Lista ta’ apparat għall-verifika tal-karti tal-flus li għadda mit-test

Daħla

Din il-paġna fiha lista li tiġi aġġornata regolarment ta’ apparat għall-verifika tal-karti tal-flus li jkun għadda mit-test biex tgħinek tagħżel it-tagħmir li jagħraf il-karti tal-flus foloz adattat għall-ħtiġijiet tiegħek. L-apparat ġie ttestjat b’karti tal-flus foloz li kienu qegħdin jidhru l-aktar fl-idejn fid-data tat-test.

Tista’ jew tniżżel il-lista sħiħa tal-apparat (bħala PDF) jew tuża l-funzjoni tat-tiftix li tinsab hawn taħt.

Riżultati tat-testijiet

Tagħmir għall-awtentikazzjoni - Fittex frażi

Qed tfittex "tagħmir għall-awtenitikazzjoni" speċifiku?

Tista' tfittex fil-bażi tad-dejta f'wieħed minn dawn l-oqsma:

  • ID tat-tagħmir
  • Isem tat-tagħmir
  • Tip tat-tagħmir
  • Isem il-manifattur
  • Belt tal-manifattur
  • Pajjiż tal-manifattur

u jkollok lista ta' riżultati.

Qabel ma tixtri apparat ġdid, għandek tivverifika mal-manifattur jekk l-apparat jistax jiġi aġġornat biex jipproċessa l-karti tal-flus ġodda tas-sensiela Europa (ES2).

Frażi:

Meta tfittex pajjiż, daħħal ismu bl-Ingliż.

Kummenti

  1. Mhux ċar jekk it-tagħmir huwiex konformi mal-leġiżlazzjoni nazzjonali jew tal-Unjoni Ewropea dwar is-saħħa u s-sigurtà.
  2. It-tagħmir ma jaċċettax id-denominazzjonijiet kollha. Jekk jogħġbok ikkuntattja lill-fornitur għal tagħrif dwar id-denominazzjonijiet li huma aċċettati.
  3. It-tagħmir jaċċetta l-orjentazzjonijiet kollha ta' kif jiddaħħlu l-karti tal-flus.
  4. It-tagħmir jaċċetta orjentazzjoni waħda biss ta' kif jiddaħħlu l-karti tal-flus.
    1. L-orjentazzjoni korretta hija indikata ċar fuq it-tagħmir.
    2. L-orjentazzjoni korretta mhijiex indikata (ċar) fuq it-tagħmir.
  5. Il-kumpanija ma tatx kjarifika dwar liema karatteristiċi ta' awtentikazzjoni jivverifika t-tagħmir.
  6. Jekk jogħġbok ikkuntattja lill-fornitur biex tara jekk il-ktejjeb tal-istruzzjonijiet għall-użu jinstabx bil-lingwa li trid.
  7. Il-ktejjeb ma fihx struzzjonijiet dwar il-mod u l-frekwenza tal-manutenzjoni meħtieġa biex it-tagħmir jibqa' jaħdem sew.
  8. Il-verżjoni attwali tas-softwer tat-tagħmir ma tistax tiġi verifikata mill-utent.

Użu ta' apparat u magni li jipproċessaw il-karti tal-flus

It-tagħmir li jidher fil-lista mhuwiex meqjus mal-magni li jimmaniġġaw il-karti tal-flus skont it-tifsira tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14 dwar il-verifika tal-awtentiċità u l-kundizzjoni u r-riċirkolazzjoni tal-karti tal-flus tal-euro. Għalhekk ma jistax jintuża minn istituzzjonijiet ta’ kreditu u minn oħrajn li jimmaniġġaw il-flus għall-awtentikazzjoni awtomatika tal-karti tal-flus tal-euro destinati għar-riċirkolazzjoni permezz ta’ kaxxiera awtomatiċi (ATMs) u magni oħra tal-flus imħaddmin mill-klijenti.

Għar-riżultati tat-testijiet ta' magni li jimmaniġġaw il-karti tal-flus, ara l-lista ta' Tipi ta' magni li jimmaniġġaw il-karti tal-flus li għaddew mit-test (imsemmijin fl-Artikolu 6(1a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) 1338/2001, kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) 44/2009).

Dikjarazzjoni taʼ ċaħda tar-responsabbiltà fuq it-testijiet u r-riżultati

Ċaħda ta’ responsabbiltà
  1. Il-karti tal-flus tal-euro foloz użati fit-test huma, sa fejn jafu l-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali, dawk li l-iżjed jinstabu fiċ-ċirkolazzjoni fiż-żona tal-euro fiż-żmien meta jkun sar l-aħħar aġġornament tal-mazz użat għat-test. Billi l-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali ma jistgħux jipprevedu jew jeskludu l-possibbiltà li jidhru tipi ġodda ta' karti tal-flus foloz wara li l-mazz tat-test ikun ġie aġġornat, il-manifatturi huma responsabbli biex jittestjaw regolarment it-tipi diversi ta' tagħmir. Barra dan, id-distributuri u l-utenti ta' dan it-tagħmir huma responsabbli biex minn żmien għal żmien jaġġornaw is-sensers ta' awtentikazzjoni integrati fit-tagħmir tagħhom biex dan ikun jista' jidentifika karti tal-flus foloz ġodda.
  2. Sakemm tippermetti l-liġi applikabbli, il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali ma jaċċettaw ebda responsabbiltà (i) għal xi dannu dirett jew indirett li jirriżulta minn kif jaħdmu t-testijiet, jew mill-pubblikazzjoni jew min-nuqqas ta' pubblikazzjoni, jew mit-tneħħija tar-riżultati tat-testijiet minn din il-paġna tal-websajt tal-BĊE, jew (ii) għar-riżultati tat-testijiet. Deutsche Bundesbank u Banco de Portugal qegħdin jagħmlu ċaħdiet ta' responsabbiltà separati.1
  3. Ir-riżultati ppubblikati tat-testijiet la jkollhom u lanqas jimplikaw xi sura ta' rakkomandazzjoni min-naħa tal-BĊE jew il-banek ċentrali nazzjonali li xi partijiet terzi għandhom jew m'għandhomx jużaw it-tip ta' tagħmir ittestjat.
  4. Din id-dikjarazzjoni ma timplika ebda garanzija min-naħa tal-BĊE jew tal-banek ċentrali nazzjonali, espliċita jew impliċita, dwar il-fatt li t-tipi ta' tagħmir ittestjati jistgħu dejjem u mingħajr żbalji jidentifikaw karti tal-flus tal-euro foloz, jew dwar kemm huma adattati għall-użu, jew dwar il-kapaċità tagħhom, irrispettivament minn jekk l-utenti tat-tagħmir jikkonformawx mar-rekwiżiti tal-utent jew le.

1 Ċaħda ta' responsabbiltà (2) ta' Deutsche Bundesbank

Deutsche Bundesbank ma jaċċetta ebda responsabbiltà (i) għal xi dannu, dirett jew indirett, li għandu x'jaqsam ma' kif jaħdmu t-testijiet, jew mal-pubblikazjoni jew in-nuqqas ta' pubblikazzjoni jew it-tneħħija tar-riżultati tat-testijiet minn din il-paġna tal-websajt tal-BĊE, jew (ii) għar-riżultati tat-testijiet, sakemm dan id-dannu ma jkunx sar bi ħsieb jew b'negliġenza kbira min-naħa ta' Deutsche Bundesbank. Barra dan, il-limitazzjoni tar-responsabbiltà kif hemm provdut għaliha fiċ-ċaħda ġenerali tar-responsabbiltà ta' Deutsche Bundesbank tibqa' tgħodd.

1 Ċaħda ta' responsabbiltà (2) ta' Banco de Portugal

Il-prestazzjoni tat-testijiet u l-pubblikazzjoni, in-nuqqas ta' pubblikazzjoni jew it-tneħħija tar-riżultati tat-testijiet minn din il-paġna tal-websajt tal-BĊE ma jfissrux l-aċċettazzjoni tar-responsabbiltà għal xi dannu, dirett jew indirett, marbut ma' dawn il-fatti.