Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (barra d-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Lulju 2017

Operazzjonijiet tas-suq

Atti legali dwar l-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema

Fit-22 ta' Marzu l-Kunsill Governattiv iddeċieda li jneħħi l-eliġibbiltà ta' entitajiet fi proċess ta’ stralċ bħala kontropartijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema. Il-Kunsill Governattiv iddeċieda wkoll li entità fi proċess ta’ stralċ li kienet aċċettata bħala kontroparti eliġibbli fit-22 ta' Marzu 2017 kellha tibqa' eliġibbli sal-31 ta' Diċembru 2021, bil-kundizzjoni li l-aċċess tagħha għall-operazzjonijiet ta' kreditu tal-Eurosistema jkun limitat fil-livell medju tar-rikors tagħha għas-self tal-Eurosistema tul il-perjodu ta' 12-il xahar li jippreċedi t-22 ta' Marzu 2017. Barra dan, fir-rigward tal-programm estiż tax-xiri ta’ assi, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jeskludi t-titoli kollha maħruġa jew li joriġinaw minn entitajiet fi proċess ta’ stralċ, minn kull xiri ulterjuri fil-programmi kostitwenti kollha. L-atti legali rilevanti ġew ippubblikati llum fil-websajt tal-BĊE.

Stabbiltà finanzjarja

Reazzjoni tal-BĊE għas-segwitu tar-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2

Fit-18 ta' Lulju 2017 il-Kunsill Governattiv approva r-reazzjoni tal-BĊE għall-valutazzjoni tal-BERS dwar il-konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-BERS relatata mal-effetti transkonfinali u r-reċiproċità volontarja tal-miżuri tal-politika makroprudenzjali (BERS/2015/2). Ir-rakkomandazzjoni hi indirizzata lill-awtoritajiet rilevanti fdati bl-adozzjoni u/jew l-attivazzjoni ta' miżuri tal-politika makroprudenzjali. Il-BĊE jqis li hu konformi għalkollox mas-sottorakkomandazzjonijiet applikabbli għalih.

Infrastruttura tas-swieq u ħlasijiet

Rakkomandazzjoni tal-BĊE għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda l-Artikolu 22 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew

Fit-22 ta' Ġunju, il-Kunsill Governattiv adotta r-Rakkomandazzjoni BĊE/2017/18 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jemendaw l-Artikolu 22 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew biex il-BĊE jingħata kompetenza regolatorja fuq is-sistemi tal-ikklerjar, b'mod partikolari l-kontropartijiet ċentrali. Ir-Rakkomandazzjoni ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u hi disponibbli fil-websajt tal-BĊE.

Opinjonijiet fuq leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar limitazzjoni ta' pagamenti bil-flus kontanti fil-Bulgarija

Fil-11 ta’ Lulju 2017 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2017/27 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tal-Bulgarija.

Statistika

Tnedija ta' konsultazzjoni pubblika dwar abbozz ta’ Regolament tal-BĊE dwar rekwiżiti ta' rapportar statistiku għal fondi ta' pensjonijiet

Fl-20 ta' Lulju il-Kunsill Governattiv awtorizza t-tnedija ta’ konsultazzjoni pubblika dwar abbozz ta’ Regolament tal-BĊE dwar rekwiżiti ta' rapportar statistiku għal fondi ta' pensjonijiet. L-għan tal-abbozz tar-Regolament hu li jipprovdi lill-BĊE l-istatistika adegwata dwar l-attivitajiet finanzjarji tas-subsettur tal-fondi tal-pensjoni fl-Istati Membri taż-żona tal-euro. Id-dokumentazzjoni soġġetta għall-konsultazzjoni pubblika se tkun disponibbli dalwaqt fil-websajt tal-BĊE.

Deċiżjoni tal-BĊE dwar id-delega ta' deċiżjonijiet fir-rigward tat-trażmissjoni ta' informazzjoni statistika kunfidenzjali lill-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni

Fil-5 ta' Lulju 2017 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2017/22, li tiddelega deċiżjonijiet fir-rigward tat-trażmissjoni ta' informazzjoni statistika kunfidenzjali lill-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni, lill-Bord Eżekuttiv.

Superviżjoni bankarja

Konformità mal-Linji Gwida tal-ABE dwar ishma kwalifikanti

Fis-7 ta' Lulju 2017 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għall-proposta tal-Bord Superviżorju li jinnotifika lill-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE) li l-BĊE jikkonforma mal-Linji Gwida Konġunti dwar il-valutazzjoni prudenzjali ta' akkwisti u żidiet ta' ishma kwalifikanti fis-settur finanzjarju (JC/GL/2016/01).

Konformità mal-Linji Gwida tal-ABE dwar indikaturi ta' importanza sistemika globali

Fis-6 ta' Lulju 2017 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għall-proposta tal-Bord Superviżorju li jinnotifika lill-ABE dwar l-intenzjoni li jikkonforma mal-linji gwida riveduti fir-rigward ta' aktar speċifikazzjoni tal-indikaturi ta' importanza sistemika globali u d-divulgazzjoni tagħhom (EBA/GL/2016/01).

Kuntatti midja