Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

L-impjiegi u r-reviżjoni tal-istrateġija

Biex inżommu il-prezzijiet stabbli, aħna naġġustaw il-politika monetarja tagħna skont kif tkun miexja l-ekonomija. L-impjiegi huma parti importanti mill-ekonomija u jistgħu jinfluwenzaw kif il-prezzijiet jinbidlu maż-żmien. Aħna nżommu l-impjiegi fuq ir-radar tagħna meta nieħdu d-deċiżjonijiet, u nżommu għajnejna fuq kif dawn imbagħad jaffettwaw l-impjieg.

Għaliex l-impjiegi kienu parti mir-reviżjoni tal-istrateġija tagħna?

Il-politika monetarja tagħna tinteraġixxi mal-ekonomija

Xogħolna hu li nżommu l-prezzijiet stabbli. Dan jifisser li l-inflazzjoni – ir-rata li biha l-prezzijiet ġenerali għall-prodotti u s-servizzi jinbidlu maż-żmien – tinżamm baxxa. Biex nagħmlu dan tajjeb, jeħtieġ li nagħtu attenzjoni mill-qrib lill-ekonomija u kif il-politika monetarja tagħna tinteraġixxi magħha.

Biex ikollna stampa sħiħa ta’ kif għaddejja l-ekonomija, jeħtieġ ukoll li nħarsu lejn in-numru ta’ nies li għandhom impjieg, x’tip ta’ impjiegi qegħdin u kemm iħallsu. Fi kliem ieħor, għandna wkoll is-sitwazzjoni tal-impjiegi fuq ir-radar tagħna meta nieħdu deċiżjonijiet. Aħna noqogħdu attenti wkoll kif id-deċiżjonijiet tagħna jeffettwaw l-impjiegi.

L-impjiegi f’unjoni monetarja

Inħarsu lejn l-impjiegi fiż-żona tal-euro kollha kemm hi

Li jkollna perspettiva kompleta tal-impjiegi fl-unjoni monetarja tagħna jfisser li nħarsu lejn il-pajjiżi kollha taż-żona tal-ewro. Din il-ħarsa hija varjata ħafna. Tinkludi kull xorta ta’ nies – pereżempju, iż-żgħażagħ u l-anzjani, u dawk b’ħafna edukazzjoni u dawk bi ftit li xejn.

Xi gruppi jsibuha iktar diffiċli biex isibu xogħol minn oħrajn. Dan huwa speċjalment il-każ ta’ persuni li ilhom bla xogħol għal xi żmien u jitilfu l-ħiliet tax-xogħol tagħhom. Is-sitwazzjoni tal-impjiegi hija importanti għaliex huwa essenzjali li wieħed jifhem għaliex is-soċjetajiet tagħna saru aktar disugwali f’dawn l-aħħar għexieren ta’ snin. U x’jistgħu jagħmlu l-gvernijiet biex jibdlu dan.

Xi rwol għandu l-impjieg fil-politika monetarja tagħna?

Aħna nieħdu deċiżjonijiet bl-ekonomija f’moħħna

Aħna naġġustaw il-politika monetarja tagħna skont kif tkun miexja l-ekonomija. L-impjiegi huma parti importanti minn dik il-kunsiderazzjoni. Meta jkun hemm aktar impjiegi milli ħaddiema biex joħduhom, il-prezzijiet jiżdiedu aktar malajr. Dan għaliex hemm aktar domanda għal dawk l-oġġetti jew servizzi. Iżda huwa dovut ukoll għal negozji li jħallsu pagi ogħla biex jattiraw il-ħaddiema ħalli jkunu jistgħu jissodisfaw din id-domanda ġdida. Huma jgħaddu xi wħud minn dawn l-ispejjeż żejda fuq il-konsumaturi. Meta n-nies jitilfu l-impjieg tagħhom, ikun hemm inqas flus fl-idejn. Inqas nies imorru l-ħwienet u jonqos l-infiq fl-ekonomija. Il-prezzijiet ma jiżdidux daqstant.

Imma dan ma jikkonċernax biss in-numru ta’ persuni li għandhom impjieg. Il-kwalità ta’ dawn l-impjiegi hija importanti wkoll. Persuna b’pożizzjoni mħallsa tajjeb u stabbli se tonfoq u tfaddal b’mod differenti minn xi ħadd b’impjieg instabbli li ma tantx jitħallas.

Il-politika monetarja kif tikkontribwixxi għall-impjiegi?

Prezzijiet stabbli jsostnu l-impjiegi...

Kemm huwa faċli li n-nies isibu u jżommu f’impjiegi tajbin jiddependi l-aktar fuq il-politiki nazzjonali. Iżda prezzijiet stabbli jistgħu jappoġġjaw il-ħolqien tal-impjiegi wkoll. Meta l-prezzijiet ikunu stabbli, in-negozji u n-nies jistgħu jippjanaw u jinvestu aħjar. Dan jistaʼ joħloq ekonomija iktar għanja. Dan iwassal biex in-negozji jimpjegaw aktar nies biex jissodisfaw id-domanda ogħla għall-prodotti u s-servizzi.

... u hekk ukoll jistgħu d-deċiżjonijiet tagħna dwar il-politika monetarja

Il-politika monetarja tagħna nnifisha kultant tista’ wkoll tappoġġja l-impjiegi fl-ekonomija. Pereżempju, jekk l-ekonomija mhix sejra tajjeb, l-inflazzjoni tista’ tonqos. Nistgħu naġġustaw il-politika monetarja tagħna biex nagħmlu s-self irħas għall-unitajiet domestiċi u d-ditti. Dan jista’ jgħin biex tingħata spinta lill-infiq u l-investiment. Filwaqt li dan jgħin biex jistabbilizza l-inflazzjoni, jgħin ukoll biex in-nies jinżammu fl-impjiegi u jiġi appoġġjat il-ħolqien ta’ oħrajn ġodda. Iż-żamma tal-prezzijiet stabbli matul it-“terminu medju” tappoġġja l-livell massimu ta’ impjiegi.

Xi rwol għandu l-impjieg fil-politika monetarja tagħna?

Iż-żamma tal-prezzijiet stabbli hija tajba għall-impjiegi

Waqt l-avvenimenti ta’ smigħ tagħna, smajna kif in-nies kienu mħassba, b’mod partikolari ż-żgħażagħ, dwar il-kwalità tal-impjiegi u l-opportunitajiet tagħhom li jiksbu wieħed. Naturalment, il-gvernijiet huma responsabbli għall-ħolqien ta’ ambjent li fih in-nies jistgħu jsibu impjiegi tajbin u stabbli. Iżda nistgħu nagħtu l-kontribut tagħna stess billi nżommu l-prezzijiet stabbli. Huwa għalhekk li se nikkunsidraw ukoll l-impjiegi meta nieħdu deċiżjonijiet dwar il-politika monetarja.

KOMPLI AQRA
L-impiegi u t-tmexxija tal-politika monetarja fiż-żona tal-euro
REVIŻJONI TAL-ISTRATEĠIJA
Trid aktar informazzjoni?