Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (barra d-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Diċembru 2017

Operazzjonijiet tas-suq

Eliġibbiltà ta' bonds bankarji mhux garantiti

Fit-13 ta’ Diċembru 2017 il-Kunsill Governattiv iddeċieda dwar bidliet fil-kriterji tal-eliġibbiltà tal-kollateral applikabbli għal bonds bankarji mhux garantiti, i.e. strumenti tad-dejn mhux garantiti maħruġin minn istituzzjonijiet ta’ kreditu, ditti tal-investiment jew minn entitajiet marbutin mill-qrib magħhom. Stqarrija għall-istampa li tipprovdi informazzjoni aktar dettaljata dwar il-kriterji emendati, li se jidħlu fis-seħħ mad-dħul fis-seħħ tal-aġġornament regolari tad-Dokumentazzjoni Ġenerali (mistenni fl-ewwel trimestru tal-2018) tinsab fis-sit elettroniku tal-BĊE.

Infrastruttura tas-suq u pagamenti

Tnedija ta' żewġ proġetti kbar fil-qasam tal-pagamenti ta' ammonti kbar u tal-ġestjoni tal-kollateral

Fis-6 ta' Diċembru 2017 il-Kunsill Governattiv approva t-tnedija ta' żewġ proġetti kbar fil-qasam tal-infrastruttura tas-suq u l-pagamenti li hu mistenni li jkunu operazzjonali f'Novembru 2021 u f'Novembru 2022, rispettivament. L-ewwel proġett se jikkonsolida s-sistema tal-Eurosistema ta’ saldu gross f'ħin reali TARGET2 u l-pjattaforma għas-saldu ta' titoli TARGET2-Securities (T2S) u se jipprovdi lill-parteċipanti tas-suq proċeduri mtejba għall-ġestjoni tal-likwidità. It-tieni proġett se jiżviluppa Sistema tal-Eurosistema għall-Ġestjoni tal-Kollateral, li se tipprovdi pjattaforma armonizzata għall-operazzjonijiet tal-kollateral fl-Eurosistema kollha u se jissostitwixxi għadd ta' funzjonijiet ta' sistemi nazzjonali eżistenti. Stqarrija għall-istampa relatata tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Rendikonti finanzjarji T2S għall-2016

Fis-7 ta' Diċembru 2017 il-Kunsill Governattiv approva r-rendikonti finanzjarji T2S annwali għall-2016 u l-pubblikazzjoni tagħhom fil-websajt tal-BĊE. Din il-pubblikazzjoni annwali, li nbdiet fuq inizjattiva tal-Bord tal-Infrastruttura tas-Swieq (MIB) bir-rendikonti finanzjarji annwali għall-2015, tipprovdi informazzjoni dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tat-T2S minn sena għall-oħra.

Opinjonijiet dwar leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar provvedimenti għall-pagi u l-pensjonijiet fl-Irlanda

Fl-24 ta’ Novembru 2017 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2017/49 wara talba tal-Ministru għan-Nefqa Pubblika u r-Riformi tal-Irlanda.

Opinjoni tal-BĊE dwar tranżazzjonijiet ma' partijiet relatati fil-Bulgarija

Fis-27 ta' Novembru 2017 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2017/50 wara talba ta' Българска народна банка (Bank Nazzjonali tal-Bulgarija).

Opinjoni tal-BĊE dwar emendi fil-qafas deċiżjonali ta' Българска народна банка (Bank Nazzjonali tal-Bulgarija)

Fis-27 ta’ Novembru 2017 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2017/51 wara talba mill-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika tal-Bulgarija.

Opinjoni tal-BĊE dwar rati referenzjali għal strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji fil-Bulgarija

Fid-29 ta' Novembru 2017 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2017/52 wara talba ta' Българска народна банка (Bank Nazzjonali tal-Bulgarija).

Opinjoni tal-BĊE dwar il-konferiment lil Lietuvos bankas tal-funzjoni ta' aġenzija fiskali tal-Fond Monetarju Internazzjonali

Fl-1 ta' Diċembru 2017 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2017/53 wara talba ta' Lietuvos bankas.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-limitazzjoni tal-għadd ta' għaqdiet ċentrali ta’ kreditu fil-Litwanja

Fl-4 ta' Diċembru 2017 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2017/54 wara talba tal-Parlament tal-Litwanja.

Statistika

Konsultazzjoni pubblika dwar rata ġdida tal-imgħax tal-euro overnight mhux garantita

Fit-22 ta' Novembru 2017 il-Kunsill Governattiv approva t-tnedija ta' konsultazzjoni pubblika dwar il-karatteristiċi ta' livell għoli ta' rata ġdida tal-imgħax tal-euro overnight mhux garantita. Permezz tal-konsultazzjoni li se tkun miftuħa sat-12 ta' Jannar 2018, il-BĊE għandu l-għan li jiġbor il-fehmiet tal-partijiet tal-partijiet interessati dwar il-karatteristiċi ewlenin tar-rata u meta għandha tiġi pubblikata. Id-dokumentazzjoni tal-konsultazzjoni pubblika tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Linja Gwida dwar il-proċeduri għall-ġbir ta' dejta tal-kreditu granulari u tar-riskju tal-kreditu

Fis-27 ta' Novembru 2017 il-Kunsill Governattiv adotta l-Linja Gwida BĊE/2017/38 dwar il-proċeduri għall-ġbir ta' mikrodejta dwar il-kreditu u r-riskju tal-kreditu (“Anacredit”). Dan l-att legali jfassal il-proċeduri li jsostnu l-ġbir ta' din id-dejta maħsuba biex tistabbilixxi dejtabejż komuni ta' kreditu analitiku granulari, li jkun jinkludi dejta tal-kreditu mill-Istati Membri kollha li l-munita tagħhom hi l-euro. AnaCredit se jsostni lill-Eurosistema, lis-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u lill-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku fit-twettiq tal-kompiti tagħhom, inkluża l-analiżi tal-politika monetarja u l-operazzjonijiet tal-politika monetarja, il-ġestjoni tar-riskji, is-sorveljanza tal-istabbiltà finanzjarja kif ukoll il-politika u r-riċerka makroprudenzjali, u s-superviżjoni bankarja. Il-Linja Gwida tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Ħruġ ta’ karti tal-flus u muniti

Atti legali relatati mal-approvazzjoni tal-volum tal-ħruġ ta' muniti

Fit-8 ta’ Diċembru 2017 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2017/39 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2016/2164 dwar l-approvazzjoni tal-volum ta' ħruġ ta’ muniti fl-2017 u d-Deċiżjoni BĊE/2017/40 dwar l-approvazzjoni tal-volum ta' ħruġ ta’ muniti fl-2018. Barra dan, il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2017/41 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2015/2332 dwar il-qafas proċedurali għall-approvazzjoni tal-volum ta' ħruġ ta’ muniti tal-euro. Biex tissimplifika l-proċedura tal-approvazzjoni, id-Deċiżjoni BĊE/2017/41 tipprovdi għad-delega ta' approvazzjonijiet futuri tal-volum tal-ħruġ ta’ muniti mill-Istati Membri lill-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew.

Superviżjoni bankarja

Gwida tal-BĊE dwar metodoloġija tal-evalwazzjoni (EGAM) għall-Metodu tal-Mudell Intern (IMM) u l-imposta tal-kapital CVA Avvanzata (A-CVA) għar-riskju tal-kreditu tal-kontroparti

Fit-30 ta' Novembru 2017 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta tal-Bord Superviżorju biex jippubblika Gwida tal-BĊE dwar metodoloġija tal-evalwazzjoni (EGAM) għall-Metodu tal-Mudell Intern (IMM) u l-imposta tal-kapital CVA Avvanzata (A-CVA) għar-riskju tal-kreditu tal-kontroparti. Il-pubblikazzjoni tal-EGAM, li dwarha hi ppjanata konsultazzjoni pubblika għall-2018, hi maħsuba biex tiġbor il-kummenti tas-settur. Il-Gwida tinsab fil-websajt tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.

Deċiżjonijiet tal-BĊE dwar is-sinifikat ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu taħt superviżjoni

Fis-6 ta' Diċembru 2017 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta tal-Bord Superviżorju biex ibiddel l-istatus tas-sinifikat ta' ċerti istituzzjonijiet ta' kreditu taħt superviżjoni. Il-lista ta' entitajiet taħt superviżjoni tiġi aġġornata regolarment u tinsab fis-sit tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE. Issir ukoll reviżjoni annwali tas-sinifikat ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u r-riżultat jiġi ppubblikat (ara l-istqarrija għall-istampa ppubblikata fil-websajt tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE fil-5 ta' Diċembru 2017).

Prijoritajiet tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku għall-2018

Fit-13 ta' Diċembru 2017 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta tal-Bord Superviżorju fir-rigward tal-prijoritajiet għas-superviżjoni bankarja fl-2018. Sommarju tal-prijoritajiet se jkun disponibbli dalwaqt fil-websajt tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.

Kuntatti midja