European Central Bank - eurosystem
Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (minbarra d-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

April 2019

Komunikazzjoni esterna

Żvelar tal-figuri tad-dħul tal-Eurosistema relatati mal-Programm tas-Swieq tat-Titoli

Fit-22 ta’ Marzu 2019 il-Kunsill Governattiv approva l-pubblikazzjoni fuq il-websajt tal-BĊE tal-Feedback tal-BĊE dwar ir-reazzjonijiet pprovduti mill-Parlament Ewropew bħala parti mir-riżoluzzjoni tiegħu dwar ir-Rapport Annwali tal-BĊE 2017. Bħala parti minn din il-pubblikazzjoni, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jiżvela d-dħul tal-Programm tas-Swieq tat-Titoli tal-Eurosistema (SMP) fuq il-portafolli Irlandiż, Grieg, Spanjol, Taljan u Portugiż iġġenerati bejn l-2010 u l-2017 u d-dħul mistenni mill-2018 sal-amortizzament sħiħ tal-SMP. Il-Feedback tal-BĊE lill-Parlament Ewropew ġie ppubblikat fil-websajt tal-BĊE flimkien mar-Rapport Annwali tal-BĊE 2018.

Politika monetarja

Deċiżjoni tal-BĊE dwar il-projbizzjoni tal-finanzjament monetarju u Linja Gwida tal-BĊE dwar l-operazzjonijiet ta’ ġestjoni tal-assi u l-obbligazzjonijiet domestiċi mill-banek ċentrali nazzjonali

Fid-9 ta’ April 2019 il-Kunsill Governattiv adotta l-Linja Gwida BĊE/2019/7 dwar l-operazzjonijiet ta’ ġestjoni tal-attiv u tal-passiv nazzjonali mill-banek ċentrali nazzjonali (riformulazzjoni) u d-Deċiżjoni BĊE/2019/8 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2014/8 dwar il-projbizzjoni tal-finanzjament monetarju u r-remunerazzjoni ta' depożiti tal-gvern minn banek ċentrali nazzjonali. It-tibdil fl-atti legali jirrifletti l-eżitu ta’ reviżjoni regolari tal-qafas li jirregola l-operazzjonijiet ta’ ġestjoni tal-attiv u l-passiv domestiċi. L-atti legali se jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jinsabu fil-websajt tal-BĊE.

Operazzjonijiet tas-suq

Inkorporazzjoni tar-rekwiżiti ta’ żvelar tar-Regolament dwar it-Titolizzazzjoni fil-qafas tal-kollateral tal-Eurosistema

Fit-22 ta’ Marzu 2019 il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jaġġusta l-kriterji ta’ eliġibbiltà tal-qafas tal-kollateral tal-Eurosistema biex jirrifletti r-rekwiżiti ta’ żvelar u l-proċess ta’ reġistrazzjoni għar-repożitorji tat-titolizzazzjoni speċifikati fil-qafas regolatorju għat-titolizzazzjonijiet applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2019 (ara r-Regolament (UE) Nru 2017/2402 (ir-Regolament dwar it-Titolizzazzjoni)). Id-dettalji jinstabu fi stqarrija għall-istampa relatata disponibbli fuq il-websajt tal-BĊE.

Armonizzazzjoni tal-kunċetti tal-aġenzija fil-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema

Fis-26 ta’ Marzu 2019 il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jarmonizza aktar il-kunċetti ta’ aġenzija li bħalissa qed jintużaw fil-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema u jallinja l-kriterji użati għal aġenziji rikonoxxuti fil-qafas kollaterali u aġenziji eliġibbli għall-Programm ta’ Xiri tas-Settur Pubbliku (PSPP). Għal dak il-għan, il-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema se jkollu lista armonizzata ta’ aġenziji bbażata fuq sett ta’ kriterji kwalitattivi komuni li ser isir riferiment għalihom fil-Linja Gwida tad-Dokumentazzjoni Ġenerali[1]. Dawn l-aġenziji se jkunu eżenti mill-kriterji l-ġodda ta’ eliġibilità għal bonds bankarji mhux garantiti (Artikolu 81a) u l-limitu ta konċentrazzjoni ta’ bonds bankarji mhux garantiti (Artikolu 141). Barra minn hekk, l-aġenziji kollha fuq il-lista armonizzata jkunu eliġibbli għall-PSPP. Finalment, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li japplika sett ta’ kriterji kwantitattivi biex jiddetermina liema aġenziji għandhom jiġu allokati għall-haircut tal-kategorija II. Aġenziji li jissodisfaw il-kriterji kwantitattivi biss ser jiġu allokati għall-haircut tal-kategorija II. Il-lista armonizzata ta’ aġenziji ser tiġi ppubblikata fuq il-websajt tal-BĊE, u tispeċifika jekk il-kriterji kwantitattivi għall-valutazzjoni tal-haircut tal-kategorija II ġewx sodisfatti fir-rigward ta’ kull aġenzija. Dawn il-bidliet se jkunu inkorporati fl-aġġornament li ġej tal-Linja Gwida tad-Dokumentazzjoni Ġenerali.

Rieżami annwali ta’ swieq mhux regolati aċċettabbli, emittenti klassifikati bħala banek ta’ żvilupp multilaterali jew organizzazzjonijiet internazzjonali, u emittenti klassifikati bħala aġenziji tal-haircuts fil-kategorija II

Fis-26 ta’ Marzu 2019, il-Kunsill Governattiv iddeċieda, bħala riżultat tar-rieżami annwali tiegħu ta’ dawn il-listi, li jħalli mhux mibdula l-lista ta’ swieq mhux regolati aċċettabbli għal assi eliġibbli bħala kollaterali għal operazzjonijiet ta’ politika monetarja tal-Eurosistema u l-lista ta’ emittenti kklassifikati bħala banek ta’ żvilupp multilaterali jew organizzazzjonijiet internazzjonali. Fir-rigward tal-lista ta’ emittenti kklassifikati bħala aġenziji fil-kategorija tal-haircut tal-kategorija II, bħala riżultat tad-deċiżjoni tiegħu dwar l-armonizzazzjoni tal-kunċetti ta’ aġenzija, il-Kunsill Governattiv ikkunsidra li l-ebda tibdil f'din il-lista ma kien meħtieġ. Il-listi kollha huma disponibbli fuq il-websajt tal-BĊE.

Infrastruttura tas-swieq u ħlasijiet

Rapport fuq il-ħlasijiet bil-kards fl-Ewropa

Fit-22 ta’ Marzu 2019 il-Kunsill Governattiv ħa nota ta’ rapport, intitolat “Card payment in Europe - current landscape and future prospects: the Eurosystem perspective” [Ħlas bil-kard fl-Ewropa - il-pajsaġġ kurrenti u prospetti futuri: il-perspettiva tal-Eurosistema], u approva l-pubblikazzjoni tiegħu fuq il-websajt tal-BĊE. Ir-rapport jippreżenta l-analiżi tal-Eurosistema tal-istat attwali tal-ħlasijiet bil-kard fl-Ewropa u jenfasizza l-fatt li, minkejja bidliet leġiżlattivi u żviluppi teknoloġiċi sostanzjali li fasslu s-sura tal-ambjent għall-ħlasijiet bil-kard, għadha ma hijiex realtà żona Ewropea ta’ ħlas bil-kard armonizzata, kompetittiva u innovattiva. Ir-rapport jippreżenta l-opinjonijiet tal-Eurosistema dwar x’jista’ jsir f’dak ir-rigward.

Opinjonijiet dwar il-leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE fuq tibdil għall-istruttura ta’ governanza tan-Nationale Bank van België/Banque Nationale de Belgique

Fis-26 ta’ Marzu 2019 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2019/12 wara talba tal-Ministru tal-Finanzi tal-Belġju.

Opinjoni tal-BĊE dwar rimedju ġudizzjarju mogħti lil ex-detenturi ta’ kreditu bankarju kwalifikat fis-Slovenja

Fis-27 ta’ Marzu 2019 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2019/13 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tas-Slovenja.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-ħtieġa tal-kunsens ta’ min jissellef għal trasferimenti ta’ self garantit b'ipoteki fuq proprjetà residenzjali fl-Irlanda

Fid-29 ta’ Marzu 2019 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2019/14 wara talba tal-President tal-Kumitat Konġunt għall-Finanzi, Nefqa Pubblika u Riformi tal-Parlament Nazzjonali Irlandiż (Oireachtas) u l-Prim Ministru (Taoiseach).

Governanza korporattiva

Ħatra tal-Viċi President tal-Bord Superviżorju tal-BĊE

Fid-9 ta’ April 2019 il-Kunsill Governattiv ippropona l-ħatra ta’ Yves Mersch, membru tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE, bħala Viċi President tal-Bord Superviżorju tal-BĊE. Stqarrija għall-istampa relatata hija disponibbli fuq il-websajt tal-BĊE.

Avviż ta’ pożizzjoni vakanti għall-għażla ta’ rappreżentanti tal-BĊE għall-Bord Superviżorju

Fid-9 ta’ April 2019 il-Kunsill Governattiv approva l-avviż ta’ post vakanti għall-għażla ta’ sa tliet rappreżentanti tal-BĊE għall-Bord Superviżorju. Skont id-Deċiżjoni BĊE/ 2014/4 dwar il-ħatra ta’ rappreżentanti tal-Bank Ċentrali Ewropew fil-Bord Superviżorju, ir-rappreżentanti tal-BĊE maħtura għall-Bord Superviżorju se jintgħażlu minn fost kandidati ta’ pożizzjoni u esperjenza rikonoxxuti fi kwistjonijiet bankarji u finanzjarji. L-avviż ta’ pożizzjoni vakanti se jkun ippubblikat dalwaqt fuq il-websajt tal-BĊE, bi skadenza ta’ erba’ ġimgħat għall-applikazzjonijiet.

Superviżjoni bankarja

Pubblikazzjoni tal-ktejjeb SREP 2018

Fl-1 ta’ April 2019 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta tal-Bord Superviżorju li jippubblika l-eżitu aggregat tal-Proċess ta’ Rieżami Superviżorju u ta’ Valutazzjoni tiegħu (SREP). Il-ktejjeb jinkludi ħarsa ġenerali lejn l-eżiti tas-SREP 2018 f’termini ta’ punti SREP aggregati meta mqabbla maċ-ċiklu tal-2017, ħarsa ġenerali aggregata tad-domanda tas-CET1 u karatteristiċi addizzjonali relatati mal-miżuri SREP. Barra minn hekk, simili għal pubblikazzjonijiet fis-snin preċedenti, il-ktejjeb SREP 2018 fih ħarsa ġenerali tal-bażi legali tad-deċiżjonijiet SREP u ħarsa ġenerali tal-metodoloġija li fuqha hija bbażata l-valutazzjoni SREP. Il-ktejjeb, flimkien ma’ stqarrija għall-istampa relatata, huwa disponibbli fil-websajt tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.

Tnedija ta’ konsultazzjoni pubblika dwar il-bidliet proposti għall-Qafas ta' Tariffi Superviżorji tal-BĊE

Fl-4 ta’ April 2014 il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li jiftaħ konsultazzjoni pubblika dwar tibdil għall-Qafas tat-Tariffi Superviżorji tal-BĊE. F’dak il-kuntest, il-Kunsill Governattiv approva d-dokumentazzjoni li fuqha qed titnieda l-konsultazzjoni pubblika, jiġifieri abbozz ta’ Regolament li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1163/2014 dwar it-tariffi superviżorji u d-dokument ta’ konsultazzjoni. Il-Kunsill Governattiv iddeċieda wkoll li jippubblika l-kummenti irċevuti fil-kuntest tal-ewwel konsultazzjoni pubblika li saret fl-2017 dwar dan is-suġġett. Id-dokumenti huma disponibbi fil-websajt tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.

  1. [1]Linja Gwida (UE) 2015/510 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta’ Diċembru 2014 dwar l-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema (Linja Gwida tad-Dokumentazzjoni Ġenerali) (BĊE/2014/60)
KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja