Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (minbarra d-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Frar 2019

Operazzjonijiet tas-suq

Rappurtar tat-TLTRO-II tat-trattament ta’ ċerti tranżazzjonijiet li jinvolvu konverżjonijiet ta’ dejn għall-ekwità

Il-Kunsill Governattiv iddeċieda dwar it-trattament ta’ rappurtar, li huwa rilevanti fil-kuntest tal-kalkoli tar-rata ta' imgħax TLTRO-II, ta’ ċerti tranżazzjonijiet imwettqa minn parteċipant TLTRO-II fl-2017. It-tranżazzjonijiet kienu jinvolvu konverżjonijiet ta’ dejn għal ekwità li bihom self mogħti mill-parteċipant TLTRO-II lil korporazzjonijiet mhux finanzjarji (NFCs) ġew sostitwiti b'ekwità miżmuma minn dak il-parteċipant TLTRO-II f'dawn l-NFCs. L-ammont ta’ fondi pprovduti mill-parteċipant TLTRO-II għall-ekonomija reali ma kienx imnaqqas bħala riżultat ta' dawn it-tranżazzjonijiet. Il-Kunsill Governattiv iddeċieda li t-tranżazzjonijiet għandhom jiġu rrapportati bħala riklassifikazzjoni aktar milli ħlas lura tas-self lil NFCs. Id-Deċiżjoni (UE) 2016/810 (BĊE/2016/10) ma kinitx ipprevedet dan it-tip ta’ sitwazzjoni. Il-Kunsill Governattiv iddeċieda wkoll li l-istess trattament jista’ jkun applikat għal parteċipanti TLTRO-II oħra li wettqu tranżazzjonijiet bħal dawn.

Infrastruttura tas-swieq u ħlasijiet

Deċiżjoni dwar il-Bord għall-Infrastruttura tas-Suq u tħassir tad-Deċiżjoni dwar l-istabbiliment tal-Bord tat-Titoli TARGET2

Fil-25 ta’ Jannar 2019 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2019/3 dwar il-Bord tal-Infrastruttura tas-Suq u jħassar id-Deċiżjoni BĊE/2012/6 dwar l-istabbiliment tal-Bord TARGET2-Titoli (T2S). Dan l-att legali jsegwi reviżjoni tal-operazzjoni tal-Bord tal-Infrastruttura tas-Suq (MIB). Ir-reviżjoni kkonkludiet li l-ebda formati dedikati, bħall-Bord T2S, ma kienu meħtieġa għall-funzjonament effiċjenti tal-MIB. Id-Deċiżjoni l-ġdida għalhekk tissimplifika l-funzjonament tal-MIB bħala korp ta’ governanza tal-Eurosistema responsabbli għall-kompiti ta' ġestjoni teknika u operattiva fil-qasam tal-infrastruttura tas-suq u l-pjattaformi. Id-Deċiżjoni tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Opinjonijiet dwar leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar ir-remunerazzjoni għall-eżekuttivi u maniġment għoli fil-Narodowy Bank Polski

Fit-30 ta’ Jannar 2019 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2019/3 fuq talba tas-Sejm Pollakka (Parlament).

Opinjoni tal-BĊE dwar limitazzjonijiet fuq ħlasijiet fi flus kontanti fi Spanja

Fl-1 ta’ Frar 2019 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2019/4 wara talba minn Banco de España, f’isem is-Segretarju tal-Istat għall-Finanza ta’ Spanja.

Opinjoni tal-BĊE fuq il-projbizzjoni tal-użu ta’ karti tal-euro ta’ denominazzjoni ta’ 500 euro u fuq ċertu emendi għal liġijiet dwar il-ħasil tal-flus fid-Danimarka

Fl-12 ta' Frar 2019 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2019/5 wara talba tal-Finanstilsynet (Awtorità Daniża tas-Superviżjoni Finanzjarja).

Opinjoni tal-BĊE fuq proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim fuq il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika

Fil-13 ta' Frar 2019 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2019/6 wara talba mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-liċenzjar u s-superviżjoni ta’ fornituri ta’ mikrokreditu fil-Greċja

Fil-15 ta’ Frar 2019 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2019/7 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi Grieg.

Governanza korporattiva

Rakkomandazzjoni tal-BĊE lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni tal-Banque de France

Fil-14 ta' Frar 2019 il-Kunsill Governattiv adotta r-Rakkomandazzjoni BĊE/2019/6 lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni tal-Banque centrale du Luxembourg. Ir-Rakkomandazzjoni ser tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fil-websajt tal-BĊE.

Kontijiet Annwali tal-BĊE 2018

Fl-20 ta’ Frar 2019 il-Kunsill Governattiv approva r-rendikonti finanzjarji vverifikati tal-BĊE għas-sena finanzjarja 2018. Il-Kontijiet Annwali, flimkien ma’ stqarrija għall-istampa relatata, ġew ppubblikati fil-websajt tal-BĊE fl-21 ta’ Frar 2017. Ir-rapport amministrattiv għas-sena 2018 ġie pubblikat bħala parti mill-Kontijiet Annwali tal-BĊE.

Sħubija tal-Kumitat tal-Etika u tal-Kumitat tal-Verifika tal-BĊE

Fl-20 ta’ Frar 2019 il-Kunsill Governattiv ħatar mill-ġdid lis-sur Patrick Honohan għal mandat ieħor ta’ tliet snin bħala membru tal-Kumitat tal-Etika tal-BĊE u tal-Kumitat tal-Verifika tal-BĊE mill-1 ta’ April 2019.

Statistika

Ir-rispons tal-industrija dwar il-Qafas Integrat ta’ Rappurtar tas-SEBĊ (IReF) għar-rappurtar statistiku tal-banek

Fl-14 ta’ Frar 2019 il-Kunsill Governattiv approva l-pubblikazzjoni ta' rapport li jippreżenta r-riżultati ta’ kwestjonarju kwalitattiv ta' rendikont dwar is-SEBĊ IReF u emendi magħmula għalhekk fil-paġni web tal-BĊE relatati, b'mod partikolari dawk għad-Dizzjunarju ta’ Rappurtar Integrat tal-Banek u l-IReF. Ir-rapport, imħejji mill-Kumitat tal-Istatistika tas-SEBĊ, jipprovdi informazzjoni fattwali dwar ir-reazzjonijiet li waslu mill-industrija bankarja dwar kunsiderazzjonijiet ta’ livell għoli u mistoqsijiet tekniċi ta’ prijorità għolja li ġew mistoqsija fil-kwestjonarju. Ir-rapport jinsab fil-websajt tal-BĊE.

Presidenza tal-Kumitat tal-Istatistika

Fl-20 ta’ Frar 2019 il-Kunsill Governattiv ħatar lis-sinjura Silke Stapel-Weber, Direttur Ġenerali tal-Istatistika, bħala l-President tal-Kumitat tal-Istatistika tal-Eurosistema/SEBĊ. Il-ħatra hi b'effett immedjat u tispiċċa fil-31 ta' Diċembru 2019, biex taqbel mat-tmiem tal-mandati tal-presidenti l-oħrajn tal-kumitati Eurosistema/SEBĊ.

Superviżjoni bankarja

Deċiżjoni dwar id-delega tas-setgħa għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet dwar is-setgħat suuperviżorji mogħtija skont il-liġi nazzjonali.

Fil-31 ta’ Jannar 2019 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għall-proposta mill-Bord Superviżorju biex tiġi adottata d-Deċiżjoni BĊE/2019/4 dwar id-delega tas-setgħa għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet rigward is-setgħat superviżorji mogħtija skont il-liġi nazzjonali. Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-qafas li fih il-BĊE, bħala l-awtorità kompetenti, jista’ jiddelega l-awtorità tiegħu biex jadotta numru sostanzjali ta' deċiżjonijiet rigward setgħat superviżorji mogħtija taħt il-liġi nazzjonali mill-Kunsill Governattiv lil maniġers anzjani tal-BĊE bi ħsieb li jiffaċilita l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Id-Deċiżjoni se tiġi ppubblikata meta jasal iż-żmien fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjon Ewropea u fuq il-websajt tal-BĊE tas-superviżjoni bankarja.

Deċiżjonijiet tal-BĊE dwar is-sinjifikat ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu taħt superviżjoni

Fil-31 ta’ Jannar u d-19 ta’ Frar 2019 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposti tal-Bord Superviżorju biex ibiddel l-istatus tas-sinjifikat ta' ċerti istituzzjonijiet ta' kreditu taħt superviżjoni. Il-lista ta' entitajiet taħt superviżjoni tiġi aġġornata regolarment u tinsab fis-sit tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE. Issir ukoll reviżjoni annwali tas-sinjifikat ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u r-riżultat jiġi ppubblikat (ara l-istqarrija għall-istampa ppubblikata fil-websajt tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE fil-14 ta' Diċembru 2018).

Rapport dwar ir-riżultati aggregati tat-test tal-istress tal-2018

Fl-1 ta’ Frar 2019 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta tal-Bord Superviżorju li jippubblika rapport dwar ir-riżultati aggregati tat-test tal-istress fil-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku li sar fl-2018. Ir-rapport, flimkien ma’ stqarrija għall-istampa relatat, jinsab fil-websajt tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.

Il-metodoloġija u l-mudell għat-test tal-istress tal-likwidità tal-2019

Fil-5 ta’ Frar 2019 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għall-proposta mill-Bord Superviżorju biex jadotta l-metodoloġija u l-mudell għat-test tal-istress tal-likwidità li għandu jsir fl-2019. Iż-żewġ dokumenti, flimkien ma’ stqarrija għall-istampa relatata u preżentazzjoni ġenerali dwar l-analiżi tas-sensittività tar-riskju tal-likwidità previst bħala t-test ta' stress superviżorju għall-2019, huma disponibbli fuq il-websajt tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.

Konformità mal-Linji Gwida tal-ABE

Fil-15 ta’ Frar 2019 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għall-proposta mill-Bord Superviżorju biex jinnotifika lill-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE) bl-intenzjoni tal-BĊE li jikkonforma, fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta' kreditu sinifikanti taħt is-superviżjoni diretta tiegħu, mal-Linji Gwida tal-ABE dwar il-ġestjoni tar-riskju tar-rata tal-imgħax li jirriżulta minn attivitajiet ta’ kotba mhux tan-negozju (ABE/GL/2018/02), il-Linji Gwida tal-ABE dwar il-proċeduri u l-metodoloġiji komuni riveduti għar-reviżjoni superviżorja u l-proċess ta' evalwazzjoni u l-ittestjar tal-istress superviżorju (ABE/GL/2018/03), u l-Linji Gwida tal-ABE dwar l-ittestjar tal-istress tal-istituzzjonijiet (ABE/GL/2018/04).

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja