Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (minbarra d-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Jannar 2019

Infrastruttura tas-swieq u ħlasijiet

Deċiżjoni dwar l-għażla ta’ fornituri tas-servizzi ta’ Aċċess għall-Infrastruttura tas-Suq Uniku tal-Eurosistema

Fit-23 ta’ Jannar 2019 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2019/2 dwar l-għażla ta’ fornituri ta servizz ta’ netwerk tal-Eurosystem Single Market Infrastructure Gateway (ESMIG). Dan l-Att legali jistabbilixxi l-kundizzjonijiet tal-għażla u l-assenjament għall-għoti ta’ konċessjoni. Jagħti wkoll is-setgħa ta’ mandat lil Banca d’Italia biex tmexxi l-proċedura f’isem l-Eurosistema. Id-Deċiżjoni tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Opinjonijiet dwar leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar l-organizzazzjoni tal-funzjonament tar-reġistru ċentrali ta’ kontijiet bankarji u tranżazzjonijiet finanzjarji fil-Belġju

Fl-14 ta’ Diċembru 2018 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2018/57 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tal-Belġju.

Opinjoni tal-BĊE dwar għodod makroprudenzjali fi Spanja

Fil-21 ta’ Diċembru 2018 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2018/58 wara talba minn Banco de España, f’isem is-Segretarju tal-Istat għall-Ekonomija u s-Sostenn għan-Negozju ta’ Spanja.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-qafas legali għal bonds garantiti fl-Estonja

Fit-3 ta’ Jannar 2019 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2019/1 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tal-Estonja.

Opinjoni tal-BĊE dwar is-superviżjoni ta’ aġenziji referenzjali tal-kreditu mill-Bank Ċentrali ta’ Malta u s-sorveljanza tiegħu fir-rigward tas-servizzi tal-ħlas f’Malta

Fil-21 ta’ Jannar 2019 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2019/2 wara talba mill-Bank Ċentrali ta’ Malta.

Governanza korporattiva

Ftehim multilaterali dwar l-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-BĊE u l-awtoritajiet tal-Istati Membri taż-ŻEE kontra l-ħasil tal-flus

Fid-9 ta’ Jannar 2019 il-Kunsill Governattiv approva d-dħul tal-BĊE fi ftehim multilaterali dwar il-modalitajiet prattiċi għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-BĊE u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri taż-ŻEE fil-qasam tal-ħasil tal-flus u tal-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu (AML/CFT). Il-ftehim ġie ffirmat mill-BĊE fl-10 ta’ Jannar 2019 u se jiġi ppubblikat fil-websajt tal-BĊE.

Kodiċi ta' Kondotta Uniku għal uffiċjali ta’ grad għoli

Il-Kodiċi ta' Kondotta Uniku għal dawk kollha li jieħdu d-deċiżjonijiet u għall-uffiċjali ta’ grad għoli fil-BĊE, li ġie approvat mill-Kunsill Governattiv f’Diċembru 2018, daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2019. Il-kodiċi l-ġdid iqis il-karatteristiċi partikolari tal-BĊE bħala bank ċentrali, superviżur bankarju u istituzzjoni tal-UE. Din hi l-iżjed miżura reċenti meħuda mill-BĊE biex ikompli jsaħħaħ u jirfina l-oqfsa tal-governanza tajba u tal-integrità tiegħu u biex iwieġeb għal talbiet mill-Parlament Ewropew u rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman Ewropew. Il-Kodiċijiet tal-kondotta preċedenti għall-membri tal-Kunsill Governattiv, il-Bord Eżekuttiv u l-Bord Superviżorju ġew revokati. Il-Kodiċi tal-Kondotta għal uffiċjali ta’ grad għoli tal-BĊE ġie ppubblikat fil-websajt tal-BĊE fis-16 ta’ Jannar 2019.

Superviżjoni bankarja

Ħatra ta’ amministraturi temporanji

Fl-1 ta’ Jannar 2019 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta tal-Bord Superviżorju biex jaħtar tliet amministraturi temporanji u kumitat ta’ sorveljanza magħmul minn tliet membri biex jieħu ħsieb Banca Carige u jissostitwixxi l-Bord tad-Diretturi tiegħu.

Gwida għall-valutazzjoni ta’ applikazzjonijiet għal liċenzji

Fit-3 ta' Jannar 2019 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għall-proposta tal-Bord Superviżorju biex jippubblika Gwida konsolidata għal valutazzjonijiet ta' applikazzjonijiet għal liċenzji. Il-Gwida tinsab fil-websajt tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.

Rakkomandazzjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew dwar politiki għad-distribuzzjoni ta’ dividendi

Fis-7 ta’ Jannar 2019 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għall-proposta tal-Bord Superviżorju li jadotta r-Rakkomandazzjoni BĊE/2019/1 dwar politiki għad-distribuzzjoni ta' dividendi. Ir-Rakkomandazzjoni tinsab fil-websajt tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja