Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (flimkien mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)
Ġunju 2020
26 ta’ Ġunju 2020
Operazzjonijiet tas-suq
Arranġament ta’ prekawzjoni tal-linja ta’ repo mal-Banca Naţională a României
Fil-5 ta’ Ġunju 2020, il-BĊE ħabbar li l-Kunsill Governattiv kien approva t-twaqqif ta’ arranġament ta’ linja ta’ repo biex tipprovdi l-likwidità tal-euro lill-Banca Naţională a României sabiex jiġu indirizzati l-bżonnijiet ta’ likwidità possibbli tal-euro fil-preżenza ta’ disfunzjonijiet fis-suq minħabba x-xokk tal-koronavirus (COVID-19). Stqarrija għall-istampa dwar dan tinsab fil-websajt tal-BĊE.
Kalendarji indikattivi għall-operazzjonijiet regolari b’offerta, ir-rekwiżiti tar-riżervi u l-perjodi ta’ żamma tar-riżervi tal-Eurosistema
Fil-5 ta’ Ġunju 2020, il-Kunsill Governattiv approva l-kalendarji indikattivi għall-operazzjonijiet regolari ta’ offerti, ir-rekwiżiti ta’ riserva u l-perjodi ta’ żamma tar-riserva tal-Eurosistema għall-2021, kif ukoll emenda li biha t-tmiem tal-perjodu ta’ żamma tar-riserva fl-2020 tressaq ’il quddiem b’ġimgħa biex jaqbel mal-iskeda għal-laqgħat tal-Kunsill Governattiv fl-2021 li ġie approvat u ppubblikat reċentement. Il-kalendarji jinsabu fil-websajt tal-BĊE, flimkien ma’ żewġ stqarrijiet għall-istampa relatati.
Espansjoni ulterjuri ta’ oqfsa addizzjonali ta' klejms ta’ kreditu b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19
Fit-8 ta’ Ġunju 2020, il-Kunsill Governattiv approva talbiet minn żewġ banek ċentrali nazzjonali (BĊN) biex joħolqu oqfsa addizzjonali temporanji għal kreditu ġodda (ACC) u approva ukoll bidliet fl-oqfsa tal-ACC eżistenti ta’ żewġ BĊN oħra. L-oqfsa tal-ACC ġew introdotti fl-2011 biex jippermettu lill-BĊN tal-Eurosistema jaċċettaw bħala kollateral ċerti klejms tal-kreditu li mhumiex konformi mar-regoli tal-eliġibbiltà u/jew mal-istandards tal-kwalità tal-kreditu stabbiliti fid-Dokumentazzjoni Ġenerali. Il-pakkett ta’ faċilitazzjoni ta’ kollateral adottat mill-Kunsill Governattiv fis-7 ta’ April 2020 introduċa l-possibbiltà li dawn l-oqfsa jitwessgħu aktar. L-aċċettazzjoni ta’ dawn l-oqfsa tal-ACC hija suġġetta għal approvazzjoni minn qabel mill-Kunsill Governattiv. Tagħrif iżjed iddettaljat dwar l-oqfsa tal-ACC hu disponibbli fil-websajt tal-BĊE.
Bidliet fil-kompożizzjoni tal-gruppi TLTRO III
Fid-9 ta’ Ġunju 2020, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li l-bidliet fil-parametri tal-operazzjonijiet immirati ta’ rifinanzjament fuq żmien itwal (TLTRO III), introdotti permezz tad-Deċiżjonijiet ta’ emenda BĊE/2020/13 u BĊE/2020/25, u ċ-ċirkustanzi eċċezzjonali li taw lok għal dawn l-emendi, jikkostitwixxu raġunijiet oġġettivi li minnhom hija ġġustifikata devjazzjoni mill-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 3(2) u (3) tad-Deċiżjoni BĊE/2019/21. Għaldaqstant, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jippermetti li jsiru bidliet fil-kompożizzjoni tal-gruppi TLTRO III li jippermettu lill-membri l-ġodda jiġu inklużi fi gruppi TLTRO III. L-istituzzjonijiet biss li għadhom ma pparteċipawx fuq bażi individwali f’ebda operazzjoni TLTRO III jew li mhumiex parti minn grupp ieħor rikonoxxut ta’ TLTRO III jistgħu jiġu inklużi. Perjodu ta’ konċessjoni għall-inklużjoni ta’ membri ġodda fi grupp TLTRO III se jingħata sas-17 ta’ Awwissu 2020, li jimplika li kwalunkwe bidla fil-kompożizzjoni ta’ grupp tapplika biss b’effett mill-ħames operazzjoni TLTRO III. Iżjed tagħrif iddettaljat hu disponibbli fil-websajt tal-BĊE.
Frekwenza mnaqqsa tal-operazzjonijiet ta’ sebat ijiem fid-dollaru Amerikan
Fis-17 ta’ Ġunju 2020, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jibdel il-frekwenza ta’ operazzjonijiet li jipprovdu likwidità f’dollari Amerikani ta’ sebat ijiem minn kuljum għal tliet darbiet fil-ġimgħa, b’effett mill-1 ta’ Lulju 2020. Fid-dawl ta’ tnaqqis notevoli fid-domanda għal dawn l-operazzjonijiet, in-netwerk ta’ swap tal-banek ċentrali (li jinkludi s-Sistema ta’ Riżerva Federali, il-BĊE, il-Bank Nazzjonali Svizzeru, il-Bank of Canada, il-Bank of Japan u l-Bank of England) kollha qablu li t-tnaqqis tal-frekwenza tagħhom ma jipperikolax l-effettività tagħhom bħala mekkaniżmu ta’ sostenn tal-likwidità. Din l-azzjoni kkoordinata tħabbret permezz ta’ stqarrija għall-istampa konġunta maħruġa fl-istess ħin fuq il-websajts tal-banek ċentrali kollha tan-netwerk ta’ swap.
Stabbiliment ta’ qafas għal provvediment ta’ likwidità ta’ euro għal banek ċentrali li mhumiex fiż-żona tal-euro
Fl-24 ta’ Ġunju 2020, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jistabbilixxi Faċilità Repo tal-Eurosistema għall-Banek Ċentrali (EUREP), iddisinjata biex tipprovdi likwidità tal-euro lil sett wiesa’ ta’ banek ċentrali li mhumiex fiż-żona tal-euro kontra sett predefinit ta’ garanziji u kundizzjonijiet sabiex jittaffew riskji tal-karta tal-bilanċ filwaqt li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi fost banek ċentrali li jitolbu likwidità. Tagħrif iżjed iddettaljat jinsab fi stqarrija għall-istampa relatata ppubblikata fil-websajt tal-BĊE.
Infrastruttura tas-swieq u l-ħlasijiet
Regoli aġġornati ta’ proċedura għall-Grupp ta’ Tmexxija tad-Depożitu Ċentrali tat-Titoli TARGET2
Fid-29 ta’ Mejju 2020, il-Kunsill Governattiv approva regoli ta’ proċedura aġġornati għall-Grupp ta’ Tmexxija tad-Depożitu Ċentrali tat-Titoli TARGET2 (T2S CSG). L-aġġornament jimplimenta rakkomandazzjoni mill-Eżaminatur Estern T2S biex formalment jiddokumenta numru ta’ punti tal-aġenda fissa fil-laqgħat CS2 T2S. Ir-regoli ta’ proċedura aġġornati jinsabu fil-websajt tal-BĊE.
Rendikonti finanzjarji T2S tal-2019
Fid-29 ta’ Mejju 2020, il-Kunsill Governattiv approva l-pubblikazzjoni tar-rendikonti finanzjarji annwali T2S tal-2019 li kienu suġġetti għal verifika esterna u indipendenti sħiħa. Il-pubblikazzjoni ta’ dawn ir-rendikonti tissodisfa obbligu taħt il-Ftehim ta' Qafas T2S u hija maħsuba biex tgħarraf lill-klijenti u lill-partijiet interessati T2S, kif ukoll lill-pubbliku inġenerali, dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tat-T2S.
Politika tal-prezzijiet T2
Fit-18 ta’ Ġunju 2020, il-Kunsill Governattiv approva l-politika tal-prezzijiet għal servizz T2 li ġej, ibbażata fuq il-prezzijiet tat-TARGET2 attwali, u l-pubblikazzjoni tagħha fuq il-websajt tal-BĊE fi stadju aktar tard. It-T2 huwa servizz ġdid li se jiġi introdott mal-kunsinna tal-proġett ta’ konsolidazzjoni T2-T2S. Bħala riżultat, is-servizz TARGET2 attwali ser ikollu żewġ komponenti distinti: Ġestjoni Ċentrali tal-Likwidità (CLM) u Ħlas Gross f'Ħin Reali (RTGS) Il-politika tal-prezzijiet tat-T2 tista’ tiġi riveduta wara sentejn, bla ħsara għall-evoluzzjoni tat-tkabbir tal-volum tal-RTGS. Aktar tagħrif iddettaljat ser jiġi ppubblikat fil-websajt tal-BĊE iżjed ’il quddiem.
Opinjonijiet fuq leġiżlazzjoni
Opinjoni tal-BĊE dwar limitazzjonijiet fuq flus kontanti għal pagamenti postali u miżuri kontra l-ħasil tal-flus fil-Belġju
Fil-25 ta’ Mejju 2020 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2020/17 wara talba tan-Nationale Bank van België/Banque Nationale de Belgique.
Opinjoni tal-BĊE dwar il-ħatra tas-Central Bank of Ireland bħala reġistratur għal reġistri ta’ sjieda benefiċjarja għal ċerti entitajiet finanzjarji
Fit-18 ta’ Ġunju 2020 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2020/18 wara talba tal-Ministru Irlandiż għall-Finanzi.
Statistika
Estensjoni tal-bord għall-istatistiki dwar oġġetti tal-karta tal-bilanċ individwali
Fil-5 ta’ Ġunju 2020, il-Kunsill Governattiv approva estensjoni tal-bord tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu taż-żona tal-euro għat-trażmissjoni lill-BĊE ta’ partiti tal-karta tal-bilanċ individwali, sabiex jiġu inklużi istituzzjonijiet inqas sinifikanti fil-bord. Għaldaqstant, il-bord ser jiżdied minn 300 istituzzjoni ta’ kreditu għal madwar 3,000. Madankollu, il-piż tar-rappurtar fuq l-istituzzjonijiet ta’ kreditu kkonċernati jibqa’ l-istess peress li d-dejta tagħhom hija diġà rrappurtata lill-banek ċentrali nazzjonali skont ir-Regolament BĊE/2013/33. Avviż relatat li jinforma lill-operaturi li jirrapportaw huwa disponibbli fuq il-websajt tal-BĊE.
Superviżjoni bankarja
Politika tal-pubblikazzjoni għal memoranda ta’ ftehim ta’ superviżjoni
Fis-26 ta’ Mejju 2020, il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju biex tiġi approvata politika ta’ pubblikazzjoni għal memoranda ta’ ftehim superviżorji (MoUs) li l-BĊE jagħmel ma’ awtoritajiet kompetenti nazzjonali tal-UE mhux fil-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU), awtoritajiet nazzjonali jew tal-UE oħrajn, u awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi. Iggwidata mill-prinċipju tat-trasparenza, il-politika tipprevedi fil-prinċipju l-pubblikazzjoni tal-MoUs superviżorji kollha li l-BĊE nnegozja u ffirma bid-dritt tiegħu stess, sakemm ma tkunx identifikata raġuni għalfejn ma jiġix ppubblikat MoUs superviżorju, jew partijiet minnu bis-saħħa ta’ wieħed mill-kriterji ddefiniti fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni BĊE/2004/3.
Rapport tal-BĊE fuq sottoskrizzjoni tal-kreditu
Fit-2 ta’ Ġunju 2020, il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju biex tiġi approvata l-pubblikazzjoni ta’ rapport li jippreżenta s-sejbiet ewlenin mill-eżerċizzju tal-ġbir tad-dejta tas-sottoskrizzjoni tal-kreditu tal-2019. Dan ir-rapport jipprovdi veduta unika tal-istandards u l-prattiki tas-self fiż-żona tal-euro li huma fundamentali għall-istabbiltà tal-istituzzjonijiet sinifikanti tar-reġjun. Jinsab fil-websajt tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.
Riżultati ta’ valutazzjonijiet komprensivi ta’ ħames banek Kroati u l-UBS u l-Bank of America
Fl-4 ta’ Ġunju 2020, il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju biex jiġu approvati r-riżultati finali tal-valutazzjonijiet komprensivi ta’ ħames banek Kroati (Zagrebačka banka, Privredna banka Zagreb, Erste & Steiermärkische Bank, OTP banka Hrvatska u Hrvatska poštanska banka) u tal-UBS Europe SE u Bank of America Merrill Lynch International Designated Activity Company. L-ewwel valutazzjoni komprensiva saret wara t-talba tal-Kroazja għal kooperazzjoni mill-qrib mal-BĊE u t-tieni waħda kienet meħtieġa wara li l-banek irrilokaw l-attività kummerċjali tagħhom fiż-żona tal-euro mir-Renju Unit wara l-irtirar tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, peress li d-daqs ta’ dawn il-banek jimplika s-superviżjoni diretta tagħhom mill-BĊE. Żewġ stqarrijiet għall-istampa relatati, flimkien mar-riżultati sħaħ tal-valutazzjonijiet, li l-banek involuti taw il-kunsens li jiżvelaw, huma disponibbli fuq il-websajt tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.
Konformità mal-Linji Gwida tal-ABE dwar il-kalkolu tal-maturità medja ponderata għat-taqsimiet tat-titolizzazzjoni
Fid-9 ta’ Ġunju 2020, il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju li jinnotifika lill-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE), għall-istituzzjonijiet sinifikanti taħt is-superviżjoni diretta tal-BĊE, dwar l-intenzjoni tal-BĊE li jikkonforma mal-Linji Gwida tal-ABE tal-4 ta’ Mejju 2020 dwar id-determinazzjoni tal-maturità medja ponderata (WAM) tal-pagamenti kuntrattwali dovuti taħt it-taqsima skont il-punt (a) tal-Artikolu 257(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 (ABE/GL/2020/04).
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja