Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (b’żieda mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Frar 2012

Komunikazzjoni esterna

Bidla fil-politika tal-BĊE dwar il-pubblikazzjonijiet

Fis-16 ta’ Frar 2012 il-Kunsill Governattiv ħa deċiżjoni biex ikompli jnaqqas l-istampar b’mod estensiv tar-Rapport Annwali tal-BĊE mill-2013 ’il quddiem. Il-BĊE mhux se jkompli jipprovdi kopji stampati ħlief lil dawk il-qarrejja li jirreġistraw onlajn biex ikomplu bl-abbonament tagħhom. Din il-pubblikazzjoni statutarja se tibqa’ disponibbli onlajn, kemm fil-format PDF f’21 lingwa uffiċjali tal-UE kif ukoll bl-Ingliż fil-format e-PUB.

Operazzjonijiet tas-Suq

Aċċettati oqfsa nazzjonali għall-klejms tal-kreditu supplimentari

Wara d-deċiżjoni tiegħu tat-8 ta’ Diċembru 2011 biex il-banek ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema, bħala soluzzjoni temporanja, jitħallew jaċċettaw bħala garanzija klejms ta’ kreditu supplimentari li jissodisfaw kriterji speċifiċi ta’ eliġibbiltà, il-Kunsill Governattiv fid-9 ta’ Frar 2012 approva l-oqfsa proposti mill-Bank Ċentrali tal-Irlanda, Banco de España, Banque de France, Banca d’Italia, il-Bank Ċentrali ta’ Ċipru, Oesterreichische Nationalbank u Banco de Portugal. Stqarrija għall-istampa dwar din id-deċiżjoni ġiet ippubblikata fl-istess jum fil-websajt tal-BĊE. Tagħrif aktar dettaljat dwar dawn l-oqfsa jinsab, jew ma jdumx ma jkun, fil-websajts tal-BĊE u tal-banek ċentrali nazzjonali rispettivi.

Sistemi ta’ pagament u infrastruttura tas-suq

L-implimentazzjoni tal-aspettattivi tal-Eurosistema dwar is-sorveljanza għall-kontinwità tan-negozju tas-sistemi ta’ pagament li għandhom importanza sistemika u li joperaw fiż-żona tal-euro

Fis-27 ta’ Jannar 2012 il-Kunsill Governattiv ħa nota tar-rapport ta’ segwitu għar-Rapport ta’ evalwazzjoni tal-Eurosistema dwar l-implimentazzjoni tal-aspettattivi dwar is-sorveljanza għall-kontinwità tan-negozju tas-sistemi ta’ pagament li għandhom importanza sistemika (“ Eurosystem assessment report on the implementation of the business continuity oversight expectations for systemically important payment systems”) ippubblikat fil-websajt tal-BĊE f’Settembru 2010. Il-Kunsill Governattiv approva l-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni ta’ segwitu li l-biċċa l-kbira tar-rakkomandazzjonijiet ġew implimentati mill-operaturi rilevanti tas-sistema u li ebda waħda mir-rakkomandazzjonijiet li għadhom miftuħa ma hija kritika għat-tħaddim bla xkiel tas-sistemi konċernati.

Opinjonijiet dwar leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar ir-riformi tal-pensjonijiet fis-settur pubbliku Irlandiż 

Fis-26 ta’ Jannar 2012 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2012/6 wara talba tal-Ministru Irlandiż għan-Nefqa Pubblika u r-Riformi.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-qafas tar-riżervi minimi fir-Rumanija

Fl-10 ta’ Frar 2012 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2010/7 wara talba ta’ Banca Naţională a României.

Opinjoni tal-BĊE dwar is-sistema Griega għall-monitoraġġ ta’ tranżazzjonijiet f’titoli b’entrata 

Fl-10 ta’ Frar 2012 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2012/8 wara talba tal-Ministeru tal-Finanzi Grieg.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-ġestjoni tal-likwidità fil-kontijiet tat-Teżor fil-Banca d’Italia u l-għażla ta’ kontropartijiet għal operazzjonijiet relatati 

Fit-13 ta’ Frar 2012 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2012/9 wara talba tal-Ministeru Taljan għall-Ekonomija u l-Finanzi.

Opinjoni tal-BĊE dwar proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2004/109/KE dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ trasparenza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2007/14/KE

Fl-10 ta’ Frar 2012 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2012/10 wara talba tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. L-Opinjoni ma ddumx ma tiġi ppubblikata fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fil-websajt tal-BĊE.

Opinjoni tal-BĊE dwar ir-riorganizzazzjoni tas-settur finanzjarju Spanjol 

Fil-15 ta’ Frar 2012 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2012/11 wara talba tad-Deputat Ministru Spanjol għall-Affarijiet Ekonomiċi u l-Kompetittività.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-garanziji tal-Istat Spanjol

Fl-20 ta’ Frar 2012 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2012/13 wara talba tal-Gvernatur ta’ Banco de España, f’isem is-Segretarju tal-Istat Spanjol għall-Affarijiet Ekonomiċi.

Statistika

Aġġornament tal-Impenn Pubbliku tas-SEBĊ dwar l-Istatistika Ewropea

Fit-2 ta’ Frar 2012 il-Kunsill Governattiv approva l-verżjoni emendata ta’ “L-Impenn Pubbliku tas-SEBĊ dwar l-Istatistika Ewropea” bil-għan li titjieb il-konverġenza tiegħu mal-Kodiċi ta’ Prattika tal-Istatistika Ewropea żviluppat mill-Kumitat tas-Sistema tal-Istatistika Ewropea. L-impenn pubbliku aġġornat ma jdumx ma jidher fil-websajt tal-BĊE bil-lingwi kollha tal-UE.

Governanza korporattiva

Rakkomandazzjoni tal-BĊE lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni tal-Bank tal-Greċja

Fl-10 ta’ Frar 2012 il-Kunsill Governattiv adotta r-Rakkomandazzjoni BĊE/2012/1 dwar l-awdituri esterni tal-Bank tal-Greċja. Ir-Rakkomandazzjoni ġiet ippubblikata fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u tinsab fil-websajt tal-BĊE.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja