European Central Bank - eurosystem
Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Profitti u telf tal-BĊE u tal-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro: minn fejn ġejjin?

Aġġornat fid-19 ta’ Mejju 2023 (ippubblikat għall-ewwel darba fis-16 ta’ Frar 2017)

Il-Bank Ċentrali Ewropew mhuwiex bħal banek oħra. Huwa jħejji l-kontijiet annwali u jirrapporta l-profitti u t-telf bħal bank normali iżda b’differenza waħda kbira: fil-BĊE xogħolna ma huwiex li nagħmlu l-qligħ. Minflok, xogħolna hu li nżommu l-prezzijiet stabbli. U kwalunkwe profitti jew telf huma effetti sekondarji.

L-istess jgħodd għall-banek ċentrali nazzjonali tal-pajjiżi taż-żona tal-euro (magħrufa kollettivament, flimkien mal-BĊE, bħala l-Eurosistema). Dak ma jfissirx li l-profitti u t-telf ma humiex importanti għall-banek ċentrali tal-Eurosistema. Fil-fatt, jekk nagħmlux profitt jew telf għadu importanti ħafna. Hawn taħt nispjegaw għaliex, u minn fejn jistgħu jiġu l-profitti u t-telf.

X’inhuma l-profitti u t-telf għal bank ċentrali?

Il-profitti u t-telf huma numri li juru jekk id-dħul u l-ispejjeż humiex f’bilanċ. Billi nħarsu lejn dak li jiġi u dak li joħroġ matul sena, nistgħu nfasslu kont annwali. Hija l-istess ħaġa li inti tista’ tagħmel għall-baġit tad-dar tiegħek stess, jew li kumpanija tista’ tagħmel biex tifhem il-finanzi tagħha. Jekk id-dħul huwa akbar mill-ispejjeż, allura nagħmlu profitt. Jekk l-ispejjeż jaqbżu d-dħul, allura nagħmlu telf.

Huwa importanti li wieħed jiftakar li l-operazzjonijiet ta’ bank ċentrali huma differenti ħafna minn, ngħidu aħna, forn li jirċievi dħul mill-bejgħ tal-ħobż lin-nies u jkollu spejjeż biex iħallas għad-dqiq jew l-enerġija. Il-banek ċentrali joperaw prinċipalment permezz tas-sistema bankarja.  

X’inhu bank ċentrali?

L-Eurosistema minn fejn tikseb id-dħul tagħha?

Il-karti tal-flus tal-euro fil-kartiera tiegħek jiswew ħafna aktar milli jiswew biex fiżikament jiġu prodotti l-karti tal-flus huma stess. Il-banek kummerċjali jipprovdulek dawn il-karti tal-flus tal-euro permezz tal-friegħi u l-ATMs tagħhom. Biex jagħmlu dan, iridu “jixtru” mill-Eurosistema billi jgħaddu l-assi finanzjarji. Dawk l-assi huma sors ta’ dħul – l-esperti jsejħu dan is-“seigniorage” [qligħ mill-ħruġ tal-flus].

X'inhu s-seigniorage?

Forma oħra ta’ dħul mill-banek ċentrali hija l-imgħax li l-banek kummerċjali jħallsu meta jissellfu l-flus mingħandna.

Il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali xtraw ukoll ħafna assi finanzjarji, pereżempju bonds tal-gvern. Aħna xtrajna dawn biex nappoġġjaw l-ekonomija meta r-rati tal-imgħax kienu baxxi ħafna jew saħansitra żero. L-għan tagħna kien li nipprevjenu li l-inflazzjoni tibqa’ baxxa wisq għal żmien twil wisq. L-assi li xtrajna jistgħu jkunu sors ta’ dħul.

Fl-aħħar nett, il-banek ċentrali jżommu riżervi f’muniti barranin u għandhom investimenti oħra, li kollha jiġġeneraw ukoll dħul.

X’inhuma l-ispejjeż tal-Eurosistema?

Meta l-banek kummerċjali jżommu depożiti mal-Eurosistema, jeħtieġ li nħallsuhom l-imgħax. Allura, għalina, din hija spiża. Dawn l-ispejjeż jistgħu jiżdiedu, pereżempju, jekk inżidu r-rati tal-imgħax bħala parti mill-politika monetarja tagħna.

Għaliex huma l-ispejjeż issa akbar mid-dħul?

Biex intaffu inflazzjoni għolja, għollejna r-rati tal-imgħax tagħna ħafna fi żmien qasir ħafna. Dan wassal biex ir-rati tal-imgħax jitilgħu fis-swieq finanzjarji, u dan jagħmel il-kreditu aktar għali madwar l-ekonomija. Rati ta’ imgħax ogħla jagħmlu l-flus tas-self inqas attraenti u t-tfaddil aktar attraenti. Dan inaqqas l-infiq, iberred l-ekonomija u jnaqqas l-inflazzjoni — li fl-aħħar mill-aħħar irridu niksbu.  

X’inhi l-politika monetarja?

Bħala effett sekondarju, l-ammont ta’ imgħax li l-banek ċentrali tal-Eurosistema jħallsu lill-banek għad-depożiti tagħhom żdied ukoll b’mod sinifikanti u mgħaġġel. Fl-istess ħin, id-dħul li jaqilgħu fuq l-assi li huma jżommu ma żdiedx bl-istess mod.

Dan għaliex ħafna minn dawn l-assi — speċjalment il-bonds tal-gvern — ma jħallsux ħafna imgħax, peress li xtrajnahom fi żmien meta r-rati tal-imgħax kienu baxxi. Spiss ikollhom ukoll maturità twila. Pereżempju, jekk il-banek ċentrali tal-Eurosistema jżommu bond tal-gvern b’maturità ta’ 10 snin, dan ifisser li l-ammont sħiħ tal-bond irid jitħallas lura għal għaxar snin.

Meta xtrajna dawn il-bonds, kienet ħaġa tajba li nreġġgħu lura l-inflazzjoni għall-mira tagħna ta’ 2%. Dan għaliex dak iż-żmien l-inflazzjoni kienet baxxa wisq. Ix-xiri ta’ dawk l-assi għall-prezzijiet li ħallasna dak iż-żmien għen biex jitbaxxew ir-rati tal-imgħax fis-swieq finanzjarji. 

Kif jaħdem il-programm tal-BĊE għax-xiri ta’ assi?

Iżda dan iċaqlaq ukoll ir-riskji relatati mal-bidliet futuri fir-rati tal-imgħax mis-swieq finanzjarji għall-bank ċentrali.

Bħalissa, dan ir-riskju qed jibda jimmaterjalizza, hekk kif il-banek ċentrali madwar id-dinja qed iżidu r-rati biex jiġġieldu l-inflazzjoni. Ir-riżultat għall-Eurosistema hu li l-ispejjeż tagħha jiżdiedu b’rata aktar mgħaġġla mid-dħul tagħha. Dan ifisser li l-profitti jinżlu, u jistgħu saħansitra jinbidlu f’telf.

X’jiġri jekk l-Eurosistema tagħmel telf? 

Jekk nirreġistraw telf, nistgħu nippruvaw nkopru dan billi l-ewwel nieħdu mill-profitti li għamilna fis-snin preċedenti. Il-BĊE u banek ċentrali oħra taż-żona tal-euro għamlu profitti mdaqqsa għal bosta snin — madwar EUR 300 biljun bejn l-2012 u l-2021.

Dawn il-profitti ġew l-aktar mill-politika monetarja segwita matul dawn is-snin. Konna xtrajna ħafna assi u r-rati tal-imgħax kienu negattivi, li jfisser li l-banek fil-fatt ħallsu tariffa biex iżommu depożiti magħna.

Bħala banek ċentrali prudenti, użajna parti minn dawn il-profitti biex nibnu bafers finanzjarji, bħal provvedimenti u riżervi ġenerali. Barra minn hekk, xi bafers finanzjarji jiġu ġġenerati meta nivvalutaw mill-ġdid b’mod regolari xi wħud mill-assi tagħna. Dawn il-bafers issa jistgħu jintużaw.

Fil-BĊE, jekk il-provvedimenti tar-riskju ġenerali tagħna ma kienx biżżejjed għall-mitigazzjoni, il-banek ċentrali nazzjonali tal-pajjiżi taż-żona tal-euro jistgħu jkopru t-telf li jifdal bid-dħul tagħhom stess magħmul mill-operazzjonijiet tal-politika monetarja. Alternattivament, it-telf jista’ jiġi rreġistrat fil-kont annwali tal-BĊE biex jiġi paċut ma’ kwalunkwe dħul irċevut fil-futur.

Tista’ ssir taf aktar dwar il-proċeduri tal-qsim tal-qligħ u t-telf f’dan id-Dokument Okkażjonali.

Huwa importanti jekk il-BĊE jagħmilx telf?

Huwa importanti li wieħed jiftakar li l-banek ċentrali ma humiex bħal kumpaniji ordinarji. Huma jistgħu jitilfu l-flus u xorta joperaw b’mod effettiv. Madankollu, il-prinċipju tal-indipendenza finanzjarja jimplika li l-banek ċentrali nazzjonali għandhom dejjem ikunu kapitalizzati biżżejjed.

Nistennew li, maż-żmien, it-telf jonqos għax id-dħul li jaqilgħu l-banek ċentrali tal-Eurosistema fuq il-bonds tagħhom u assi oħra, u mis-self li jagħtu lill-banek kummerċjali, se jiżdied ukoll.

Fl-aħħar mill-aħħar, bir-rati tal-imgħax lura fit-territorju pożittiv, l-Eurosistema għandha terġa’ tagħmel profitt fuq żmien medju.

X’jiġri jekk nagħmlu profitt?

Jekk nirreġistraw profitt, nistgħu nwarrbu xi flus bħala provvedimenti ġenerali u riżervi biex nipproteġu kontra telf possibbli fil-futur. Kull qligħ li jifdal imbagħad jinqasam fost il-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro, li huma l-azzjonisti tal-BĊE.

Il-banek ċentrali nazzjonali jistgħu wkoll iwarrbu xi flus, iżda l-bqija tal-profitti tagħhom normalment imorru għand il-gvern tal-pajjiż, u jikkontribwixxu għall-baġit tiegħu. Dan jibbenefika ċ-ċittadini taż-żona tal-euro.

ARA WKOLL

Skopri aktar dwar kontenut relatat