Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (minbarra d-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)
Diċembru 2011
Operazzjonijiet tas-Suq
Azzjoni koordinata tal-bank ċentrali biex tindirizza pressjonijiet fis-swieq monetarji globali
Fit-30 ta’ Novembru 2011 il-BĊE, il-Bank of Canada, il-Bank of England, il-Bank of Japan, il-Federal Reserve u l-Bank Nazzjonali Svizzeru niedu b’mod konġunt azzjonijiet koordinati biex itejbu l-kapaċità tagħhom biex jipprovdu sostenn b’likwidità għas-sistema finanzjarja globali. F’dan il-kuntest, il-Kunsill Governattiv tal-BĊE ddeċieda b’koperazzjoni ma’ banek ċentrali oħra li jistabbilixxi netwerk temporanju ta’ arranġamenti reċiproċi (linji swap) mal-banek ċentrali sħab li jibqa’ fis-seħħ sal-1 ta’ Frar 2013. L-iskop ta’ dan in-netwerk huwa li jippermetti li tiġi pprovduta munita barranija, jekk ikun meħtieġ, flimkien mal-operazzjonijiet eżistenti f’dollari Amerikani. Barra dan, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jmexxi b’mod regolari l-operazzjonijiet eżistenti f’dollaru Amerikan li jipprovdu likwidità bi prezz aktar baxx u li jnaqqas il-marġni inizjali għal operazzjonijiet f’dollaru Amerikan b’maturità ta’ tliet xhur filwaqt li jintroduċi sejħiet għal marġni ta’ kull ġimgħa. Stqarrija għall-istampa marbuta ma’ dan, kif ukoll aktar dettalji operazzjonali jinsabu fil-websajt tal-BĊE.
Miżuri ta’ sostenn għall-attività tas-self bankarju u tas-suq monetarju
Fit-8 ta’ Diċembru 2011 il-Kunsill Governattiv approva aktar miżuri għas-sostenn imtejjeb tal-krediti biex jgħin is-self bankarju u l-likwidità fis-suq monetarju taż-żona tal-euro. B’mod partikolari, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li: i) jagħmel żewġ operazzjonijiet ta’ rifinanzjament għal żmien itwal b’maturità ta’ 36 xahar u bl-għażla ta’ ħlas lura wara sena; ii) iwaqqaf għalissa l-operazzjonijiet ta’ rfinar li jsiru fl-aħħar jum ta’ kull perijodu taż-żamma; iii) inaqqas il-proporzjon tar-riżervi minn 2% għal 1% mill-perijodu taż-żamma tar-riżervi li jibda fit-18 ta’ Jannar 2012; u iv) iżid id-disponibbiltà kollaterali. Fl-14 ta’ Diċembru 2011 il-Kunsill Governattiv adotta l-atti legali rilevanti meħtieġa biex jiġu implimentati dawn il-miżur, jiġifieri Deċiżjoni tal-BĊE dwar miżuri temporanji addizzjonali relatati mal-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral (BĊE/2011/25) u Regolament tal-BĊE li jemenda ir-Regolament (KE) Nru 1745/2003 dwar l-applikazzjoni tar-riżervi minimi (BĊE/2011/26). Tiġi pprovduta informazzjoni aktar dettaljata dwar dawn il-miżuri kollha fi stqarrija għall-istampa disponibbli fil-websajt tal-BĊE. L-atti legali ta’ hawn fuq se jiġu ppubblikati dalwaqt fil- Ġurnal Uffiċjali tal-UE u fil-websajt tal-BĊE.
Sistemi ta’ pagament u infrastruttura tas-suq
Valutazzjoni tal-links diretti u dawk trasmessi bejn is-sistemi tas-saldu ta’ titoli fiż-żona tal-euro
Fl-24 ta’ Novembru 2011 il-Kunsill Governattiv approva l-valutazzjoni ta’ links ġodda, diretti u dawk trasmessi, eliġibbli għall-użu fil-garanziji tal-operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema. Stqarrija relatata għall-istampa u lista aġġornata tal-links kollha eliġibbli, diretti u dawk trasmessi, jinsabu fil-websajt tal-BĊE.
Opinjonijiet dwar leġiżlazzjoni
Opinjoni tal-BĊE dwar il-protezzjoni kontra l-falsifikazzjoni u dwar il-preservazzjoni tal-kwalità taċ-ċirkolazzjoni ta’ flus kontanti fl-Italja
Fit-18 ta’ Novembru 2011 il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni wara talba tal-Ministeru Taljan għall-Affarijiet Ekonomiċi u l-Finanzi (CON/2011/94).
Opinjoni tal-BĊE dwar ir-rikapitalizzazzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu mill-Istat tal Portugall
Fit-22 ta’ Novembru 2011 il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni wara talba tal-Ministru tal-Istat u għall-Finanzi Portugiż (CON/2011/95).
Opinjoni tal-BĊE dwar ir-responsabbiltà fiskali fis-Slovakja
Fil-5 ta’ Diċembru 2011 il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni fuq talba tal-Kumitat tal-Kunsill Nazzjonali tar-Repubblika Slovakka dwar il-Finanzi u l-Baġit (CON/2011/96).
Opinjoni tal-BĊE dwar ir-rappreżentazzjoni tal-Estonia u l-ħlas tal-kwota tal-ishma fil-Fond Monetarju Internazzjonali
Fil-5 ta’ Diċembru 2011 il-Kunsill Governativ adotta din l-Opinjoni fuq talba tal-Parlament tal-Estonia (CON/2011/97).
Opinjoni tal-BĊE dwar il-leġiżlazzjoni li tirregola l-finanzjament tar-reġistru ċentrali tan-numri ta’ kontijiet bankarji fil-Belġju
Fis-7 ta’ Diċembru 2011 il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni wara talba tal-Ministeru tal-Finanzi Belġjan (CON/2011/98).
Opinjoni tal-BĊE dwar l-emendi riveduti tar-regoli dwar it-tqassim tal-profitti ta’ Lietuvos bankas
Fis-7 ta' Diċembru 2011 il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni wara talba ta’ Lietuvos bankas (CON/2011/99).
Oinjoni tal-BĊE dwar il-leġiżlazzjoni Finlandiża dwar is-swieq tat-titoli
Fis-7 ta’ Diċembru 2011, il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni fuq talba tal-Ministeru tal-Finanzi Finlandiż (CON/2010/101).
Opinjoni tal-BĊE dwar il-pagament ta’ żieda fil-kwota tar-Rumanija tal-Fond Monetarju Internazzjonali
Fd-9 ta’ Diċembru 2011, il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni fuq talba tal-Banca Naţională a României (CON/2010/102).
Opinjoni tal-BĊE dwar t-twaqqif u l-iffinanzjar ta’ fond ta’ soluzzjoni u dwar il-kalkolu emendat tal-kontribuzzjonijiet għall-iskema tal-garanzija għad-depożiti fil-Belġju
Fit-12 ta’ Diċembru 2011 il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni wara talba tal-Ministeru tal-Finanzi Belġjan (CON/2011/103).
Opinjoni tal-BĊE dwar il-Magyar Nemzeti Bank
Fl-14 ta’ Diċembru 2011 il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni wara talba tal-Ministeru Ungeriż għall-Ekonomija Nazzjonali (CON/2011/104).
Opinjoni tal-BĊE dwar l-awtentikazzjoni tal-muniti tal-euro li ma jkunux tajbin għaċ-ċirkolazzjoni u l-impożizzjoni ta’ miżuri amministrattivi u ta’ penali fuq Malta
Fid-9 ta’ Diċembru 2011 il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni fuq talba tal-Bank Ċentrali ta’ Malta (CON/2011/105).
Opinjoni tal-BĊE dwar l-indipendenza tal-Magyar Nemzeti Bank
Fit-22 ta’ Diċembru 2011 il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni (CON/2011/106) li, flimkien ma’ stqarrija relatata għall-istampa, tinsab fil-websajt tal-BĊE.
Opinjoni tal-BĊE dwar emendi għas-sistema ta’ riżoluzzjoni Griega għall-istituzzjonijiet tal-kreditu
Fit-22 ta’ Diċembru 2011, il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni fuq talba tal-Ministeru tal-Finanzi Grieg (CON/2010/107). Din l-opinjoni se tiġi ppubblikata dalwaqt fil-websajt tal-BĊE.
Statistika
Emenda tal-atti legali dwar ir-rekwiżiti tal-BĊE għar-rappurtar tal-istatistika fil-qasam tal-istatistika esterna
Fid-9 ta’ Diċembru 2011 il-Kunsill Governattiv adotta Linja Gwida (BĊE/2011/23) u Rakkomandazzjoni (BĊE/2011/24) dwar ir-rekwiżiti tal-BĊE għar-rappurtar tal-istatistika fil-qasam tal-istatistika esterna. It-tfassil mil-ġdid tal-Linja Gwida jinkorpora tibdil fl-istandards rilevanti tal-istatistika internazzjonali waqt li r-Rakkomandazzjoni tindirizza l-Uffiċċju Ċentrali tal-Istatistika tal-Irlanda u l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika ta’ Malta li jiġbru l-istatistika dwar il-bilanċ tal-pagamenti u dwar il-pożizzjoni tal-investimenti internazzjonali f’dawk l-Istati Membri. Iż-żewġ atti legali se jiġu ppubblikati dalwaqt fil- Ġurnal Uffiċjali tal-UE u fil-websajt tal-BĊE.
Governanza korporattiva
Opinjoni tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE dwar rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-ħatra ta' membru tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE
Fis-7 ta’ Diċembru 2011 il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni wara talba tal-President tal-Kunsill Ewropew (CON/2011/100).
Presidenza tal-Kumitat għar-Relazzjonijiet Internazzjonali (IRC)
Fit-8 ta’ Diċembru 2011 il-Kunsill Governattiv ħatar lil Wolfgang Duchatczek, Vici Gvernatur tal- Oesterreichische Nationalbank, bħala President tal-KRI b’effett immedjat. Il-mandat tiegħu bħala President tal-IRC jiskadi fil-31 ta’ Awwissu 2013, fl-istess żmien tal-iskadenza tal-mandati tal-presidenti tal-kumitati kollha tal-Eurosistema/SEBĊ, li nħatru (mill-ġdid) mill-Kunsill Governattiv fit-22 ta’ Lulju 2010 għal perijodu ta’ tliet snin.
Rakkomandazzjoni tal-BĊE lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni tad-De Nederlandsche Bank
Fid-9 ta’ Diċembru 2011 il-Kunsill Governattiv adotta rakkomandazzjoni lill-Kunsill dwar l-awdituri esterni tad-De Nederlandsche Bank (BĊE/2011/22). Ir-Rakkomandazzjoni ġiet ippubblikata fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u hi disponibbli fil-websajt tal-BĊE.
Baġit u pjan tal-akkwist għall-2012 tal-Uffiċċju tal-Eurosistema għall-Koordinament tal-Akkwist (EPCO)
Fid-19 ta’ Diċembru 2011, il-Kunsill Governattiv approva l-baġit u l-pjan tal-akkwist 2011 tal-EPCO għall-2012.
Stedina lil Hrvatska narodna banka (il-bank nazzjonali Kroat) biex jieħu sehem bħala osservatur fil-kumitati tal-Kunsill Ġenerali u tal-SEBĊ
Fil-21 ta’ Diċembru 2011 il-Kunsill Ġenerali ddecieda li jagħti status ta’ osservatur lil esperti mil- Hrvatska narodna banka fir-rigward tal-kumitati tal-SEBĊ meta jiltaqgħu fil-livell tal-SEBĊ. Fit-22 ta’ Diċembru 2011 il-Kunsill Ġenerali ddeċieda li jistieden lill-Gvernatur tal-Bank Ċentrali tal-Kroazja biex jieħu sehem fil-laqgħat tiegħu bħala osservatur. Dawn id-deċiżjonijiet, li huma konformi mal-approċċ adottat għall-banek ċentrali tal-għaxar pajjiżi aderenti fl-2003 u għall-Bulgarija u r-Rumanija fl-2005, ittieħdu wara li l-Kroazja ffirmat it-Trattat ta’ Adeżjoni fid-9 ta’ Diċembru 2011.
Linja ta’ gwida tal-BĊE dwar il-qafas legali għar-rapportar tal-kontabilità u dak finanzjarju fis-SEBĊ
Fil-21 ta’ Diċembru 2011, il-Kunsill Governattiv adotta l-Linja Gwida tal-BĊE li temenda l-Linja Gwida BĊE/2011/20 dwar il-qafas legali għar-rapportar tal-kontabilità u finanzjarju fis-Sistema Ewropea tal- Banek Ċentrali (BĊE/2011/27). Il-Linja Gwida se tiġi ppubblikata dalwaqt fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE u fis-sit elettroniku tal-BĊE.
Ħruġ ta’ karti tal-flus u muniti / Karti tal-flus
Deċiżjoni tal-BĊE dwar il-volum tal-ħruġ ta’ muniti għall-2012
Fl-1 ta’ Diċembru 2011, il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2011/21 dwar l-approvazzjoni tal-volum ta’ ħruġ ta’ muniti fl-2012. Id-Deċiżjoni ġiet ippubblikata fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u hi disponibbli fil-websajt tal-BĊE.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja