Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (żieda mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)
Novembru 2015
Operazzjonijiet tas-suq
Implimentazzjoni taż-żieda fil-limitu tal-ħruġ ta’ ishma għall-akkwist ta’ assi fil-programm ta’ xiri ta’ assi mis-settur pubbliku
Fil-5 ta’ Novembru 2015 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2015/33 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2015/774 dwar programm ta’ xiri ta’ assi ta’ swieq sekondarji mis-settur pubbliku, li tagħti saħħa legali lid-deċiżjoni li ttieħdet mill-Kunsill Governattiv fit-3 ta’ Settembru 2015 li jżid il-limitu tal-ħruġ ta’ ishma fil-PSPP minn 25% għal 33% għal kull numru tal-identifikazzjoni ta’ titoli internazzjonali. Id-Deċiżjoni tiċċara li l-limitu tal-ħruġ ta’ ishma ġie stabbilit għal 33% għal kull bond, ħlief fil-każ ta’ ċerti bonds bi klawsola ta’ azzjoni kollettiva ( collective action clause – CAC) li tkun differenti mill-CAC tal-mudell taż-żona tal-euro, u li għalihom hemm maħsuba verifika skont kull każ individwali. Id-deċiżjoni, li daħlet fis-seħħ fl-10 ta’ Novembru 2015, kif ukoll stqarrija għall-istampa dwarha, tinsab fil-websajt tal-BĊE.
Aġġornament tad-Dokumentazzjoni Ġenerali
Fit-18 ta’ Novembru 2015 il-Kunsill Governattiv adotta l-Linja Gwida BĊE/2015/34 li temenda l-Linja Gwida (UE) 2015/510 dwar l-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema (Linja Gwida dwar id-Dokumentazzjoni Ġenerali) u l-Linja Gwida BĊE/2015/35 dwar il- haircuts tal-valutazzjoni applikati fl-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema. Id-dispożizzjonijiet relatati mal- haircuts tal-valutazzjoni minn issa ’l quddiem se jkunu f’dan l-att legali separat, u dan jippermetti li l-implimentazzjoni ta’ emendi għall-qafas rilevanti tkun aktar sempliċi meta jiġu adottati d-deċiżjonijiet korrispondenti. Iż-żewġ Linji Gwida, flimkien ma’ stqarrija għall-istampa dwarhom, jinsabu fil-websajt tal-BĊE.
Stabbiltà u superviżjoni finanzjarja
Tweġiba tal-Eurosistema għall-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-impatt li jista’ jkollhom il-CRR u l-CRD IV fuq il-finanzjament bankarju tal-ekonomija
Fit-2 ta’ Novembru 2015 il-Kunsill Governattiv approva t-tweġiba tal-Eurosistema għall-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-impatt li jista’ jkollhom ir-Regolament dwar ir-Rekwiżiti tal-Kapital ( Capital Requirements Regulation – CRR) u d-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti tal-Kapital ( Capital Requirements Directive – CRD) IV fuq il-finanzjament bankarju tal-ekonomija, li wara ntbagħtet lill-Kummissjoni Ewropea. It-tweġiba tal-Eurosistema tinsab fil-websajt tal-BĊE.
Il-Financial Stability Review ta’ Novembru 2015
Fit-18 ta’ Novembru 2015 il-Kunsill Governattiv awtorizza l-pubblikazzjoni tal- Financial Stability Review (Analiżi dwar l-Istabbiltà Finanzjarja) ta’ Novembru 2015, li teżamina s-sorsi ewlenin tar-riskju u l-vulnerabbiltajiet għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja taż-żona tal-euro u tagħti analiżi komprensiva tal-kapaċità tas-sistema finanzjarja taż-żona tal-euro li tassorbi x-xokkijiet. Il-pubblikazzjoni għandha tidher fil-websajt tal-BĊE fis-26 ta’ Novembru 2015.
Opinjonijiet dwar leġiżlazzjoni
Opinjoni tal-BĊE dwar il-valutazzjoni preliminari ta’ kundizzjonijiet relatati mar-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment fl-Ungerija
Fit-23 ta’ Ottubru 2015 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2015/38 wara talba minn Magyar Nemzeti Bank.
Opinjoni tal-BĊE dwar proporzjonijiet ta’ riżervi fl-Ungerija
Fit-28 ta’ Ottubru 2015 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2015/39 wara talba minn Magyar Nemzeti Bank.
Opinjoni tal-BĊE dwar l-iskema ta’ garanzija tad-depożiti fl-Irlanda
Fid-29 ta’ Ottubru 2015 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2015/40 wara talba tal-Ministru tal-Finanzi tal-Irlanda.
Opinjoni tal-BĊE dwar emendi għall-Istatut tal-Banca d’Italia
Fit-30 ta’ Ottubru 2015 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2015/41 wara talba mill-Banca d’Italia.
Opinjoni tal-BĊE dwar il-qafas istituzzjonali għar-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet fil-Belġju
Fl-4 ta’ Novembru 2015 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2015/42 wara talba tal-Gvernatur ta’ Nationale Bank van België/Banque Nationale de Belgique, f’isem il-Ministru tal-Finanzi tal-Belġju.
Opinjoni tal-BĊE dwar ir-riżoluzzjoni ta’ sitwazzjonijiet ta’ kriżi fis-suq finanzjarju u dwar taxxa speċjali għal istituzzjonijiet finanzjarji magħżula fis-Slovakkja
Fis-6 ta’ Novembru 2015 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2015/43 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tas-Slovakkja.
Opinjoni tal-BĊE dwar provedimenti għall-pagi u l-pensjonijiet fl-Irlanda
Fil-11 ta’ Novembru 2015 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2015/44 wara talba tal-Ministru għan-Nefqa Pubblika u r-Riformi tal-Irlanda.
Opinjoni tal-BĊE dwar ir-regolazzjoni ta’ kumpaniji li jakkwistaw kreditu f’Ċipru
Fit-12 ta’ Novembru 2015 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2015/45 wara talba tal-Ministru tal-Finanzi ta’ Ċipru.
Opinjoni tal-BĊE dwar reġistru ta’ kontijiet bankarji fil-Bulgarija
Fit-13 ta’ Novembru 2015 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2015/46 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tal-Bulgarija.
Opinjoni tal-BĊE dwar miżuri li jakkumpanjaw ir-Regolament dwar il-Mekkaniżmu ta’ Riżoluzzjoni Uniku fl-Awstrija
Fit-13 ta’ Novembru 2015 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2015/47 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tal-Awstrija.
Statistika
Abbozz ta’ Regolament tal-BĊE dwar il-ġbir ta’ dejta granulari dwar il-kreditu u r-riskju tal-kreditu
Fit-18 ta’ Novembru 2015 il-Kunsill Governattiv approva fil-prinċipju abbozz ta’ Regolament tal-BĊE dwar il-ġbir ta’ dejta granulari dwar il-kreditu u r-riskju tal-kreditu (“AnaCredit”). Deċiżjoni finali dwar l-adozzjoni tal-abbozz ta’ Regolament għandha tittieħed biss wara li l-Kunsill Governattiv ikun ġie infurmat bil-kalkoli relatati mal-proġett rilevanti tal-IT, u bil-proċedura tal-merti u l-kostijiet li se tintuża biex tiddefinixxi r-rekwiżiti ta’ rappurtar kif riflessi fl-abbozz ta’ Regolament. Sadanittant, il-Kunsill Governattiv qabel li jippubblika l-abbozz ta’ Regolament u l-annessi tiegħu fil-websajt tal-BĊE sabiex tikber it-trasparenza vis-à-vis is-swieq u biex jiġi ffaċilitat l-ippjanar fis-swieq.
Governanza korporattiva
Aġġornament tal-qafas legali tal-BĊE dwar l-akkwisti
Fid-29 ta’ Ottubru 2015 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2015/32 li tistabbilixxi r-regoli dwar l-akkwisti, u tirriformula d-Deċiżjoni BĊE/2007/5, sabiex jitqiesu d-direttivi reċenti tal-Unjoni dwar l-akkwist pubbliku u l-aħħar ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll l-esperjenza miksuba matul seba’ snin fl-applikazzjoni tar-regoli tal-BĊE dwar l-akkwisti. Id-Deċiżjoni se tiġi ppubblikata fil-websajt tal-BĊE.
Deċiżjoni li tistabbilixxi l-prinċipji għall-għoti ta’ feedback dwar il-prestazzjoni ta’ subkoordinaturi tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti
Fit-18 ta’ Novembru 2015 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2015/36 li tistabbilixxi l-prinċipji għall-għoti ta’ feedback dwar il-prestazzjoni ta’ subkoordinaturi tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (NCAs) fit-timijiet superviżorji konġunti (JSTs) tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU). Din id-Deċiżjoni tintroduċi proċess uniformi għall-għoti ta’ feedback dwar il-prestazzjoni ta’ subkoordinaturi tal-NCAs fil-JSTs tal-MSU biex jgħinu jiżguraw li l-JSTs jiffunzjonaw kif jixraq. Il-Linja Gwida ma ddumx ma tiġi ppubblikata fil-websajt tal-BĊE.
Superviżjoni bankarja
Riżultati tal-evalwazzjoni komprensiva għall-banek Griegi
Fil-31 ta’ Ottubru 2015 il-BĊE ppubblika r-riżultati tal-evalwazzjoni komprensiva għall-erba’ banek sinifikanti Griegi taħt is-superviżjoni tiegħu, li tmexxiet bi qbil mad-deċiżjoni tal-Euro Summit tat-12 ta’ Lulju 2015 u l-Memorandum ta’ Qbil li ġie ffirmat fid-19 ta’ Awwissu 2015 bejn ir-Repubblika Ellenika, il-Bank tal-Greċja u l-Kummissjoni Ewropea, li kienet qiegħda taġixxi f’isem il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà. Stqarrija għall-istampa dwar dan tinsab fil-websajt tas-Superviżjoni bankarja tal-BĊE.
Riżultati tal-Evalwazzjoni Komprensiva 2015
Fl-14 ta’ Novembru 2015 il-BĊE ppubblika r-riżultati tal-evalwazzjoni komprensiva li saret għal disa’ banek bejn Marzu u Novembru 2015. Stqarrija għall-istampa dwar dan, flimkien ma’ anness tekniku li jiġbor fih dettalji oħra dwar il-metodoloġija li ġiet applikata, l-analiżi tal-kwalità tal-assi u r-riżultati tat-test tal-istress, tinsab fil-websajt tas-Superviżjoni bankarja tal-BĊE.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja