European Central Bank - eurosystem
Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Ħruġ u ċirkolazzjoni

Il-BĊE u l-banek ċentrali tal-pajjiżi taż-żona tal-euro huma legalment intitolati li joħorġu karti tal-flus tal-euro. Fil-prattika, huma l-banek ċentrali nazzjonali (BĊN) biss li fiżikament joħorġu u jirtiraw il-karti tal-flus tal-euro (kif ukoll il-muniti). Il-BĊE m’għandux uffiċċju tal-flus kontanti u bl-ebda mod ma jimmaniġġa flus kontanti. Għal dak li għandu x'jaqsam mal-muniti tal-euro, l-entitajiet legali li joħorġuhom huma l-pajjiżi taż-żona tal-euro. Il-Kummissjoni Ewropea tikkoordina l-kwistjonijiet kollha relatati mal-muniti fil-livell taż-żona tal-euro. Għal iżjed tagħrif, ara l-websajt tal-Kummissjoni Ewropea.

Il-BĊE jissorvelja l-attivitajiet tal-BĊN u jagħti bidu għal aktar armonizzazzjoni tas-servizzi tal-flus kontanti fiż-żona tal-euro, waqt li l-BĊN jiżguraw it-tħaddim xieraq tas-sistemi nazzjonali tagħhom għat-tqassim tal-flus kontanti. Huma joħorġu l-karti tal-flus u l-muniti għaċ-ċirkolazzjoni permezz tas-sistema bankarja u, b'mod iżjed limitat, permezz tal-kummerċ bl-imnut. Il-BĊE ma jistax iwettaq dawn l-operazzjonijiet billi m'għandu la l-funzjonijiet u lanqas il-faċilitajiet, i.e. unitajiet ta' distribuzzjoni, unitajiet għall-iproċessar tal-karti tal-flus, kmamar tas-sigurtà eċċ.

L-għadd ta' karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni żdied bla waqfien minn meta ġie introdott l-euro. Il-karti ta' valur baxx u medju jintużaw l-aktar għal ħlasijiet ta’ kuljum. Denominazzjonijiet ogħla jintużaw l-aktar bħala maħżen ta' valur u għal xiri ta' oġġetti għoljin.

Ċirkolazzjoni ġewwa ż-żona tal-euro

Il-karti tal-flus tal-euro (u l-muniti) jiċċirkolaw kullimkien fiż-żona tal-euro l-aktar minħabba t-turiżmu, is-safar tan-negozjanti u xiri transkonfinali. B'mod ħafna iżjed limitat, qabel l-introduzzjoni tal-euro, il-karti tal-flus nazzjonali wkoll “kienu jiċċaqalqu” b'mod transkonfinali u mbagħad kien ikollhom jiġu “ripatrijati”, l-iktar permezz tas-sistema bankarja kummerċjali, lejn il-bank ċentrali li jkun ħariġhom. Ritorn bħal dan mhux meħtieġ fil-każ tal-euro. Madankollu, minħabba li kwantitajiet kbar ta' karti tal-flus tal-euro ma jibqgħux fil-pajjiż li jkun ħariġhom iżda jittieħdu lejn pajjiżi oħra tal-euro, u jintefqu hemm, il-banek ċentrali jkollhom jerġgħu iqassmuhom biex jevitaw nuqqas tal-karti tal-flus f'pajjiż u ammonti żejda f'pajjiż ieħor. Dawn it-trasferimenti ta' ammonti kbar jiġu kkoordinati b'mod ċentrali u ffinanzjati mill-BĊE.

Għal tagħrif dwar il-volumi tad-denominazzjonijiet tal-karti tal-flus (u l-muniti) fiċ-ċirkolazzjoni fiż-żona tal- euro, jekk jogħġbok ara s-sezzjoni tal-istatistika.

Ċirkolazzjoni barra ż-żona tal-euro

Il-karti tal-flus tal-euro ma jintużawx biss minn residenti taż-żona tal-euro. L-euro hu munita internazzjonali, u għalhekk xi karti tal-flus tal-euro jispiċċaw barra ż-żona u jibqgħu hemm. Hu kkalkulat li, f’termini ta’ valur, bejn 20% u 25% tal-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni jinsabu barra ż-żona tal-euro, l-iżjed f'pajjiżi ġirien. Id-domanda għall-karti tal-flus tal-euro żdiedet bil-qawwa speċjalment f'pajjiżi mhux membri tal-UE fl-Ewropa tal-Lvant meta l-kriżi finanzjarja faqqgħet fl-2008 u l-muniti nazzjonali ġew deprezzati kontra l-euro. Dawn il-karti tal-flus tal-euro għadhom fiċ-ċirkolazzjoni, u dan juri li għadhom f’idejn residenti barra ż-żona tal-euro.

Iċ-ċiklu tal-flus kontanti

Il-karti tal-flus jgħaddu minn mogħdija partikolari fl-ekonomija. Il-banek kummerċjali jordnawhom mingħand il-banek ċentrali u mbagħad joħorġuhom permezz tal-kaxxiera awtomatiċi. In-nies jonfquhom fil-ħwienet, fis-swieq u f’postijiet oħrajn u l-karti tal-flus imbagħad jiġu depożitati mill-bejjiegħa u persuni oħrajn fil-banek tagħhom. Il-banek u oħrajn li jimmaniġġaw il-flus imbagħad jew jibgħatuhom lura lill-bank ċentrali rispettiv tagħhom, jew jirriċirkolaw il-karti tal-flus wara li jiċċekkjaw li jkunu ġenwini u li jkunu "tajbin" għaċ-ċirkolazzjoni. Il-vidjow tagħna jirrakkonta l-istorja kollha:

Il-ċiklu tal-ħajja tal-karti tal-flus tal-euro

L-organizzazzjoni tal-katina tal-provvista tal-flus kontanti tvarja minn pajjiż għall-ieħor u tiddependi minn fatturi bħal:

  • l-istruttura tal-bank ċentrali, inkluż in-netwerk tal-fergħat tiegħu,
  • il-banek kummerċjali u n-netwerks tal-friegħi tagħhom,
  • is-sistema legali,
  • id-drawwiet tal-pubbliku fir-rigward tal-ħlasijiet,
  • l-infrastruttura tal-kumpaniji li jġorru l-flus u li joperaw fis-suq, u
  • il-ġeografija, l-istorja u t-tradizzjonijiet ta' kull pajjiż.

Minkejja dawn id-differenzi, l-Eurosistema tibqa' tisħaq fuq aktar konverġenza fis-servizzi tal-flus kontanti offruti mill-banek ċentrali taż-żona tal-euro. Jiġu konsultati l-partijiet interessati, bħall-banek kummerċjali, kumpaniji li jġorru l-flus u entitajiet oħra li jimmaniġġaw il-flus kontanti, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak Ewropew. Jekk ikun hemm aktar armonizzazzjoni u integrazzjoni, il-partijiet interessati jkunu jistgħu jiksbu aktar benefiċċji mill-munita unika.

Għal aktar tagħrif, ara r-Rapport Annwali tal-BĊE.

Tajba jew mhix tajba?

Il-karti tal-flus iridu jkunu ġenwini u ta’ kwalità tajba ħafna biex in-nies ikollhom fiduċja fihom. Għalhekk il-BĊN taż-żona tal-euro jużaw magni tal-ipproċessar tal-karti tal-flus kompletament awtomatizzati biex jiżguraw li karti jkunu awtentiċi u tajbin biżżejjed biex jerġgħu jinħarġu.

Il-paġni kollha f’din it-taqsima