Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (barra d-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)
Jannar 2018
Opinjonijiet dwar leġiżlazzjoni
Opinjoni tal-BĊE dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika Ewropea tan-negozju li jemenda r-Regolament (KE) Nru 184/2005 u li jħassar 10 atti legali fil-qasam tal-istatistika tan-negozju
Fit-2 ta' Jannar 2018 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2018/1 wara talba mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Opinjoni tal-BĊE dwar swieq ta' strumenti finanzjarji fil-Greċja
Fid-9 ta’ Jannar 2018 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2018/2 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tal-Greċja.
Opinjoni tal-BĊE dwar swieq ta' strumenti finanzjarji fis-Slovenja
Fil-11 ta’ Jannar 2018 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2018/3 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tas-Slovenja.
Governanza korporattiva
Rakkomandazzjoni tal-BĊE lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni tal-Bank Ċentrali Ewropew
Fil-15 ta' Diċembru 2017 il-Kunsill Governattiv adotta r-Rakkomandazzjoni BĊE/2017/42 lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni tal-Bank Ċentrali Ewropew. Ir-Rakkomandazzjoni ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fil-websajt tal-BĊE.
Rakkomandazzjoni tal-BĊE lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni tal-Bank Ċentrali ta’ Ċipru
Fid-19 ta’ Diċembru 2017 il-Kunsill Governattiv adotta r-Rakkomandazzjoni BĊE/2017/43 lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni tal-Bank Ċentrali ta’ Ċipru. Ir-Rakkomandazzjoni ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fil-websajt tal-BĊE.
Presidenza tal-Kumitat għall-Kontroll
Fid-9 ta' Jannar 2018 il-Kunsill Governattiv ħatar lis-Sur Denis Beau, Deputat Gvernatur tal-Banque de France, bħala l-President tal-Kumitat tal-Eurosistema/SEBĊ għall-Kontroll (COMCO). Il-ħatra hi b'effett immedjat u tispiċċa fil-31 ta' Diċembru 2019, biex taqbel mat-tmiem tal-mandati tal-presidenti l-oħrajn tal-kumitati Eurosistema/SEBĊ.
Presidenza tal-Kumitat għall-Istabbiltà Finanzjarja
Fil-25 ta' Jannar 2018 il-Kunsill Governattiv ħatar lis-Sur Sergio Nicoletti Altimari, Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali tal-BĊE għall-Politika Makroprudenzjali u l-Istabbiltà Finanzjarja, bħala President tal-Kumitat tal-Eurosistema/SEBĊ għall-Istabbiltà Finanzjarja (FSC). Il-ħatra hi b'effett mill-1 ta' Frar 2018 sal-31 ta' Diċembru 2019, biex taqbel mat-tmiem tal-mandati tal-presidenti l-oħrajn tal-kumitati tal-Eurosistema/SEBĊ.
Presidenza tal-Kumitat tal-Awdituri Interni
Fil-25 ta' Jannar 2018 il-Kunsill Governattiv ħatar lis-Sinjura Claudia Mann, Direttur maħtur tad-Direttorat tal-BĊE għall-Verifika Interna mill-1 ta' Marzu 2018, bħala President tal-Kumitat tal-Awdituri Interni tal-Eurosistema/SEBĊ (IAC) minn dik id-data. Il-ħatra hi sal-31 ta' Diċembru 2019, biex taqbel mat-tmiem tal-mandati tal-presidenti l-oħrajn tal-kumitati tal-Eurosistema/SEBĊ.
Superviżjoni bankarja
Konformità mal-Linji Gwida ABE dwar is-superviżjoni ta' istituzzjonijiet sinifikanti
Fis-27 ta' Diċembru 2017 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta tal-Bord Superviżorju li jinnotifika lill-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE) li, fir-rigward ta' istituzzjonijiet sinifikanti taħt is-superviżjoni diretta tiegħu, il-BĊE se jikkonforma sal-1 ta' Jannar 2021 mal-Linji Gwida ABE dwar l-applikazzjoni tad-definizzjoni ta' inadempjenza skont l-Artikolu 178 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 (ABE/GL/2016/07). Dawn il-Linji Gwida, li se japplikaw minn dik id-data, huma maħsuba biex jarmonizzaw l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar skoperturi inadempjenti tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 fil-qafas prudenzjali Ewropew kollu.
Rakkomandazzjoni tal-BĊE dwar il-politika tat-tqassim ta' dividendi
Fit-28 ta’ Diċembru 2017 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta tal-Bord Superviżorju li jadotta r-Rakkomandazzjoni BĊE/2017/44 dwar il-politika tat-tqassim ta' dividendi. Ir-Rakkomandazzjoni, li hi disponibbli fil-websajt tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE, hi indirizzata lil entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni u gruppi sinifikanti taħt superviżjoni, kif ukoll lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali u awtoritajiet nominati li huma mistennija japplikawha għal entitajiet inqas sinifikanti taħt superviżjoni u gruppi inqas sinifikanti taħt superviżjoni, kif meqjus xieraq.
Programm ta’ Eżami Superviżorju ta' spezzjonijiet fuq il-post u investigazzjonijiet ta' mudelli interni għall-2018
Fit-2 ta' Jannar 2018 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta tal-Bord Superviżorju li japprova aġġustamenti għall-Programm ta’ Eżami Superviżorju 2018 (SEP) ta' spezzjonijiet fuq il-post (OSIs) u investigazzjonijiet ta' mudelli interni (IMIs) għal istituzzjonijiet sinifikanti fi ħdan l-MSU.
Konformità mal-Linji Gwida ABE dwar il-valutazzjoni tar-riskju ICT skont il-Proċess Superviżorju ta' Rieżami u Evalwazzjoni (SREP)
Fl-4 ta' Jannar 2018 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta tal-Bord Superviżorju li jinnotifika lill-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE) li, fir-rigward ta' istituzzjonijiet ta' kreditu sinifikanti taħt is-superviżjoni tiegħu, il-BĊE bi ħsiebu jikkonforma mal-Linji Gwida ABE dwar il-valutazzjoni tar-riskju tat-teknoloġija tal-informatika u l-komunikazzjoni (ICT) skont il-Proċess Superviżorju ta' Rieżami u Evalwazzjoni (SREP) minn Jannar 2018 (ABE/GL/2017/05).
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja