Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (żieda mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Jannar 2013

Operazzjonijiet tas-suq

Analiżi ad hoc tal-lista ta’ swieq mhux regolati u ta’ emittenti klassifikati bħala aġenziji li huma aċċettabbli

Fis-17 ta’ Jannar 2013 il-Kunsill Governattiv ħa nota tal-analiżi ad hoc tal-lista ta’ swieq mhux regolati li huma aċċettabbli għall-operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema u ħa d-deċiżjoni li l- Global Exchange Market (GEM) għandu jiżdied mal-lista. Barra dan, il-Kunsill Governattiv approva l-klassifikazzjoni ta’ Erste Abwicklungsanstalt (EAA) u tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (ESM) bħala aġenziji rikonoxxuti. L-istrumenti ta’ dejn maħruġa minn dawn l-entitajiet għalhekk se jidħlu fil-kategorija tal-likwidità II tal-assi eliġibbli għall-operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema. Il-lista aġġornata tas-swieq mhux regolati aċċettati mill-BĊE tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Ħlas qabel iż-żmien tal-ammonti allokati permezz tal-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament għal żmien twil

Fit-23 ta’ Jannar 2013 il-Kunsill Governattiv adotta l-Linja Gwida BĊE/2013/2 li temenda l-Linja Gwida BĊE/2012/18 dwar miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward ta’ operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral. Il-Linja Gwida tikkjarifika l-proċedura li għandhom jimxu fuqha l-kontropartijiet meta jkollhom il-ħsieb li jħallsu lura qabel iż-żmien l-ammont allokat lilhom permezz tal-operazzjonijiet ta' rifinanzjament ta' tliet snin, kif ukoll il-proċeduri li għandhom jimxu fuqhom il-banek ċentrali nazzjonali meta kontroparti tonqos li tonora l-ammont li tkun intrabtet li tħallas lura fid-data bikrija miftiehma. Il-Linji Gwida se tixxandar fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fil-websajt tal-BĊE.

Sistemi ta’ pagament u infrastruttura tas-suq

Approvazzjoni tal-BĊE tal-Istatut tal-Kumitat ta’ Sorveljanza Regolatorja għall-Global Legal Entity Identifier (LEI) System

Il-BĊE u banek ċentrali, awtoritajiet u regolaturi oħrajn interessati ġew mistiedna mill-President tal-Bord ta’ Stabbiltà Finanzjarja biex japprovaw l-Istatut tal-Kumitat ta’ Sorveljanza Regolatorja (ROC) li qablu dwaru l-Ministri tal-Finanzi tal-G20 u l-Gvernaturi tal-Banek Ċentrali f’Novembru 2012. Fl-4 ta’ Jannar 2013 il-Kunsill Governattiv qabel mal-proposta li l-BĊE japprova l-Istatut tal-Kumitat ta’ Sorveljanza Regolatorja għas-Sistema Globali LEI. Il-kumitat ROC se jkollu r-responsabbiltà finali għall-governanza tas-Sistema Globali LEI, li ġiet identifikata bħala waħda mill-inizjattivi biex tiżdied it-trasparenza tas-swieq finanzjarji wara l-kriżi finanzjarja dinjija.

Stabbiltà u superviżjoni finanzjarja

Kontribut tal-Eurosistema għad-dokument ta’ konsultazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar ir-rapport Liikanen

Fit-23 ta’ Jannar 2013 il-Kunsill Governattiv approva t-tweġiba tal-Eurosistema għad-dokument ta’ konsultazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea fuq ir-rapport ippubblikat fit-2 ta’ Ottubru 2012 tal-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli, li kien presedut minn Erkki Liikanen, dwar ir-riforma tal-istruttura tas-settur bankarju tal-Unjoni Ewropea. It-tweġiba tal-Eurosistema tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Opinjonijiet dwar leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar ir-rekwiżiti ta' riżervi ta’ Lietuvos bankas għal istituzzjonijiet ta' kreditu 

Fil-21 ta’ Diċembru 2012 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2012/110 wara talba ta’ Lietuvos bankas.

Opinjoni tal-BĊE dwar miżuri ġodda għal reġistru tal-kreditu fl-Irlanda 

Fil-21 ta’ Diċembru 2012 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2012/111 wara talba tal-Ministru tal-Finanzi tal-Irlanda.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-qafas tas-superviżjoni tas-suq finanzjarju fil-Polonja 

Fl-4 ta’ Jannar 2013 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2013/1 wara talba tal-Parlament tal-Polonja.

Opinjoni tal-BĊE dwar proposta ta’ Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi faċilità biex tingħata għajnuna finanzjarja lill-Istati Membri li l-munita tagħhom mhix l-euro

Fis-7 ta’ Jannar 2013 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2013/2 wara talba tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Opinjoni tal-BĊE dwar l-intervent bikri, ir-ristrutturar u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu fi Spanja

Fid-9 ta’ Jannar 2013 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2013/3 wara talba tas-Sottosegretarju tal-Ministeru għall-Affarijiet Ekonomiċi u l-Kompetittività ta’ Spanja.

Opinjoni tal-BĊE dwar proposta għal Direttiva tal-UE li tikkonċerna l-UCITS f’dak li jirrigwarda l-funzjonijiet tad-depożitarji, il-politiki tar-rimunerazzjoni u s-sanzjonijiet

Fil-11 ta’ Jannar 2013 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2013/4 wara talba tal-Parlament Ewropew.

Opinjoni tal-BĊE dwar l-unjins ta’ kreditu fil-Polonja

Fl-14 ta’ Jannar 2013 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2013/5 wara talba tal-Parlament tal-Polonja.

Governanza korporattiva

Deċiżjoni tal-BĊE li tistabbilixxi l-qafas għal infrastruttura għal kodiċi pubbliku għas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali

Fil-11 ta’ Jannar 2013 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2013/1 li tistabbilixxi l-qafas għal infrastruttura għal kodiċi pubbliku (PKI) għas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ). Il-proġett SEBĊ-PKI se jkun żviluppat, ospitat u mħaddem minn Banco de España biex dan jiġi megħjun fit-twettiq ta’ dmirijietu mill-Eurosistema/SEBĊ permezz ta’ servizzi avanzati għas-sigurtà tal-informazzjoni, bħall-awtentikazzjoni solida, il-firem elettroniċi u l-ħabi ta’ kodiċijiet, permezz tal-użu ta’ ċertifikati elettroniċi. Id-Deċiżjoni se tixxandar fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fil-websajt tal-BĊE.

Kuntatti midja