ta’ tħejjija għall-ġbir ta' dejta dwar il-kreditu ta' ammonti żgħar mis-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali

Fl-24 ta' Frar 2014 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2014/6 dwar l-organizzazzjoni ta’ miżuri ta’ tħejjija għall-ġbir ta' mikrodejta dwar il-kreditu għall-iżvilupp u l-produzzjoni tal-istatistika mis-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u r-Rakkomandazzjoni BĊE/2014/7 dwar l-organizzazzjoni ta' miżuri ta’ tħejjija għall-ġbir ta' mikrodejta dwar il-kreditu mis-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali. Dawn l-atti legali huma relatati ma' miżuri preparatorji li huma meħtieġa biex jiġi gradwalment stabbilit qafas fit-tul għall-ġbir ta' dejta dwar kreditu ta' ammonti żgħar, jiġifieri dwar l-iskoperturi tal-kreditu ta' istituzzjonijiet ta' kreditu jew istituzzjoinijiet finanzjarji oħra li jagħtu self ipprovdut abbażi ta' min jissellef jew abbażi tas-self mogħti, skont ir-rekwiżiti armonizzati tal-BĊE dwar ir-rappurtar statistiku. Iż-żewġ atti legali se jiġu ppubblikati fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u huma disponibbli fil-websajt tal-BĊE.

Rapporti tal-2013 dwar il-kwalità tal-istatistika

Fl-20 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill Governattiv approva l-istima annwali tad-disponibbiltà u l-kwalità tat-tipi diversi ta’ statistika li jiġu kkompilati mill-Eurosistema abbażi ta’ att legali tal-BĊE. Huwa awtorizza wkoll il-pubblikazzjoni tar-rapporti 2013 dwar il-kwalità tal-istatistika tal-bilanċ tal-pagamenti taż-żona tal-euro u tal-pożizzjoni tal-investimenti internazzjonali kif ukoll dwar il-kontijiet finanzjarji trimestrali taż-żona tal-euro. Ir-rapporti, li saru skont il-Qafas għall-Kwalità tal-Istatistika tal-BĊE, dalwaqt jiġu ppubblikati fil-websajt tal-BĊE.

Rakkomandazzjoni tal-BĊE għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2533/98 dwar il-ġbir ta’ tagħrif statistiku mill-Bank Ċentrali Ewropew.

Fil-21 ta' Marzu 2014 il-Kunsill Governattiv adotta r-Rakkomandazzjoni BĊE/2014/13 lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2533/98 dwar il-ġbir ta’ tagħrif statistiku mill-Bank Ċentrali Ewropew. Ir-Rakkomandazzjoni taħseb għall-ħtieġa li jintuża tagħrif statistiku mill-BĊE għat-twettiq tal-funzjonijiet ta' superviżjoni. Ir-Rakkomandazzjoni se tiġi ppubblikata fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fil-websajt tal-BĊE.

Rakkomandazzjoni tal-BĊE dwar regoli komuni u standards minimi għall-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tat-tagħrif statistiku miġbur mill-Bank Ċentrali Ewropew bl-għajnuna tal-banek ċentrali nazzjonali

Fis-27 ta' Marzu 2014 il-Kunsill Governattiv adotta r-Rakkomandazzjoni BĊE/2014/14 dwar ir-regoli komuni u l-istandards minimi għall-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tat-tagħrif statistiku miġbur mill-Bank Ċentrali Ewropew megħjun mill-banek ċentrali nazzjonali (BĊNi). Ir-Rakkomandazzjoni taħseb għall-ħtieġa, li issa żdiedet, ta' skambju ta' tagħrif statistiku kunfidenzjali fi ħdan is-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali kollha kemm hi (SEBĊ) Ir-Rakkomandazzjoni se tiġi ppubblikata fil -Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u hi disponibbli fil-websajt tal-BĊE.

Linja Gwida dwar statistika monetarja u finanzjarja (riformulazzjoni)

Fl-4 ta' April 2014 il-Kunsill Governattiv adotta l-Linja Gwida BĊE/2014/15 dwar statistika monetarja u finanzjarja, li tirrevoka l-Linja Gwida BĊE/2007/9. L-għan ta' dan l-att legali hu li jallinja l-qafas għar-rappurtar mar-Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea, u regolamenti rilevanti tal-BĊE dwar l-istatistika li ġew emendati dan l-aħħar. Il-Linja Gwida se tiġi ppubblikata fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fil-websajt tal-BĊE.

Governanza Korporattiva

Presidenza tal-Kumitat Legali

Fis-16 ta’ April 2014 il-Kunsill Governattiv ħatar lis-Sa Chiara Zilioli, Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali tal-BĊE għas-Servizzi Legali, bħala President tal-Kumitat Legali b’seħħ immedjat u sal-31 ta’ Diċembru 2016.

Emendi għall-qafas tal-BĊE dwar is-sanzjonijiet

Fis-16 ta' April 2014 il-Kunsill Governattiv adotta r-Rakkomandazzjoni BĊE/2014/17 li temenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2532/98 dwar il-poteri tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimponi sanzjonijiet, u r-Regolament BĊE/2014/19 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2157/1999 dwar il-poteri tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimponi sanzjonijiet. L-għan tal-emendi hu li jiġi adattat il-qafas tal-BĊE dwar is-sanzjonijiet minħabba t-twaqqif tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku: ir-Rakkomandazzjoni taħseb biex tallinja r-regoli proċedurali inklużi fir-Regolament 2532/98 u dawk stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013, b'mod partikolari fir-rigward tal-limiti massimi ta' multi u ħlasijiet penali perjodiċi, tal-proċeduri deċiżjonali għall-impożizzjoni ta' sanzjoni u tal-perijodi ta' limitazzjoni. L-emendi għar-Regolament (KE) Nru 2157/99 dwar il-poteri tal-BĊE li jimponi sanzjonijiet (BĊE/1999/4) jiċċaraw il-fatt li dan il-qafas ma japplikax għal sanzjonijiet imposti mill-BĊE fl-eżerċizzju tal-kompiti superviżorji tiegħu, li huma koperti mir-Regolament Qafas dwar il-MSU. Iż-żewġ atti legali se jiġu ppubblikati fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fil-websajt tal-BĊE.

Superviżjoni bankarja

Ir-Regolament Qafas tal-BĊE dwar il-MSU

Fis-16 ta' April 2014 il-Kunsill Governattiv adotta r-Regolament BĊE/2014/18 li jistabbilixxi qafas għall-kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u ma’ awtoritajiet nazzjonali nominati (ir-Regolament Qafas tal-MSU), li jispeċifika d-dispożizzjonijiet prattiċi għall-implimentazzjoni tal-kooperazzjoni fi ħdan il-MSU. Ir-Regolament, flimkien ma' stqarrija dwar reazzjonijiet li tippreżenta sommarju tal-kummenti espressi bħala reazzjoni għall-konsultazzjoni pubblika waqt li kienet qed issir il-konsultazzjoni pubblika, se jiġi ppubblikat fil-websajt tal-BĊE fil-25 ta' April 2014 u wara fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Deċiżjoni tal-BĊE dwar it-twaqqif ta’ Bord Amministrattiv ta’ Reviżjoni u r-Regoli Operattivi tiegħu

Fl-14 ta' April 2014 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2014/16 dwar l-istabbiliment ta’ Bord Amministrattiv ta’ Rieżami u r-Regoli Operattivi tiegħu. Il-Bord Amministrattiv ta' Reviżjoni se jagħmel ir-reviżjoni amministrattiva interna tad-deċiżjonbijiet meħuda mill-BĊE fl-eżerċizzju tas-setgħat konferiti bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013, fuq talba ta' kull persuna naturali jew legali li lilha huma indirizzati dawn id-deċiżjonijiet, jew il-persuni milquta direttament u individwalment minnhom. Id-Deċiżjoni se tiġi ppubblikata fil-websajt tal-BĊE u wara fil -Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Kuntatti midja