Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (b’żieda mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)
April 2011
Is-sitwazzjoni ekonomika, monetarja u finanzjarja
Reazzjoni għad-dikjarazzjonijiet tal-awtoritajiet Irlandiżi dwar is-sistema bankarja
Fil-31 ta’ Marzu 2011 il-Kunsill Governattiv laqa’ l-miżuri mħabbra mill-awtoritajiet Irlandiżi biex tissaħħaħ is-sistema bankarja Irlandiża. Stqarrija għall-istampa f’dan ir-rigward tinsab fil-websajt tal-BĊE.
Operazzjonijiet tas-suq
Intervent uniku miftiehem tal-G7 fis-swieq tal-kambju barrani
Fit-18 ta’ Marzu 2011 il-Kunsill Governattiv approva s-sehem tal-Eurosistema f’intervent uniku miftiehem tal-G7 fis-swieq tal-kambju barrani, li sar wara talba tal-awtoritajiet Ġappuniżi biex tiġi limitata l-volatilità tar-rata tal-kambju tal-yen. L-istqarrija konġunta tal-Ministri tal-Finanzi tal-G7 u l-gvernaturi tal-banek ċentrali f’dan ir-rigward, li ħarġet dakinhar, tinsab fil-websajt tal-BĊE.
Inizjattiva dwar il-livell ta’ self għal titoli koperti b’assi
Wara d-deċiżjoni tiegħu ta’ Diċembru 2010 biex jiġu stabbiliti rekwiżiti għal tagħrif individwali dwar titoli koperti b’assi (ABS) aċċettati bħala garanzija fl-operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema (l-“inizjattiva dwar il-livell ta’ self għal ABS”) il-Kunsill Governattiv, permezz ta’ ittra ta’ intenzjoni li tinsab fil-websajt tal-BĊE, esprima l-intenzjoni tal-Eurosistema li tutilizza l-maħżen ta’ data li se jiġi stabbilit biex tiġi proċessata, ivverifikata u trażmessa data dwar il-livell ta’ self għal ABS. L-għan tal-inizjattiva dwar il-livell ta’ self għal ABS hu li jgħin lis-suq Ewropew tal-ABS jerġa’ jibda jiffunzjona billi titjieb it-trasparenza u tiġi ffaċilitata l-valutazzjoni tar-riskju tal-ABS użati bħala garanzija mill-kontropartijiet tal-Eurosistema fl-operazzjonijiet tal-politika monetarja, sabiex terġa’ tikber il-fiduċja tal-investituri fis-swieq tal-ABS.
Bidla fl-eliġibbiltà tal-istrumenti ta’ dejn maħruġin jew iggarantiti mill-Gvern Irlandiż
Fil-31 ta’ Marzu 2011 il-Kunsill Governattiv iddeċieda li, sa ma joħroġ avviż ieħor, jissospendi l-applikazzjoni tal-istandard minimu għall-klassifika tal-kreditu fir-rekwiżiti għall-eliġibbiltà tal-garanzija għall-finijiet tal-operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema fil-każ tal-istrumenti ta’ dejn negozjabbli kollha, pendenti u ġodda, maħruġin jew iggarantiti mill-Gvern Irlandiż. Stqarrija għall-istampa f’dan ir-rigward tinsab fil-websajt tal-BĊE. Fl-istess jum il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni relatata tal-Bank Ċentrali Ewropew dwar miżuri temporanji marbutin mal-eliġibbiltà ta’ strumenti ta’ dejn negozjabbli maħruġin jew iggarantiti mill-Gvern Irlandiż (BĊE/2011/4). Din id-deċiżjoni tinsab fil-websajt tal-BĊE.
Il-qafas tal-kollateral tal-Eurosistema (lista waħda): standard għad-daqs minimu ta’ klejms dwar kreditu
Fis-7 ta’ April 2011 il-Kunsill Governattiv ikkonferma d-deċiżjoni tiegħu ta’ Frar 2005 (ara Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE – Frar 2005) li l-istandard għad-daqs minimu komuni ta’ klejms dwar kreditu għandu jiġi stabbilit għal €500,000, iżda ddeċieda li jorbot l-introduzzjoni ta’ dan id-daqs minimu mal-implimentazzjoni tal-Amministrazzjoni tal-Kollateral tal-Banek Ċentrali (CCBM2), li għandha sseħħ fl-2013. Is-CCBM2 hija s-sistema l-ġdida tal-amministrazzjoni tal-kollateral li biha l-Eurosistema tkun tista’ tamministra l-kollateral kemm f’operazzjonijiet domestiċi kif ukoll f’dawk transkonfinali.
Is-sistemi ta’ pagament u l-infrastruttura tas-suq
TARGET2-Titoli
Fl-20 ta’ April 2011 il-Kunsill Governattiv qies l-istatus tal-progress tal-Programm TARGET2-Titoli (T2S). Aktar tagħrif jingħata meta jkun il-waqt fit-taqsima T2S tal-websajt tal-BĊE.
Opinjonijiet dwar leġiżlazzjoni
Opinjoni tal-BĊE dwar il-prevenzjoni ta’ pagamenti li jsiru tard fis-Slovenja
Fit-18 ta’ Marzu 2011 il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni wara talba tal-Ministeru tal-Finanzi Sloven (CON/2011/25).
Opinjoni tal-BĊE dwar emendi għal-leġiżlazzjoni dwar il-finalità tas-saldu u dwar arranġamenti ta’ garanzija finanzjarja fir-Rumanija
Fit-23 ta’ Marzu 2011 il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni wara talba tal-Banca Naţională a României (CON/2011/26).
Opinjoni tal-BĊE dwar leġiżlazzjoni relatata ma’ bonds koperti f’Ċipru
Fit-23 ta’ Marzu 2011 il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni wara talba tal-Ministeru tal-Finanzi Ċiprijott (CON/2011/27).
Opinjoni tal-BĊE dwar l-abolizzjoni tal-kompitu tan-Nationale Bank van België/Banque Nationale de Belgique li jaġixxi bħala depożitarju ċentrali ta’ atti ta’ protesta
Fil-25 ta’ Marzu 2011 il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni wara talba tan-Nationale Bank van België/Banque Nationale de Belgique f’isem il-Ministeru tal-Finanzi Belġjan (CON/2011/28).
Opinjoni tal-BĊE dwar taxxa speċjali fuq il-banek u dwar it-twaqqif ta’ fond indipendenti għall-istabbiltà finanzjarja f’Ċipru
Fl-4 ta’ April 2011 il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni wara talba tal-Ministeru tal-Finanzi Ċiprijott (CON/2011/29).
Opinjoni tal-BĊE dwar il-finanzjament ta’ reġistru ċentrali ta’ numri ta’ kontijiet bankarji fil-Belġju
Fis-6 ta’ April 2011 il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni wara talba tal-Ministeru tal-Finanzi Belġjan (CON/2011/30).
Opinjoni tal-BĊE dwar taxxa fuq il-valur totali ta’ karta tal-bilanċ ta’ bank fis-Slovenja
Fis-6 ta’ April 2011 il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni wara talba tal-Ministeru tal-Finanzi Sloven (CON/2011/31).
Opinjoni tal-BĊE dwar proposta għal Regolament li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi għal trasferimenti ta’ kreditu u debiti diretti bl-euro
Fis-7 ta’ April 2011 il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni wara talba tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (CON/2011/32).
Opinjoni tal-BĊE dwar l-abbozz tal-Kostituzzjoni Ungeriża fir-rigward tal-Magyar Nemzeti Bank
Fit-12 ta’ April 2011 il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni wara talba tal-Ministeru tal-Amministrazzjoni Pubblika u l-Ġustizzja Ungeriż u l-Ministeru tal-Ekonomija Nazzjonali Ungeriż (CON/2011/33).
Opinjoni tal-BĊE dwar il-qafas legali għal Fond għas-Self u l-Kunsinna u dwar emendi għall-iskema għat-tisħiħ tal-likwidità tal-ekonomija Griega wara l-kriżi finanzjarja internazzjonali
Fit-13 ta’ April 2011 il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni wara talba tal-Ministeru tal-Finanzi Grieg (CON/2011/34).
Opinjoni tal-BĊE dwar il-proċedura tal-ġestjoni tar-riskju tas-saldu għal sistemi ta’ saldu nett fir-Rumanija
Fit-13 ta’ April 2011 il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni wara talba tal-Banca Naţională a României (CON/2011/35).
Opinjoni tal-BĊE dwar emendi għall-Istatut tal-Bank of Greece
Fl-14 ta’ April 2011 il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni wara talba tal-Bank of Greece (CON/2011/36).
Opinjoni tal-BĊE dwar emendi għall-istruttura tal-governanza tal-Oesterreichische Nationalbank
Fl-20 ta’ April 2011 il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni wara talba tal-Ministeru tal-Finanzi Awstrijak (CON/2011/38).
Statistika
Rapporti tal-2010 dwar il-kwalità tal-istatistika
Fit-18 ta’ Marzu 2011 il-Kunsill Governattiv approva l-valutazzjoni annwali tad-disponibbiltà u l-kwalità ta’ diversi tipi ta’ statistika li jiġu kkompilati mill-Eurosistema abbażi ta’ att legali tal-BĊE. Huwa awtorizza wkoll il-pubblikazzjoni tar-rapport tal-2010 dwar il-kwalità tal-istatistika fir-rigward tal-bilanċ tal-pagamenti u l-pożizzjoni tal-investiment internazzjonali taż-żona tal-euro, kif ukoll tar-rapport dwar l-istatistika monetarja u finanzjarja. Iż-żewġ rapporti, li saru skont il-Qafas tal-BĊE għall-Kwalità tal-Istatistika, jinsabu fil-websajt tal-BĊE.
Governanza korporattiva
Skedi għal-laqgħat tal-Kunsill Governattiv u l-Kunsill Ġenerali tal-BĊE fl-2012 u fl-2013
Fil-31 ta' Marzu 2011 il-Kunsill Governattiv approva l-iskeda tiegħu tal-laqgħat għall-2012 u l-2013. Il-Kunsill Ġenerali wkoll approva l-iskeda tiegħu tal-laqgħat għal dak il-perjodu. Stqarrija għall-istampa f’dan ir-rigward tinsab fil-websajt tal-BĊE.
Ħruġ ta’ karti tal-flus
Qafas legali għall-akkwist ta’ karti tal-flus tal-euro
Fit-18 ta’ Marzu 2011 il-Kunsill Governattiv adotta l-Linja ta’ Gwida BĊE/2011/3 li temenda l-Linja ta’ Gwida BĊE/2004/18 dwar l-akkwist ta’ karti tal-flus tal-euro. Il-Linja ta’ Gwida emendatorja tipprevedi li l-proċedura unika ta’ sejħa għall-offerti tal-Eurosistema għandha tibda mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2014.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja