Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (żieda mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Ġunju 2016

Operazzjonijiet tas-suq

Bidu effettiv u speċifikazzjonijiet finali tal-programm ta’ xiri mis-settur korporattiv (CSPP)

Fit-2 ta’ Ġunju 2016 il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li l-akkwisti fil-programm ta’ xiri mis-settur korporattiv (CSPP) kellhom jibdew fit-8 ta’ Ġunju 2016 u approva l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li kien fadal. B’mod partikolari, il-Kunsill Governattiv iċċara xi aspetti relatati mal-eliġibbiltà tal-emittenti u alloka emittenti eliġibbli li huma impriżi pubbliċi jew lill-programm ta’ xiri mis-settur pubbliku jew lis-CSPP. Tagħrif ieħor jinsab fi stqarrija għall-istampa li ħarġet fl-istess jum fil-websajt tal-BĊE flimkien mad-Deċiżjoni BĊE/2016/16 dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta’ xiri mis-settur korporattiv, li wkoll tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Tibdil fl-eliġibbiltà ta’ strumenti tad-dejn negozjabbli maħruġin jew iggarantiti mir-Repubblika Ellenika

Fit-22 ta’ Ġunju 2016 il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li jerġa’ jdaħħal il-waiver (rinunzja) li tolqot strumenti tad-dejn negozjabbli maħruġin jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika Ellenika li tissospendi l-applikazzjoni tal-limitu minimu tal-klassifikazzjoni tal-kreditu fir-rekwiżiti tal-eliġibbiltà tal-kollateral ta’ dawn l-istrumenti, suġġett għall-applikazzjoni tal-haircuts speċifikati fl-att legali implimentattiv (BĊE/2016/18). Id-deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv, li ddawwar dik li kien ħa fl-4 ta’ Frar 2015, tqis l-approvazzjoni tal-iżburżar tat-tieni parti tal-programm mill-Bord tad-Diretturi tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES), wara l-evalwazzjoni pożittiva tal-Kummissjoni Ewropea, flimkien mal-BĊE, tal-pakkett tal-politika fl-ewwel rieżami tal-programm attwali tal-MES għall-Greċja. Id-Deċiżjoni BĊE/2016/18 dwar l-eliġibbiltà ta’ strumenti ta’ dejn negozjabbli maħruġin jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika Ellenika u li tħassar id-Deċiżjoni (UE) 2015/300 tinsab fil-websajt tal-BĊE flimkien ma’ stqarrija għall-istampa fuqha.

Sistemi ta’ ħlas u infrastruttura tas-swieq

Armonizzazzjoni tar-reġim ta’ remunerazzjoni għall-fondi ta’ garanzija miżmumin mal-Eurosistema

Fid-9 ta’ Ġunju 2016 il-Kunsill Governattiv approva l-armonizzazzjoni tar-remunerazzjoni tal-fondi ta’ garanzija ta’ sistemi ta’ ħlas sistemikament importanti (SIPS) miżmumin mal-Eurosistema bir-rata tal-imgħax li tapplika għall-faċilità tad-depożitu. Ir-rata armonizzata tar-remunerazzjoni se tkun riflessa fil-ftehim bilaterali bejn operaturi tas-SIPS u l-banek ċentrali rispettitivi tal-Eurosistema malli dan ikun possibbli fil-prattika u fi żmien tliet xhur mill-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv, i.e. qabel l-24 ta’ Settembru 2016. Il-Kunsill Governattiv approva wkoll l-applikazzjoni tar-rata tal-imgħax fis-seħħ għall-faċilità tad-depożitu fir-rigward tal-fondi ta’ garanzija kollha tal-infrastrutturi tas-swieq finanzjarji miżmumin mal-Eurosistema.

Opinjonijiet dwar leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar regolament fuq mudell ta’ dejta integrat fl-Awstrija

Fid-19 ta’ Mejju 2016 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2016/29 wara talba minn Oesterreichische Nationalbank.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-verifika interna ta’ Българска народна банка (il-Bank Nazzjonali tal-Bulgarija)

Fit-3 ta’ Ġunju 2016 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2016/30 wara talba mill-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika tal-Bulgarija.

Opinjoni tal-BĊE dwar kreditu għall-konsumatur fis-Slovenja

Fit-8 ta’ Ġunju 2016 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2016/31 wara talba mill-Ministeru tal-Iżvilupp Ekonomiku u t-Teknoloġija tas-Slovenja.

Opinjoni tal-BĊE dwar it-tnaqqis tar-remunerazzjoni statutorja għal impjegati fis-settur pubbliku u semipubbliku

Fit-13 ta’ Ġunju 2016 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2016/32 wara talba tal-Ministru tal-Intern u r-Relazzjonijiet tar-Renju tal-Pajjiżi Baxxi.

Opinjoni tal-BĊE dwar emendi għal-Liġi fuq Hrvatska Narodna Banka (il-Bank Nazzjonali tal-Kroazja)

Fil-15 ta’ Ġunju 2016 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2016/33 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tar-Repubblika tal-Kroazja.

Karti tal-flus

Emendi għal-Linja Gwida BĊE/2008/8 dwar il-ġbir ta’ dejta fir-rigward tal-euro u l-operazzjoni tal-Currency Information System 2

Fis-26 ta’ Mejju 2016 il-Kunsill Governattiv adotta l-Linja Gwida BĊE/2016/15 li temenda l-Linja Gwida BĊE/2008/8 dwar il-ġbir ta’ dejta fir-rigward tal-euro u l-operazzjoni tal-Currency Information System 2 (is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Munita). L-emendi jirriflettu t-tibdil li għandu x’jaqsam mal-infrastruttura teknika, ir-rekwiżiti tas-sigurtà u l-ħtiġijiet ġodda tal-attività mill-aħħar emendi għal-Linja Gwida li saru fit-30 ta’ Ġunju 2011. Il-Linja Gwida se tidher fil-websajt tal-BĊE.

Kuntatti midja