Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (żieda mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Mejju 2013

Operazzjonijiet tas-suq

Eliġibbiltà ta’ strumenti tad-dejn maħruġa jew garantiti mill-Gvern Ċiprijott

Fit-2 ta’ Mejju 2013 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2013/13 dwar miżuri temporanji marbuta mal-eliġibbiltà ta’ strumenti negozjabbli tad-dejn maħruġa jew garantiti għalkollox mir-Repubblika ta’ Ċipru. Id-Deċiżjoni BĊE/2013/13 tissospendi l-applikazzjoni tar-rekwiżiti minimi tal-limiti tal-kwalità tal-krediti applikabbli għall-istrumenti tad-dejn negozjabbli maħruġa jew garantiti għalkollox mill-gvern Ċiprijott. Sakemm jissodisfaw il-kriterji l-oħra kollha tal-eliġibbiltà, dawn l-istrumenti jerġgħu jiksbu l-istatus ta’ eliġibbiltà għall-iskopijiet tal-operazzjonijiet tal-kreditu tal-Eurosistema, soġġetti għall- haircuts speċifiċi mniżżla fl-Anness tad-Deċiżjoni tad-9 ta’ Mejju 2013. Id-Deċiżjoni, flimkien ma’ stqarrija għall-istampa, ġiet ippublikata fuq il-websajt tal-BĊE fit-2 ta’ Mejju 2013.

Dettalji tal-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament bejn il-10 ta’ Lulju 2013 u t-8 ta’ Lulju 2014

Fit-2 ta’ Mejju 2013 il-Kunsill Governattiv ħa bosta deċiżjonijiet marbuta mal-operazzjonijiet ewlenin u għal żmien itwal ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema, kif ukoll mal-proċeduri ta’ sejħa għall-offerti użati għal dawn l-operazzjonijiet. Tagħrif aktar dettaljat huwa disponibbli fi stqarrija għall-istampa li xxandret fil-websajt tal-BĊE fit-2 ta’ Mejju 2013.

Il-Linja Gwida tal-BĊE dwar il-provvediment tas-servizzi tal-maniġġ tar-riżervi

Fil-15 ta’ Mejju 2013 il-Kunsill Governattiv adotta Linja Gwida BĊE/2013/14 li temenda l-Linja Gwida BĊE/2006/4 dwar il-provvediment min-naħa tal-Eurosistema ta’ servizzi tal-maniġġ tar-riżervi f’euro lill-banek ċentrali u lill-pajjiżi li jinsabu barra ż-żona tal-euro u lil organizzazzjonijiet internazzjonali. L-emenda tindirizza l-kwistjoni ta’ kontropartijiet soġġetti għal miżuri restrittivi fil-qasam tal-finanzjament tal-attività kontra l-ħasil tal-flus u t-terroriżmu. Il-Linja Gwida hija disponibbli fuq il-websajt tal-BĊE.

Stabbiltà u superviżjoni finanzjarja

Rapport dwar l-Istabbiltà Finanzjarja – Mejju 2013

Fil-15 ta’ Mejju 2013 il-Kunsill Governattiv awtorizza l-pubblikazzjoni tal-“Financial Stability Review - May 2013” li jeżamina s-sorsi ewlenin ta’ riskju u d-dgħufijiet għall-istabbiltà finanzjarja tas-sistema finanzjarja taż-żona tal-euro u jagħti analiżi komprensiva tal-kapaċità tas-sistema finanzjarja taż-żona tal-euro biex tassorbi taqlib negattiv. Ir-rapport għandu jixxandar fil-websajt tal-BĊE sal-aħħar ta’ Mejju 2013.

Opinjonijiet dwar leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar il-protezzjoni għar-riskji u s-separazzjoni tan-negozji bankarji fil-Ġermanja

Fid-19 ta’ April 2013 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2013/28 wara talba tal-Ministeru tal-Finanzi Federali tal-Ġermanja.

Opinjoni tal-BĊE dwar reġistru tal-krediti għall-konsumatur fi Franza

Fis-26 ta’ April 2013 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2013/29 wara talba tal-Ministeru Franċiż għall-Affarijiet Ekonomiċi u l-Finanzi.

Opinjoni tal-BĊE dwar politika makroprudenzjali f’Malta

Fit-30 ta’ April 2013 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2013/30 wara talba tal-Bank Ċentrali ta’ Malta.

Opinjoni tal-BĊE dwar it-tisħiħ tar-rwol istituzzjonali u l-indipendenza tal-Banca Naţională a României

Fis-7 ta’ Mejju 2013 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2013/31 wara talba tal-Banca Naţională a României.

Statistika

Kunfidenzjalità dwar it-tagħrif tal-istatistika

Fil-25 ta’ April 2013 il-Kunsill Governattiv approva r-rakkomandazzjonijiet tar-rapport dwar il-miżuri adottati biex iħarsu l-kunfidenzjalità tat-tagħrif tal-istatistika msemmi fir-Regolament tal-Kunsill (KE) 2533/98 tat-23 ta’ Novembru 1998 (kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) 951/2009) dwar il-ġbir ta’ tagħrif statistiku mill-Bank Ċentrali Ewropew. Ir-rapport fil-qosor jinsab fil-websajt tal-BĊE.

Rapport tal-2012 dwar il-kwalità tal-istatistika

Fid-15 ta’ Mejju 2013, il-Kunsill Governattiv approva l-istima annwali tad-disponibbiltà u l-kwalità ta’ tipi diversi ta’ statistika li jiġu kkompilati mill-Eurosistema abbażi ta’ att legali tal-BĊE. Awtorizza wkoll il-pubblikazzjoni tar-rapport tal-2012 dwar il-kwalità tal-istatistika monetarja u dik finanzjarja. Ir-rapport, li sar skont il-Qafas tal-BĊE għall-Kwalità tal-Istatistika, se jkun ippubblikat fil-qrib fil-websajt tal-BĊE.

Governanza korporattiva

Rakkomandazzjoni tal-BĊE lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni tal-BĊE

Fid-19 ta’ April 2013 il-Kunsill Governattiv adotta r-Rakkomandazzjoni BĊE/2013/9 lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni tal-Bank Ċentrali Ewropew. Ir-Rakkomandazzjoni ġiet pubblikata fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u tinsab ukoll fil-websajt tal-BĊE.

Skeda għal-laqgħat tal-Kunsill Governattiv u l-Kunsill Ġenerali tal-BĊE fl-2014 u fl-2015

Fil-25 ta’ April 2013 il-Kunsill Governattiv approva l-iskeda tiegħu tal-laqgħat għas-snin 2014 u 2015. Il-Kunsill Ġenerali wkoll approva l-iskeda tiegħu tal-laqgħat għal dak il-perjodu. Aktar tagħrif jinsab fi stqarrija għall-istampa fil-websajt tal-BĊE.

Rakkomandazzjoni tal-BĊE lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni ta’ Suomen Pankki.

Fis-26 ta’ April 2013 il-Kunsill Governattiv adotta r-Rakkomandazzjoni BĊE/2013/12 lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni tal-Bank Suomen Pankki. Ir-Rakkomandazzjoni ġiet pubblikata fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u tinsab ukoll fil-websajt tal-BĊE.

Ħruġ ta’ karti tal-flus

Emendi għall-qafas legali dwar ir-riproduzzjoni, il-bdil u l-irtirar tal-karti tal-flus tal-euro

Fid-19 ta’ April 2013 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2013/10 dwar id-denominazzjonijiet, l-ispeċifikazzjonijiet, ir-riproduzzjoni, il-bdil u l-irtirar tal-karti tal-flus tal-euro u l-Linja Gwida BĊE/2013/11 li temenda l-Linja Gwida BĊE/2003/5 dwar l-infurzar ta’ miżuri kontra r-riproduzzjonijiet mhux konformi ta’ karti tal-flus tal-euro u dwar il-bdil u l-irtirar tal-karti tal-flus tal-euro, biex tkun koperta s-sensiela futura tal-karti tal-flus tal-euro u biex ikunu ċċarati ċerti rekwiżiti. Id-Deċiżjoni u l-Linja Gwida ġew ippubblikati fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jinsabu wkoll fil-websajt tal-BĊE.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja