Għaliex l-istatistika tgħallem?

19 ta' Ottubru 2016(aġġornat fid-9 ta' Jannar 2018)

L-istatistika – fatti jew biċċiet ta’ informazzjoni ġenerati minn sett ta’ dejta numerika – hija importanti ferm għall-BĊE u l-banek ċentrali b’mod ġenerali. Ħafna mix-xogħol tal-BĊE, kemm jekk għandu x’jaqsam mal-funzjoni ewlenija tagħna tal-politika monetarja, l-istabbiltà finanzjarja jew is-superviżjoni bankarja, jiddependi minn statistika ta’ kwalità tajba, li hija indispensabbli biex jittieħdu l-aħjar deċiżjonijiet.

L-analiżi tal-iżviluppi ekonomiċi, monetarji u finanzjarji li titħejja għal kull laqgħa tal-politika monetarja hija eżempju ċar ta’ kemm tiswa l-istatistika għall-BĊE kif ukoll għaċ-ċittadini tal-pajjiżi taż-żona tal-euro. L-istatistika għandha sehem ewlieni fid-deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv li għandhom x’jaqsmu mal-politika monetarja, għax dawn jinfluwenzaw ir-rati tal-imgħax li jħallsu l-individwi u n-negozji. Għalhekk l-istatistika tista’ tolqot indirettament il-ħajja ta’ ħafna nies.

Statistika ta’ kwalità tajba

Deċiżjonijiet tajbin jeħtieġu statistika ta’ kwalità tajba ħafna. Aħna nimxu ma’ standards riġorużi biex inkunu ċerti li l-istatistika tal-BĊE tkun preċiża, konsistenti, f’waqtha u magħmula skont l-istandards internazzjonali mingħajr ebda ndħil barrani. Tassew, l-indipendenza tistrieħ fuq statistika affidabbli li ssaħħaħ il-kredibbiltà tad-deċiżjonijiet tal-politika tagħna u l-fiduċja fil-BĊE.

Ħtieġa ta’ dejta rilevanti

Il-kriżi finanzjarja reċenti kkonfermat il-bżonn li d-dejta li tinġabar tkun rilevanti, iżjed definita u dettaljata, jew granulari. Minħabba f’hekk, l-istatistika tal-banek ċentrali m’għadhiex tiġbor biss dejta aggregata li tieħu medja jew average iżda wkoll dejta mikro (iżjed dettaljata) bħal dik ta’ self, tranżazzjonijiet u banek individwali.

Bis-saħħa tad-dejta granulari, wieħed jista’ jifhem aħjar kif il-politika monetarja tasal fl-irkejjen differenti tal-ekonomija. Id-dejta definita u dettaljata tgħin biex ittejjeb ix-xejra tal-politika fil-ġejjieni u fil-każ ta’ outliers (anomaliji fid-dejta) jew tail risks (ġrajjiet jew riżultati li rari jseħħu iżda li jkollhom impatt kbir) tista’ twassal għal reazzjoni politika iżjed f’waqtha. Il-proġett AnaCredit tal-BĊE, li jiġbor fih sett ġdid ta’ dejta b’tagħrif dettaljat fuq is-self ta’ banek individwali fiż-żona tal-euro, huwa eżempju tajjeb ta’ dejta granulari.

Xkiel għall-ġbir ta’ dejta dettaljata

Il-ġbir ta’ tagħrif statistiku dettaljat jista’ jġib miegħu diffikultajiet, l-iżjed fir-rigward tal-għażla ta' metodoloġiji u metodi ta' kalkolu li jiżguraw it-tqabbil bejn il-pajjiżi kollha. Sfida oħra hi dik tal-ksib ta' informazzjoni mingħand entitajiet li joperaw barra mis-sistema bankarja u dan jista' jkollu impatt fuq is-sistema finanzjarja u b'hekk ukoll fuq il-politika monetarja. Żewġ eżempji huma l-fondi protetti (hedge funds), sħubijiet ta’ investiment li jiġbru flimkien il-flus ta’ għadd limitat ta’ investituri individwali jew istituzzjonali, u l-banek paralleli (shadow banks), entitajiet li jipprovdu servizzi bħalma jagħmlu l-banek iżda ma jkollhomx aċċess espliċitu għal-likwidità tal-banek ċentrali. Hemm ukoll tħassib biex il-banek ma jitgħabbewx iżżejjed, billi l-kompitu tal-ġbir u r-rappurtar ta’ dejta jitlob ħin, flus u riżorsi oħra xierqa. Barra dan, wieħed dejjem għandu jkun ċert li d-dejta individwali tibqa’ kunfidenzjali, l-iżjed fil-każ ta’ dejta superviżorja li tintuża f’attivitajiet li jsiru flimkien ma’ partijiet esterni.

L-importanza ta’ dejta armonizzata

L-armonizzazzjoni tad-dejta hija wkoll kruċjali għax twassal għal riżultati siewja u tqabbil affidabbli. Hekk, nistgħu nafdaw fl-eżattezza tad-dejta fuq l-inflazzjoni billi din tiġi minn dejta nazzjonali abbażi ta’ sett komuni ta’ definizzjonijiet u klassifikazzjonijiet: fi kliem ieħor jintuża l-istess tip ta’ basket tax-xiri għall-prodotti u s-servizzi.

Kif issib l-istatistika tal-BĊE

Naturalment, l-istatistika li jiġbor, jiżviluppa u jħejji l-BĊE titfa’ l-lenti tagħha primarjament fuq iż-żona tal-euro. Iżda aħna naqsmu wkoll dejta importanti ma’ ħaddieħor. Tista’ tikseb firxa wiesgħa ta’ statistika jew mis-sit elettroniku L-Istatistika Tagħna li jippreżenta l-istatistika b'mod viżwali u f'formati li faċilment jistgħu jitqiegħdu f'midja diġitali jew mill-iStatistical Data Warehouse komprensiva tagħna. Din tal-aħħar tiġbor statistika fuq:

  • ECB/Eurosystem policy and exchange rates
  • flus, kreditu, attività bankarja u swieq finanzjarji
  • bilanċ tal-pagamenti u statistika esterna oħra
  • Statistika makroekonomika u settorjali
  • Statistika dwar pagamenti
  • Statistika superviżorja u prudenzjali
  • dejta li għandha x’taqsam mal-inflazzjoni, prezzijiet oħra, kostijiet, produzzjoni u swieq tax-xogħol

Is-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali hi kburija bil-fatt li hi waħda miż-żewġ istituzzjonijiet bi statistika Ewropea tal-aqwa kwalità. Dan bis-saħħa ta' kooperazzjoni mill-qrib bejn il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali, kif ukoll ma' istituzzjonijiet tal-UE u awtoritajiet nazzjonali u internazzjonali tal-istatistika, inkluż l-Uffiċċju tal-UE għall-istatistika, l-Eurostat.

Aġġornament: Din l-informazzjoni ġiet aġġornata fid-9 ta' Jannar 2018 biex tipprovdi aktar dettalji dwar is-suġġett.