Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (żieda mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Frar 2013

Operazzjonijiet tas-suq

It-tweġiba tal-Eurosistema għall-konsultazzjoni pubblika fuq ir-regolament dwar il-punti ta’ riferiment finanzjarji

Fl-4 ta’ Frar 2013 il-Kunsill Governattiv approva t-tweġibiet tal-Eurosistema għall-konsultazzjoni pubblika tal-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE) u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (AETS) dwar il-prinċipji għall-proċessi li jistabbilixxu l-punti ta’ riferiment fl-Unjoni Ewropea u għar-rapport ta’ konsultazzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli (IOSCO) dwar il-punti ta’ riferiment finanzjarji. It-tweġibiet tal-Eurosistema, flimkien ma’ stqarrija għall-istampa dwarhom li xxandret fit-8 ta’ Frar 2013, jinsabu fil-websajt tal-BĊE.

Sistemi ta’ pagament u infrastruttura tas-suq

Forum dwar is-SecuRe Pay – Rakkomandazzjonijiet għas-sigurtà tal-pagamenti bl-internet

Fil-25 ta’ Jannar 2013 il-Kunsill Governattiv approva r-“Rakkomandazzjonijiet għas-sigurtà tal-pagamenti bl-internet” u l-konklużjonijiet tal-konsultazzjoni pubblika dwarhom li bdiet fl-2012, u l-pubblikazzjoni tagħhom fil-websajt tal-BĊE. Il-Kunsill iddeċieda wkoll li jibda konsultazzjoni pubblika ta’ xahrejn dwar ir-“Rakkomandazzjonijiet għas-servizzi tal-aċċess għal kontijiet ta’ pagament”. Dawn id-dokumenti, flimkien ma’ stqarrija għall-istampa dwarhom, ixxandru fil-31 ta’ Jannar 2013 fil-websajt tal-BĊE.

Evalwazzjoni ad hoc ta’ LuxCSD mal-istandards għall-użu tas-Sistemi għas-Saldu ta’ Titoli (SSS)

Fl-4 ta’ Frar 2013 il-Kunsill Governattiv approva s-Sistema għas-Saldu ta’ Titoli LuxCSD ġdida biex tkun eliġibbli għall-użu fl-operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema. Il-lista sħiħa tas-sistemi għas-saldu ta’ titoli u l-links eżistenti eliġibbli biex jintużaw fl-operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema jinsabu fil-websajt tal-BĊE.

Opinjonijiet dwar leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar kompetenzi ġodda mogħtija lil Banca Naţională a României dwar id-dejn sovran u s-swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu sovran 

Fid-29 ta’ Jannar 2013 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2013/6 wara talba ta’ Banca Naţională a României.

Opinjoni tal-BĊE dwar tranżazzjonijiet ta’ trasferiment ta’ kreditu u ta’ debitu dirett fl-Italja 

Fit-30 ta’ Jannar 2013 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2013/7 wara talba tal-Banca d’Italia.

Opinjoni tal-BĊE dwar garanzija tal-Istat Franċiż li tkopri ċerti impenji ta’ sussidjarji ta’ Dexia SA

Fl-1 ta’ Frar 2013 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2013/8 wara talba tal-Ministeru għall-Ekonomija u l-Finanzi ta’ Franza.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-limitazzjonijiet fuq il-pagamenti fi flus kontanti fid-Danimarka

Fl-1 ta’ Frar 2013 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2013/9 wara talba tal-Ministeru tal-Ġustizzja tad-Danimarka.

Opinjoni tal-BĊE dwar ir-restrizzjonijiet fuq il-pagamenti fi flus kontanti fil-kuntest tal-ħlas tal-pagi fil-Finlandja  

Fit-8 ta’ Frar 2013 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2013/11 wara talba tal-Ministeru tal-Impjiegi u l-Ekonomija tal-Finlandja.

Opinjoni tal-BĊE dwar it-teħid ta’ depożiti u l-ġestjoni ta’ kontijiet ta’ titoli mit-Teżor tal-Ungerija

Fit-12 ta’ Frar 2013 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2013/12 wara talba tal-Ministeru għall-Ekonomija Nazzjonali tal-Ungerija.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-kalkolu emendat tal-kontribuzzjoni annwali għall-istabbiltà finanzjarja fil-Belġju

Fit-18 ta’ Frar 2013 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2013/13 wara talba tal-Ministeru tal-Finanzi tal-Belġju.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-qafas ta’ superviżjoni tas-suq finanzjarju fil-Polonja 

Fl-20 ta’ Frar 2013 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2013/14 wara talba tal-Parlament tal-Polonja.

Opinjoni tal-BĊE dwar it-tqassim tal-profitti tal-Bank tal-Greċja

Fl-20 ta’ Frar 2013 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2013/15 wara talba tal-Bank tal-Greċja.

Governanza korporattiva

Rakkomandazzjoni tal-BĊE lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni tal-Bank Ċentrali ta’ Ċipru

Fl-4 ta’ Frar 2013 il-Kunsill Governattiv adotta r-Rakkomandazzjoni BĊE/2013/3 lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni tal-Bank Ċentrali ta’ Ċipru. Ir-Rakkomandazzjoni xxandret f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fid-9 ta’ Frar 2013 u tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Il-Kontijiet Annwali tal-BĊE 2012

Fl-20 ta’ Frar 2013 il-Kunsill Governattiv approva l-Kontijiet Annwali verifikati tal-BĊE għas-sena finanzjarja 2012. Il-Kontijiet Annwali, flimkien ma’ stqarrija għall-istampa dwarhom, ixxandru l-għada. Ir-rapport amministrattiv għall-2012 se jixxandar fir-Rapport Annwali tal-BĊE 2012.

Kuntatti midja