Arkitettura tal-pajsaġġ

Il-kumpanija Svizzera Vogt Landscape Architects żviluppat disinn sofistikat għall-inħawi madwar il-bini l-ġdid tal-BĊE billi tat tifsira ġdida lit-teorija tradizzjonali tal-pajsaġġ magħrufa bħala “English Garden” (Ġnien Ingliż). Ix-Xmara Main serviet ta’ ispirazzjoni ewlenija għad-disinn tal-medda ta’ ħdura, fejn tħawlu aktar minn 700 siġra ta’ 25 varjetà differenti. Ritratti

Il-ħolqien ta’ Ġnien Ingliż għall-BĊE

Il-prinċipju li jiddefinixxi l-“Ġnien Ingliż” kien li għandu jkun f’armonija mal-pajsaġġ ta’ madwaru u jippreżenta dehra idealizzata tan-natura, ippjanata f’sens wiesa’ fuq il-mudell tal-kampanja tipika Ingliża. Ħafna mill-ġonna ta’ Londra jew l-artijiet ta’ djar antiki u maestużi Ingliżi, kif ukoll l-Englischer Garten (il-Ġnien Ingliż) fi Munich jimxu ma’ dan il-prinċipju. Tipiku ta’ dan l-istil huwa l-mod kif l-arkitetti tal-pajsaġġ inkorporaw fid-disinji tagħhom il-moviment tan-nies u dak li jaraw huma u jiċċaqalqu minn post għall-ieħor. Vogts Landscape Architects kellhom dan il-kunċett f’moħħhom meta ħolqu d-disinn tal-pajsaġġ għall-bini l-ġdid tal-BĊE.

L-ewwel nett, l-arkitetti tal-pajsaġġ eżaminaw l-art b’reqqa kbira biex jifhmu sewwa l-karatteristiċi kollha tagħha. L-iktar ħaġa evidenti għalihom kienet li l-art hija qrib l-Osthafen (il-Port tal-Lvant) u tmiss max-xatt tax-Xmara Main. Għalhekk għażlu l-ilma biex ikun l-element ċentrali li jispikka fid-disinn tal-pajsaġġ.

Ix-xmara – l-ispirazzjoni ewlenija għall-ġonna

Għal dak li huwa pajsaġġ ħaj, l-idea ġenerali kienet li jinħoloq it-terren tipiku tal-witat naturali ta’ xatt ix-xmara. It-topografija partikolari tal-pajsaġġ tax-xmajjar, bix-xquq u l-għoljiet watja, il-meded tal-ilma qiegħed, il-qatgħat u l-qlib fil-blat, inħolqot f’forom ġeometriċi. Ir-riżultat huwa medda ta’ ġonna magħmula minn pajsaġġ stilizzat ta’ xmara li jimxi mal-profil tax-Xmara Main u jinkorpora s-sala tal-pitkalija, il-bini tal-uffiċċji u faċilitajiet essenzjali oħra, filwaqt li jżomm il-kwalitajiet kollha ta’ ġnien. Il-veġetazzjoni ssaħħaħ u fl-istess waqt tqanqal dubji dwar l-idea ta’ pajsaġġ tax-xmajjar, minħabba li tikkonsisti f’taħlita ta’ xtieli tipiċi tax-xmajjar u pjanti eżotiċi li ma jidhrux f’lokhom f’ħabitat bħal dan. Il-biċċa l-kbira tas-siġar iwaqqgħu l-weraq, sabiex in-nies ikunu jistgħu “jaraw u jħossu” l-istaġuni differenti. Il-mergħat b’siġar imbegħdin minn xulxin huma mżewqin bi msaġar sfieq, ilqugħ tal-ħaxix, formazzjonijiet tipiċi ta’ xatt ix-xmara u ringieli ta’ siġar li jtennu l-għamla tal-widien tax-xmajjar.

Għal dak li huwa pajsaġġ mejjet, ċerti nħawi nksew biċ-ċangaturi li jgħibu ftit ftit f’irqajja’ ta’ asfalt jew ħaxix minflok ma jieqfu ħesrem. Intuża xi ġebel li jmur lura sa meta l-Grossmarkthalle kienet għadha l-pitkalija ta’ Frankfurt. Barra minn hekk, uħud mill-profili tal-widien tax-xmara huma mimlijin b’ġebel tipiku li jinsab fi nħawi bħal dawn.

“Pulmun ekoloġiku” għall-belt ta’ Frankfurt

Ix-xogħol fuq id-disinn tal-pajsaġġ beda f’Novembru 2012 meta tħawlu l-ewwel siġar tal-ġingo. L-arkitetti tal-pajsaġġ ħolqu medda ta’ ġonna li tagħti l-impressjoni li kibret b’mod naturali, minkejja li kollox kien ippjanat u maħsub bir-reqqa minn qabel. Dan jgħodd ukoll għat-tagħmir meħtieġ ta’ sigurtà li huwa inkorporat fil-pajsaġġ bħala ħitan u lqugħ li jimmarkaw il-limiti tal-post. Dawn ġew integrati f’saffi fil-ġonna biex, safejn huwa possibbli, il-medda ta’ ħdura ma tidhirx bħala post magħluq, la minn barra u lanqas minn ġewwa. Il-ħajt ta’ barra huwa magħmul minn materjal li jirrifletti l-konsistenza tal-art biex jidher qisu ħaġa waħda mal-medda tal-ġonna. Parti mill-ilqugħ timxi mat-tlugħ u l-inżul tal-pajsaġġ u hija magħmula minn struttura tal-metall li tixbah palizzata. L-ispazju bejn l-elementi individwali weqfin ivarja skont qisien definiti minn qabel.

Flimkien mal-ġonna l-oħra li jinsabu fil-qrib – bħalma huma l-Grün Gürtel, il-medda ta’ ħdura madwar Frankfurt, il-Mainuferpark, il-medda ta’ art max-xatt tax-Xmara Main, il-Hafenpark li jinsab fil-qrib u huwa ġnien ġdid imsejjes fuq it-tema “sport u eżerċizzju” u l-Ostpark, il-ġnien fid-distrett ta’ Ostend fi Frankfurt – il-pajsaġġ ta’ madwar il-bini l-ġdid tal-BĊE jagħti sehmu biex jinħoloq “pulmun ekoloġiku” għall-belt ta’ Frankfurt.