Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (żieda mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Marzu 2014

EMBARGO

M’GĦANDHIEX TIXXANDAR QABEL it-3 p.m. CET tal-21 ta’ Marzu 2014

Politika monetarja

Deċiżjoni tal-BĊE dwar il-projbizzjoni tal-finanzjament monetarju u Linja Gwida tal-BĊE dwar operazzjonijiet tal-ġestjoni tal-attiv u l-passiv domestiku mill-banek ċentrali nazzjonali

Fl-20 ta’ Frar 2014 il-Kunsill Governattiv adotta l-Linja Gwida BĊE/2014/9 dwar operazzjonijiet tal-ġestjoni tal-attiv u l-passiv domestiku mill-banek ċentrali nazzjonali u d-Deċiżjoni BĊE/2014/8 dwar il-projbizzjoni tal-finanzjament monetarju u r-rimunerazzjoni tad-depożiti tal-gvern mill-banek ċentrali nazzjonali. Dawn l-atti legali, li jaġġornaw atti legali preċedenti, jipprovdu l-qafas legali li jistabbilixxi l-ogħla limitu għar-rata ta’ rimunerazzjoni fuq depożiti fissi u overnight tal-gvern fil-banek ċentrali nazzjonali tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali kif ukoll is-sorveljanza ex post tal-konformità tal-banek ċentrali nazzjonali mal-projbizzjoni tal-finanzjament monetarju. L-atti se jixxandru f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jinsabu fil-websajt tal-BĊE.

Komunikazzjoni esterna

Rapport Annwali 2013 tal-BĊE

Fil-5 ta’ Marzu 2014 il-Kunsill Governattiv adotta r-Rapport Annwali 2013 tal-BĊE li se jiġi ppreżentat lill-Parlament Ewropew u jkun disponibbli fil-websajt tal-BĊE bi 22 lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fis-7 ta’ April 2014.

Operazzjonijiet tas-suq

Aġġornament ta’ atti legali għall-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema

Fit-12 ta’ Marzu 2014 il-Kunsill Governattiv adotta (a) il-Linja Gwida BĊE/2014/10 li temenda l-Linja Gwida BĊE/2011/14 dwar l-istrumenti u l-proċeduri tal-politika monetarja tal-Eurosistema, (b) id-Deċiżjoni BĊE/2014/11 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2013/35 dwar miżuri addizzjonali fir-rigward ta’ operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral, u (c) il-Linja Gwida BĊE/2014/12 li temenda l-Linja Gwida BĊE/2013/4 dwar miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward ta’ operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral u li temenda l-Linja Gwida BĊE/2007/9. Dawn l-atti legali ġodda fi ħdan il-qafas legali tal-Eurosistema jimplimentaw deċiżjonijiet dwar politika li ttieħdu mill-Kunsill Governattiv fl-2013 fir-rigward ta’ (a) il-mudell tal-livelli tas-self għal titoli koperti b’assi (ABS) f’ammonti riċevibbli b’karti tal-kreditu, (b) kjarifika dwar ir-regoli tal-klassifikazzjoni tal-ABS, u (c) l-applikazzjoni tal-klassifikazzjoni tal-kreditu għal-livelli tal-kwalità ta’ kreditu fl-iskala tal-klassifikazzjoni armonizzata tal-qafas għall-evalwazzjoni tal-kreditu tal-Eurosistema. Barra minn hekk, it-tneħħija tar-rekwiżit tar-ripatrijazzjoni u l-introduzzjoni ta’ servizzi tripartiti transkonfinali għall-ġestjoni tal-kollateral huma inklużi. Barra dan, il-Linja Gwida BĊE/2014/12 tirrifletti l-ħruġ tal-Irlanda minn programm tal-Unjoni Ewropea u tal-Fond Monetarju Internazzjonali f’Diċembru 2013. It-tliet atti legali jinsabu fil-websajt tal-BĊE u, sakemm ma jkunx hemm provediment ieħor, jibdew japplikaw mill-1 ta’ April 2014.

Sistemi ta’ pagament u infrastruttura tas-suq

Riżultati tal-konsultazzjoni pubblika dwar ir-rakkomandazzjonijiet għas-sigurtà tas-servizzi ta’ aċċess għall-kontijiet ta’ pagament

Fit-13 ta’ Marzu 2014 il-Kunsill Governattiv approva l-pubblikazzjoni ta’ nota, imħejjija mill-Forum Ewropew għas-Sigurtà tal-Pagamenti min-naħa tal-Konsumatur, li tiġbor fil-qosor ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika mibdija mill-Eurosistema f’Jannar 2013 dwar rakkomandazzjonijiet biex titjieb is-sigurtà tas-servizzi ta’ aċċess għall-kontijiet ta’ pagament.

TARGET2-Securities: rapport tal-progress

Fid-19 ta’ Marzu 2014 il-Kunsill Governattiv qies l-istatus tal-progress tal-programm TARGET2-Securities u approva r-reviżjoni tad-Dokument dwar ir-Rekwiżiti għall-Utenti.

Stabbiltà u superviżjoni finanzjarja

Rapport 2014 tal-BĊE dwar l-“Integrazzjoni finanzjarja fl-Ewropa”

Fid-19 ta’ Marzu 2014 il-Kunsill Governattiv ħa nota li t-tmien edizzjoni tar-rapport tal-BĊE dwar l-“Integrazzjoni finanzjarja fl-Ewropa” kellha tixxandar fit-28 ta’ April 2014 fl-okkażjoni tal-konferenza konġunta tal-BĊE u l-Kummissjoni Ewropea dwar l-integrazzjoni u l-istabbiltà finanzjarja fl-Ewropa. Din l-edizzjoni tar-rapport tippreżenta l-qagħda tal-integrazzjoni finanzjarja fiż-żona tal-euro u l-attivitajiet tal-Eurosistema biex tkompli tissaħħaħ l-integrazzjoni. Fiha wkoll kapitlu dwar ir-riforma istituzzjonali Ewropea b’deskrizzjoni tal-mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni kif ukoll bosta artikli dwar suġġetti speċifiċi.

Opinjonijiet dwar leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar il-bidliet fil-governanza tal-Banca d'Italia

Fil-21 ta’ Frar 2014 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2014/19 wara talba mill-Banca d’Italia.

Opinjoni tal-BĊE dwar id-diskrepanza fil-maturità u l-pożizzjonijiet tal-munita barranija tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu fl-Ungerija

Fl-24 ta’ Frar 2014 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2014/15 wara talba minn Magyar Nemzeti Bank.

Opinjoni tal-BĊE dwar is-sorveljanza tat-trasferimenti ta’ kreditu u debiti diretti bl-euro fir-Rumanija

Fl-10 ta’ Marzu 2014 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2014/20 wara talba minn Banca Naţională a României.

Opinjoni tal-BĊE dwar is-superviżjoni finanzjarja, is-superviżjoni makroprudenzjali u s-sorveljanza tas-sistemi ta’ ħlas fl-Estonja

Fit-18 ta’ Marzu 2014 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2014/21 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tal-Estonja.

Governanza korporattiva

Membri tal-BĊE fil-Bord Superviżorju tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku

Fis-6 ta’ Marzu 2014 il-Kunsill Governattiv ħatar tliet rappreżentanti għall-Bord Superviżorju tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku: is-Sa Sirkka Hämäläinen, li qabel kienet Membru tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE; is-Sa Julie Dickson, li bħalissa hija d-Direttur tal-Istituzzjonijiet Finanzjarji fl-Uffiċċju Kanadiż tal-Kontrollur tal-Istituzzjonijiet Finanzjarji; u s-Sur Ignazio Angeloni, li bħalissa huwa d-Direttur Ġenerali tal-Politika Makroprudenzjali u l-Istabbiltà Finanzjarja tal-BĊE. Stqarrija għall-istampa dwar dawn il-ħatriet ixxandret l-għada fil-websajt tal-BĊE.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja