Riżervi barranin u fondi proprji

Ir-riżervi barranin tal-BĊE jiżguraw li l-BĊE jkollu biżżejjed likwidità biex imexxi operazzjonijiet tal-kambju skont il-każ. Dawn ir-riżervi barranin oriġinarjament ġew stabbiliti permezz tat-trasferiment ta’ assi ta’ riżervi barranin mill-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro meta bdiet it-Tielet Fażi tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja fl-1 ta’ Jannar 1999.

L-għanijiet tal-ġestjoni tar-riżervi barranin tal-BĊE huma, skont l-importanza: il-likwidità, is-sigurtà u r-redditu.

Il-portafoll tar-riżervi barranin tal-BĊE huwa magħmul minn dollari Amerikani, yen Ġappuniżi, deheb u drittijiet speċjali ta’ kreditu (SDR). Il-kompożizzjoni tar-riżervi tinbidel maż-żmien u dan jirrifletti t-tibdil fil-valur tas-suq tal-assi investiti kif ukoll l-operazzjonijiet tal-kambju u fid-deheb li jsiru mill-BĊE.

Id-dollaru Amerikan u l-yen Ġappuniż huma amministrati b’mod attiv mill-BĊE u minn banek ċentrali nazzjonali magħżula taż-żona tal-euro (li jaġixxu bħala aġenti tal-BĊE) li jkunu jixtiequ jidħlu f'din l-attività operattiva. Il-banek ċentrali nazzjonali jistgħu jagħżlu li jmexxu l-attivitajiet operattivi tagħhom għall-ġestjoni tar-riżervi barranin tal-BĊE flimkien ma’ banek ċentrali nazzjonali oħrajn. Kull bank ċentrali jew grupp ta’ banek ċentrali nazzjonali normalment jamministra portafoll wieħed bid-dollaru Amerikan jew bil-yen Ġappuniż bħala aġent tal-BĊE.

Il-BĊE jikkonkludi l-bejgħ ta’ deheb f’konformità sħiħa mal-Ftehim tal-Banek Ċentrali fuq id-Deheb u mal-“Istqarrija Konġunta dwar id-Deheb” (ara l-link t’hawn taħt fi Stqarrijiet għall-istampa). Il-BĊE huwa wieħed mill-firmatarji ta’ dan il-ftehim.

Biex tara l-aħħar ċifri tal-assi ta’ riżerva uffiċjali, ara Template on international reserves and foreign currency liquidity.

Għal iżjed tagħrif fuq ir-riżervi internazzjonali, ara  Statistics on international reserves.

Atti legali

L-atti legali tal-BĊE fuq ir-riżervi barranin, kif ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jinsabu fil-paġni "Qafas legali" tal-websajt tal-BĊE.

Stqarrijiet għall-istampa

Stqarrijiet għall-istampa fuq il-bejgħ ta’ deheb mill-BĊE u fuq l-Istqarrija Konġunta dwar id-Deheb jinsabu (bl-Ingliż) fit-taqsima "Midja" tal-websajt tal-BĊE.

Link esterna

Il-linji gwida tal-FMI għall-ġestjoni tar-riżervi barranin (20 ta’ Settembru 2001) (bl-Ingliż)

Il-fondi proprji tal-BĊE jipprovdulu introjtu biex jgħinuh ikopri l-ispejjeż operattivi tiegħu.

Dan il-portafoll hu investit f’assi denominati fl-euro bl-għan li jagħtu l-akbar redditu, sakemm ma jinqabżux il-limiti imposti mir-riskji.

Il-fondi proprji tal-BĊE jikkonsistu minn:

  • kontroparti investita tal-kapital imħallas tal-BĊE;
  • fondi miżmuma minn żmien għal żmien fil-fond ta’ riżerva ġenerali;
  • provvedimenti għar-riskju tal-kambju, tar-rati tal-imgħax u tal-prezz tad-deheb.
Ċifri ta’ tmiem l-2015 (miljuni ta’ EUR)
Fondi proprji tal-BĊE (valuri tas-suq) 20,623
Għad-dettalji, ara l-Kontijiet Annwali tal-BĊE, ippubblikati bħala parti mir- Rapport Annwali.

L-allokazzjoni u l-ġestjoni effikaċi tar-riżervi barranin għandhom jipprovdu l-likwidità meħtieġa biex jitwettqu l-mandati tal-politika tal-BĊE, waqt li fl-istess ħin inaqqsu l-ispiża biex jinżammu r-riżervi. Il-ġestjoni tar-riskji tista’ tgħin dawn l-għanijiet billi tikkontrolla l-iskopertura għar-riskju finanzjarju.

Il-BĊE hu direttament responsabbli għall-ġestjoni tar-riskji marbuta mal-portafolli tiegħu, fosthom dawk tar-riżervi barranin u tal-fondi proprji. Il-ġestjoni u l-monitoraġġ tar-riskji finanzjarji mġarrba mill-BĊE – kemm jekk direttament mill-BĊE kif ukoll jekk mill-BĊN tal-Eurosistema li jaġixxu f’isem il-BĊE – ikopru l-oqsma tar-riskji tas-suq, tal-kreditu u tal-likwidità u jinvolvu erba’ oqsma ewlenin ta’ responsabbiltà:

  • l-iffissar tal-limiti li japplikaw għar-riskji tal-kreditu u tas-suq;
  • il-konformità;
  • il-kejl u d-dikjarazzjoni tal-iskoperturi għar-riskji u tar-rendiment tal-investimenti;
  • l-allokazzjoni strateġika tal-assi.

Id-dikjarazzjoni indipendenti tar-riskji u tar-rendiment hija karatteristika ewlenija tal-qafas tal-politika tal-investiment tal-BĊE. Biex jiġu evitati konflitti potenzjali ta’ interess, il-ġestjoni tar-riskji finanzjarji mġarrba fl-attivitajiet tal-ġestjoni tal-portafolli hija fdata f'idejn id-Direttorat tal-Ġestjoni tar-Riskji, li jirrapporta direttament lill-Bord Eżekuttiv.