Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (żieda mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)
Ottubru 2014
Operazzjonijiet tas-suq
Programmi ta’ xiri ta’ titoli koperti b’assi u bonds garantiti
Fit-2 ta’ Ottubru 2014 il-BĊE ħabbar id-dettalji operattivi tal-programmi tiegħu ta’ xiri ta’ titoli koperti b’assi u bonds garantiti, li ġew approvati fl-istess data mill-Kunsill Governattiv. Il-programmi se jkunu ta’ mill-inqas sentejn u għandhom l-għan li jtejbu t-trażmissjoni tal-politika monetarja u jgħinu l-provvista ta’ kreditu lill-ekonomija taż-żona tal-euro. Il-prinċipji tal-eliġibbiltà stabbiliti skont il-qafas tal-kollateral tal-Eurosistema se japplikaw għax-xiri ta’ assi fir-raba’ trimestru tal-2014 u jibdew bix-xiri ta’ bonds garantiti fit-tieni nofs ta’ Ottubru. L-istqarrija għall-istampa dwar dan, flimkien ma’ żewġ annessi tekniċi li fihom tagħrif dettaljat dwar iż-żewġ programmi, tinsab fil-websajt tal-BĊE.
Rappurtar dwar il-portafolli tal-politika monetarja
Biex jistabbilixxi metodu komprensiv għall-pubblikazzjoni ta’ dejta dwar il-portafolli ta’ titoli miżmuma għall-għanijiet tal-politika monetarja u sabiex jinkorpora l-prattiki differenti ta’ saldu tal-ewwel ħruġ fis-suq, il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni fil-15 ta’ Ottubru 2014 li kull ġimgħa jippubblika l-valur tal-portafolli kollha tal-politika monetarja miżmuma mill-Eurosistema. Għalhekk, il-paġna tal-“Operazzjonijiet tas-suq miftuħ” fil-websajt tal-BĊE, kif ukoll ir-Rapport Finanzjarju ta’ kull ġimgħa se jibdew juru l-valur aggregat u ċ-ċaqliq imqabbel mal-ġimgħa ta’ qabel, kif ukoll analiżi tal-portafolli individwali. Il-pubblikazzjoni ta’ dejta ta’ kuljum dwar il-programmi preċedenti ta’ xiri ta’ bonds garantiti se tieqaf. Il-prattika ġdida ta’ rappurtar se tibda fil-21 ta’ Ottubru 2014.
Deċiżjoni tal-BĊE dwar it-tielet programm ta’ xiri ta’ bonds garantiti
Fil-15 ta’ Ottubru 2014 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2014/40 dwar l-implimentazzjoni tat-tielet programm ta’ xiri ta’ bonds garantiti. Id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-kriterji tal‑eliġibbiltà u l-proċeduri għax-xiri li għandu jsir f’dan il-programm minn Ottubru 2014 ’il quddiem. Id-Deċiżjoni tinsab fil-websajt tal-BĊE.
Sistemi ta’ ħlas u infrastruttura tas-suq
Evalwazzjoni ad hoc ta’ sistema ta’ saldu ta’ titoli u l-link tagħha mal-istandards għall-użu ta’ dawn is-sistemi fl-operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema
Fid-9 ta’ Ottubru 2014 il-Kunsill Governattiv approva l-evalwazzjoni tas-sistema ta’ saldu ta’ titoli tal-Litwanja (CSDL) u l-link diretta tagħha Clearstream Banking S.A. bħala eliġibbli għall-użu f’operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema. Il-listi sħaħ tas-sistemi u l-links eliġibbli jinsabu fil-websajt tal-BĊE.
Opinjonijiet dwar leġiżlazzjoni
Opinjoni tal-BĊE dwar is-separazzjoni u r-regolamentazzjoni ta’ attivitajiet bankarji fi Franza
Fid-19 ta’ Settembru 2014 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2014/70 wara talba tal-Ministru Franċiż għall-Finanzi u l-Kontijiet Pubbliċi.
Opinjoni tal-BĊE dwar il-pubblikazzjoni tar-rata perċentwali annwali tat-tariffa għal ftehimiet dwar kreditu għall-konsumaturi fl-Estonja
Fit-2 ta’ Ottubru 2014 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2014/71 wara talba mill-Ministeru tal-Ġustizzja tal-Estonja.
Opinjoni tal-BĊE dwar regoli oħra applikabbli għal kuntratti speċifiċi ta’ self lill-konsumatur fl-Ungerija
Fl-10 ta’ Ottubru 2014 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2014/72 wara talba mill-Ministeru għall-Ekonomija Nazzjonali tal-Ungerija.
Opinjoni tal-BĊE dwar ir-regoli tal-konflitt ta’ interess għal membri tal-korpi governattivi u uffiċjali eżekuttivi tal-Banca d’Italia
Fit-13 ta’ Ottubru 2014 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2014/73 wara talba tal-Ministru responsabbli għas-Semplifikazzjoni u l-Amministrazzjoni Pubblika tal-Italja.
Opinjoni tal-BĊE dwar trasparenza finanzjarja, servizzi ta’ ħlas u flus elettroniċi fid-Danimarka
Fl-14 ta’ Ottubru 2014 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2014/74 wara talba tal-Awtorità Daniża tas-Superviżjoni Finanzjarja.
Kooperazzjoni Internazzjonali u Ewropea
Sehem l-Eurosistema fil-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni Ewropea dwar ir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-istrateġija Ewropa 2020
Fis-6 ta’ Ottubru 2014 il-Kunsill Governattiv approva l-kontribut tal-Eurosistema għall-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni Ewropea dwar ir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-istrateġija Ewropa 2020. Il-kontribut tal-Eurosistema jappella għal fokus iktar qawwi fuq riformi strutturali ambizzjużi bil-għan li jiżdied il-potenzjal tat-tkabbir u jinħolqu livelli għoljin ta’ impjiegi. Itenni l-messaġġ tal-Eurosistema li tinħtieġ assigurazzjoni li s-swieq tax-xogħol u tal-prodotti jaħdmu tajjeb, li l-politika fiskali tkun sostenibbli u li s-sistemi finanzjarji jkunu f’saħħithom u li dan huwa ta’ importanza partikolari għall-unjoni monetarja. Il-kontribut tal-Eurosistema ma jdumx ma jiġi ppubblikat fil-websajt tal-BĊE.
Superviżjoni bankarja
Deċiżjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ separazzjoni bejn il-funzjoni tal-politika monetarja u l-funzjoni tas-superviżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew
Fis-17 ta’ Settembru 2014 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2014/39 dwar l-implimentazzjoni ta’ separazzjoni bejn il-funzjoni tal-politika monetarja u l-funzjoni tas-superviżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew. Din is-separazzjoni hija meħtieġa skont l-Artikolu 25(2) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 li jipprovdi li l-BĊE għandu jwettaq il-kompiti superviżorji tiegħu bla ħsara u b’mod separat mill-kompiti tiegħu li għandhom x’jaqsmu mal-politika monetarja u kompiti oħra. Id-Deċiżjoni tinsab fil-websajt tal-BĊE.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja