Gwida għall-utenti dwar ir-rapport finanzjarju konsolidat ta' kull ġimgħa tal-Eurosistema

Last updated: 19 September 2017

Ir-rapport finanzjarju ta' kull ġimgħa (WFS) jipprovdi informazzjoni għall-pubbliku dwar l-operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema, l-operazzjonijiet tal-kambju barrani u attivitajiet ta' investiment.

Bażi legali għar-rapportar

L-Artikolu 15 tal-Istatut tas-SEBĊ jitlob li kull ġimgħa jiġi ppubblikat rapport finanzjarju konsolidat tal-Eurosistema. Id-WFS juri l-assi u l-obbligazzjonijiet miżmuma mill-Eurosistema fil-konfront ta' partijiet terzi meta jidħlu fil-kontijiet tal-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro (BĊN) u l-BĊE. Klejms u obbligazzjonijiet bejn banek ċentrali tal-Eurosistema (magħrufa bħala krediti u obbligazzjonijiet fi ħdan l-Eurosistema bħalma huma bilanċi TARGET2) jikkanċellaw lil xulxin u għalhekk mhumiex murija.

Il-format u l-kontenut tad-WFS huma speċifikati fil-Linja Gwida tal-BĊE dwar il-qafas legali għall-kontabilità u r-rapportar finanzjarju fis-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (BĊE/2016/34).

Dati tal-pubblikazzjoni

Bħala regola ġenerali, id-WFS tiġi ppubblikata nhar ta' Tlieta fil-15:00 CET u tirreferi għall-Ġimgħa ta' qabel. Ċerti dati tal-pubblikazzjoni jkunu differenti minn din ir-regola ġenerali, pereżempju, fir-rigward tal-ewwel WFS wara t-tmiem tat-trimestru u kull meta s-sistema TARGET2 tkun magħluqa waqt il-perijodu tat-tħejjija tad-WFS. Kummentarju jipprovdi informazzjoni dwar iċ-ċaqliq fil-pożizzjonijiet tal-karti tal-bilanċ ewlenin u l-aggregati kif ukoll kwistjonijiet oħra, kull meta jkun meħtieġ.

Waqt li d-WFS ikun disponibbli bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE, in-nota ta' tifsir tiġi pprovduta bl-Ingliż biss.

Konvenzjonijiet tal-kontabilità

Ġenerali

Il-Linja Gwida BĊE/2016/34 tistabbilixxi r-regoli għall-kontabilità u r-rapportar finanzjarju tal-Eurosistema. Ir-regoli tal-kontabilità huma obbligatorji għall-partiti kollha meqjusin bħala importanti għall-operazzjonijiet tal-Eurosistema

Regoli għall-valutazzjoni tal-karta tal-bilanċ

Id-WFS tirrifletti l-valutazzjoni tal-assi u l-obbligazzjonijiet tal-Eurosistema skont il-Linja Gwida BĊE/2016/34.

Valutazzjoni tal-assi u l-obbligazzjonijiet

Id-deheb, l-istrumenti tal-munita barranija u l-investimenti f'titoli jiġu rivalutati bir-rati u l-prezzjijiet attwali tas-suq fi tmiem kull trimestru, bl-eċċezzjoni ta' titoli klassifikati bħal miżmuma sal-maturità, titoli‑mhux negozjabbli, u titoli miżmuma għal għanijiet tal-politika monetarja li jidħlu fil-kontijiet b'kost amortizzat. Titoli li jiġu valutati b'kost amortizzat jiġu trattati bħala investimenti separati u huma soġġetti għal test tal-indeboliment.

Bażi tar-rivalutazzjoni

Ir-rivalutazzjoni ssir individwalment għal kull partita fir-rigward ta' titoli, swaps tar-rati tal-imgħax, futures, ftehimiet dwar rati forward u strumenti oħra tar-rata tal-imgħax (bl-eċċezzjoni ta' opzjonijiet inkorporati f'titoli). Investimenti tal-kambju barrani (inklużi drittijiet speċjali ta' kreditu) jiġu rivalutati individwalment għal kull munita.

Rivalutazzjoni ta' tmiem it-trimestru

L-effett nett tar-rivalutazzjoni ta' tmiem it-trimestru tintwera separatament għal kull partita tal-karta tal-bilanċ fid-WFS ta' wara tmiem it-trimestru. Matul it-trimestru, l-operazzjoijiet kollha mmexxija mill-Eurosistema jiġu reġistrati bir-rati u l-prezzijiet tat-tranżazzjoni. Matul it-trimestru, din il-prattika tippermetti lill-utenti josservaw l-iżvilupp tal-operazzjonijiet tal-Eurosistema abbażi ta' flussi ta' likwidità, waqt li fi tmiem it-trimestru, il-pożizzjonijiet tal-karta tal-bilanċ li huma soġġetti għal rivalutazzjoni regolari jiġu rappurtati b'valuri tas-suq biex jirriflettu r-realtà ekonomika.

Regoli tar-rikonoxximent tad-dħul

Qligħ mhux realizzat li jiġi mir-rivalutazzjoni ta' tmiem it-trimestru mhuwiex rikonoxxut bħala dħul, iżda jiġi reġistrat direttament f'kont ta' rivalutazzjoni. It-telf mhux realizzat jidħol fil-kont tal-qligħ u t-telf fl-aħħar tas-sena, jekk ikun ikbar mill-qligħ tar-rivalutazzjoni preċedenti li jkun ġie reġistrat fil-kont ta' rivalutazzjoni rispettiv. Telf rikonoxxut bħal dan ma jiġix irriversjat fi snin sussegwenti kontra qligħ ġdid mhux realizzat. Telf mhux realizzat li jirriżulta mir-rivalutazzjoni ta' titolu, munita barranija, jew investiment f'deheb partikolari ma jiġix innettjat kontra qligħ mhux realizzat minn titoli jew muniti oħra. Dawn il-prinċipji jgħaqqdu t-trasparenza mar-rikonoxximent prudenti tad-dħul.

Kompożizzjoni tal-partiti tal-karta tal-bilanċ

Is-sezzjoni dwar l-istruttura tal-karta tal-bilanċ tipprovdi deskrizzjoni ġenerika tar-referenzi għall-partiti ewlenin tal-karta tal-bilanċ tad-WFS. Id-dettalji relatati mal-kompożizzjoni ta' kull partita tal-karta tal-bilanċ jinsabu fl-Anness IV tal-Linja Gwida BĊE/2016/34.

Werrej

Ġenerali

Id-WFS turi l-assi u l-obbligazzjonijiet kollha tal-banek ċentrali tal-Eurosistema, inklużi l-fergħat kollha tal-BĊN, fil-konfront ta' partijiet terzi. Dan ma jinkludix l-assi u l-obbligazzjonijiet ta' investimenti f'sussidjarji jew kumpaniji li fihom il-BĊN taż-żona tal-euro jkollhom interessi azzjonarji. Klejms u obbligazzjonijiet bejn banek ċentrali tal-Eurosistema (magħrufa bħala krediti u obbligazzjonijiet fi ħdan l-Eurosistema bħalma huma bilanċi TARGET2) jikkanċellaw lil xulxin u għalhekk mhumiex murija.

Struttura tal-karta tal-bilanċ

Id-WFS jagħmel distinzjoni bejn residenti taż-żona tal-euro u resident barra ż-żona tal-euro, skont standards Ewropej u internazzjonali tal-istatistika. Isiru distinzjonijiet ulterjuri bejn partiti denominati f'munita barranija u partiti denominati f'euro. Barra dan, pożizzjonijiet fil-konfront tas-settur finanzjarju (eż. il-partita P3 Obbligazzjonijiet oħra ma' istituzzjonijiet ta' kreditu taż-żona tal-euro denominati f'euro) jiġu separati minn dawk fil-konfront tal-amministrazzjoni pubblika u oħrajn (eż. il-partita P5 Obbligazzjonijiet ma' residenti oħra taż-żona tal-euro denominati f'euro).

Id-WFS juri l-bilanċi fil-ħin tal-għeluq tal-uffiċċj tar-rapportar u l-bidliet (dovuti għal tranżazzjonijiet jew effetti tar-rivalutazzjoni ta' tmiem it-trimestru, kif applikabbli) imqabbla mal-ġimgħa preċedenti. Il-partiti kollha fil-karta tal-bilanċ jiġu espressi f'miljuni ta' euro, waqt li partiti fin-nota ta' spjega jiġu ppreżentati f'biljuni ta' euro, minbarra fil-każ tad-deheb u ammonti riċevibbli f'deheb, li jiġu espressi f'miljuni ta' euro.

Il-biċċa l-kbira tad-dejta inkluża fid-WFS hi disponibbli wkoll bħala serje fuq żmien twil.

Kummentarju dwar ir-rapport finanzjarju ta' kull ġimgħa

Il-kummentarju jirreferi prinċipalment għall-bidliet li jkunu nqalgħu minħabba żviluppi fl-implimentazzjoni tal-politika monetarja u l-operazzjoniiet tal-kambju barrani mill-ġimgħa ta' qabel. Din is-sezzjoni tipprovdi deskrizzjoni ġenerika tar-referenzi għall-partiti ewlenin tal-karta tal-bilanċ li dwarhom isiru kummenti fid-WFS.

Deheb u ammonti riċevibbli f'deheb (il-partita A1) turi l-investimenti f'deheb (deheb kemm fiżiku kif ukoll mhux fiżiku) tal-banek ċentrali tal-Eurosistema bil-valur tas-suq ta' tmiem it-trimestru ta' qabel u l-valur ta' kull tranżazzjoni (xiri u bejgħ) konkluża wara t-tmiem tat-trimestru ta' qabel. Waqt li l-partita Deheb u ammonti riċevibbli f'deheb mhijiex inkluża fil-Pożizzjoni netta tal-Eurosistema f'munita barranija, hi parti mir-riżervi uffiċjali tal-Eurosistema.

Il-Pożizzjoni netta tal-Eurosistema f'munita barranija (il-partiti A2 u A3 nieqsa l-partiti P7, P8 u P9)[1] tinkludi t-tranżazzjonijiet kollha tal-klijenti u tal-portafolli f'munita barranija (inklużi drittijiet speċjali ta' kreditu) ma' residenti kemm taż-żona tal-euro kif ukoll barra ż-żona tal-euro, u operazzjonijiet għall-provvediment ta' likwidità f'munita barranija mmexxija għall-benefiċċju tar-residenti taż-żona tal-euro. Il-Pożizzjoni netta tal-Eurosistema f'munita barranija tinkludi l-parti tal-munita barranija tar-riżervi uffiċjali tal-Eurosistema li huma meħtieġa primarjament biex isostnu interventi potenzjali fis-suq tal-kambju barrani.

  • Il-partita A2.1 Ammonti riċevibbli mill-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) turi l-krediti tal-Istati Membri li jirriżultaw mis-sottoskrizzjoni tagħhom fil-FMI, l-investimenti tagħhom fi SDRs (Drittijiet speċjali ta' kreditu) u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-programmi tal-FMI. Partita relatata tal-karta tal-bilanċ hi l-partita P9 Kontroparti tad-drittijiet speċjali ta' kreditu allokati mill-FMI, li tirrappreżenta l-ammont ta' SDRs li kienu oriġinarjament allokati lill-Istati Membri rispettivi.
  • Il-partita A2.2 Bilanċi ma' banek u investimenti f'titoli, self estern u assi esterni oħra tirrapreżenta l-biċċa l-kbira tal-assi uffiċjali tal-Eurosistema f'munita barranija u tikkonsisti prinċipalment minn depożiti u investimenti f'titoli ma' kontropartijiet barra żona tal-euro. Assi f'munita barranija li jinsabu fiż-żona tal-euro huma ppreżentati taħt il-partita A3 Krediti kontra residenti taż-żona tal-euro denominati f'munita barranija.

Is-Self nett lil istituzzjonijiet ta' kreditu mogħti mill-Eurosistema (il-partita A5 nieqsa l-partiti P2.2, P2.3, P2.4, P2.5 u P4)[2] [dear webmaster please insert the footnote text here applying the currently used technique] juri l-użu tal-operazzjonijiet tal-Eurosistema għall-provvediment ta' likwidità minn kontropartijiet netti mill-istrumenti għall-assorbiment ta' likwidità.

Self lil istituzzjonijiet ta' kreditu taż-żona tal-euro relatat mal-operazzjonijiet tal-politika monetarja denominati f'euro (il-partita A5) hu maqsum f'sitt sub-partiti u jirrifletti l-operazzjonijiet ta' kreditu tal-politika monetarja użati mill-Eurosistema għall-provvediment ta' likwidità.

  • Il-partita A5.1 Operazzjonijiet ewlenin ta' rifinanzjament[3] tirreferi għal operazzjoni regolari tas-suq miftuħ imwettqa mill-Eurosistema għall-provvediment ta' likwidità fil-forma ta' tranżazzjonijiet irriversjati. Operazzjonijiet ewlenin ta' rifinanzjament ta' kreditu jsiru permezz ta' sejħiet standard għall-offerti u normalment ikollhom maturità ta' ġimgħa.
  • Il-partita A5.2 Operazzjonijiet ta' rifinanzjament fuq żmien itwal[4] tkopri tranżazzjonijiet irriversjati għall-provvediment ta' likwidità bi frekwenza ta' kull xahar u maturità normalment ta' tliet xhur.
  • Il-partita A5.3 Operazzjonijiet ta' rfinar irriversjati tkopri dawk l-operazzjonijiet tas-suq li jsiru abbażi ad hoc bil-ħsieb li tiġi maniġġata s-sitwazzjoni tal-likwidità fis-suq u biex jiġu influwenzati r-rati tal-imgħax, b'mod partikolari biex iwittu l-effetti fuq ir-rati tal-imgħax ikkawżati minn ċaqliq mhux mistenni tal-likwidità fis-suq.
  • Il-partita A5.4 Operazzjonijiet strutturali rriversjati tkopri operazzjonijiet irriversjati tas-suq miftuħ għall-provvediment ta' likwidità mwettqa mill-Eurosistema prinċipalment biex tiġi aġġustata l-pożizzjoni strutturali tal-likwidità tas-settur finanzjarju fil-konfront tal-Eurosistema.
  • Il-partita A5.5 Faċilità tas-self marġinali hi faċilità permanenti tal-Eurosistema li tista' tintuża minn kontropartijiet biex jiksbu likwidità overnight minn bank ċentrali nazzjonali b'rata ta' imgħax speċifikata minn qabel kontra assi eliġibbli.
  • Il-partita A5.6 Krediti relatati ma' sejħiet marġinali jistgħu jinqalgħu minħabba żidiet fil-valur ta' kollateral bażi fir-rigward ta' kreditu ieħor lil kontropartijiet. F'każijiet bħal dawn, il-banek ċentrali jistgħu jagħtu lura l-flus kontanti żejda lill-kontroparti.

Il-partita P2.2 Faċilità tad-depożitu hi faċilità permanenti tal-Eurosistema li tista' tintuża minn kontropartijiet biex iżommu depożiti overnight remunerati b'rata ta' imgħax speċifikata minn qabel. (Din is-sub-partita għandha titqies b'rabta mas-sub-partita A 5.5 Faċilità tas-self marġinali. Waqt li l-ewwel strument imsemmi jista' jintuża għal depożitu ta' likwidità eċċessiva fuq żmien qasir, it-tieni strument imsemmi jista' jservi biex ikopri nuqqasijiet ta' likwidità fuq żmien qasir.)

Il-partita P2.3 hi relatata ma' Depożiti b'terminu fiss. Il-ġbir ta' depożiti b'terminu fiss hu strument tal-politika monetarja użat għal skopijiet ta' rfinar għall-assorbiment ta' likwidità fis-suq jew għall-kontroll ta' żbilanċi tal-likwidità fl-aħħar jum ta' perijodu ta' manteniment tar-riżervi.

Il-partita P2.4 Operazzjonijiet ta' rfinar irriversjati tirrifletti operazzjonijiet irregolari tas-suq miftuħ imwettqa mill-Eurosistema prinċipalment għall-assorbiment ta' dħul ta' flussi mhux mistennija ta' likwidità fis-suq. L-ekwivalenti fuq in-naħa tal-assi huma l-Operazzjonijiet ta' rfinar irriversjati (il-partita A5.3).

Il-partita P2.5 Depożiti relatati ma' sejħiet marġinali jistgħu jinqalgħu minħabba tnaqqis fil-valur ta' kollateral bażi pprovdut kontra kreditu lil kontropartijiet. F'dan il-każ l-Eurosistema tista' tistipula li l-kontropartijiet jipprovdu flus kontanti addizzjonali (jew kollateral). L-ekwivalenti fuq in-naħa tal-assi huma l-Krediti relatati ma' sejħiet marġinali (il-partita A5.6).

Flus bażi (il-partiti P1, P2.1 u P2.2)[5] jikkonsistu minn:

  • il-partita P1 Karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni, li tirrappreżenta l-valur nominali tal-karti tal-flus tal-euro maħruġa fiċ-ċirkolazzjoni mill-banek ċentrali tal-Eurosistema;
  • il-partita P2.1 Kontijiet kurrenti (li jkopru s-sistema ta' riżervi minimi), li tikkonsisti primarjament minn investimenti relatati mar-rekwiżit li jistipula li l-istituzzjonijiet ta' kreditu jżommu depożiti f'kontijiet mal-BĊN tagħhom. Is-sistema ta' riżervi minimi tal-Eurosistema tinkludi dispożizzjonijiet dwar medji, jiġifieri li l-istituzzjonijiet ta' kreditu għandhom jissodisfaw ir-rekwiżit tar-riżervi bħala medja għal perijodu speċifiku taż-żamma tar-riżervi;
  • il-partita P2.2 Faċilità tad-depożitu (ara aktar 'l fuq).

Il-partita A7.1 Titoli miżmuma għal għanijiet tal-politika monetarja tirrifletti l-investimenti tal-Eurosistema f'titoli mixtrija f'termini tal-programmi ta' xiri ta' assi speċifikati hawn taħt:

  • Il-programm ta' xiri ta' bonds garantiti (CBPP) beda f'Lulju 2009, u x-xiri skont din l-iskema kien implimentat għalkollox sa Ġunju 2010.
  • It-tieni programm ta' xiri ta' bonds garantiti (CBPP2) tħabbar f'Ottubru 2011 u ntemm, kif ippjanat, f'Ottubru 2012.
  • Il-Programm tas-Swieq tat-Titoli (SMP), li jinkludi investimenti f'titoli ta' dejn pubbliku taż-żona tal-euro, beda f'Mejju 2010 u ġie mitmum f'Settembru 2012. Fir-rigward tal-SMP, l-Eurosistema assorbit mill-ġdid il-likwidità pprovduta permezz tal-SMP, bil-ħsieb li l-kundizzjonijiet tal-likwidità jibqgħu mhux affettwati mill-programm, permezz ta' operazzjoni ta' kull ġimgħa għall-assorbiment tal-likwidità sa Ġunju 2014.
  • Il-partita A7.1 tirrifletti wkoll l-investimenti tal-Eurosistema f'titoli mixtrija mill-Eurosistema skont il-programm estiż ta' xiri ta' assi (APP), li jikkonsisti mit-tielet programm ta' xiri ta' bonds garantiti (CBPP3), il-programm ta' xiri ta' titoli koperti b'assi (ABSPP), il-programm ta' xiri mis-settur pubbliku (PSPP) u l-programm ta' xiri mis-settur korporattiv (CSPP). Hu maħsub li dawn il-programmi jibqgħu jitwettqu sal-aħħar ta' Diċembru 2017, jew wara, jekk ikun meħtieġ, sakemm il-Kunsill Governattiv jara aġġustament sostnut fix-xejra tal-inflazzjoni li jkun konsistenti mal-għan tiegħu li r-rati tal-inflazzjoni jinżammu taħt, iżda qrib, it-2% fuq żmien medju.

It-titoli kollha inklużi fil-partita A7.1 jiġu valutati b'kost amortizzat, irrispettivament mill-għan tal-investiment. Kull sena jsir test tal-indeboliment.

Is-sezzjoni Kwistjonijiet oħra tal-kummentarju tista' tinkludi informazzjoni dwar bidliet sinifikanti fi kwalunkwe partita tal-karta tal-bilanċ tad-WFS li ma jkunux indirizzati awtomatikament fil-kummentarju.

Pereżempju, dan sar biex tiġi spjegata riklassifikazzjoni tal-kontijiet li twettqet biex tiġi armonizzata l-pubblikazzjoni tal-emergency liquidity assistance (ELA) ipprovduta mill-BĊN tal-Eurosistema lil istituzzjonijiet ta' kreditu domestiċi. Meta operazzjonijiet bħal dawn jieħdu l-forma ta' self kollateralizzat, jiġu inklużi fid-WFS taħt Krediti oħra kontra istituzzjonijiet ta' kreditu taż-żona tal-euro denominati f'euro (il-partita A6). Din il-partita turi wkoll kontijiet kurrenti, depożiti b'terminu fiss, flus minn jum għal jum u tranżazzjonijiet repo rriversjati li jsiru b'rabta mal-ġestjoni tal-portafolli ta' titoli miżmuma taħt il-partita A7.



[1] Il-partita A2 Krediti kontra residenti barra ż-żona tal-euro denominati f'munita barranija u l-partita A3 Krediti kontra residenti taż-żona tal-euro denominati f'munita barranija nieqsa l-partita P7 Obbligazzjonijiet lejn residenti taż-żona tal-euro denominati f'munita barranija, il-partita P8 Obbligazzjonijiet lejn residenti barra ż-żona tal-euro denominati f'munita barranija u l-partita P9 Kontroparti tad-drittijiet speċjali ta' kreditu allokati mill-FMI.

[2] Il-partita A5 Self lil istituzzjonijiet ta' kreditu taż-żona tal-euro relatat mal-operazzjonijiet tal-politika monetarja denominati f'euro nieqsa l-partiti P2.2 Faċilità tad-depożitu, P2.3 Depożiti b'terminu fiss, P2.4 Operazzjonijiet irriversjati ta' rfinar, P2.5 Depożiti relatati ma' sejħiet marġinali u P4 Ċertifikati ta' dejn maħruġa.

[3] L-operazzjonijiet ewlenin ta' rifinanzjament iservu biex jiggwidaw ir-rati tal-imgħax fuq żmien qasir, jimmaniġġaw is-sitwazzjoni tal-likwidità u biex jindikaw l-orjentament tal-politika monetarja fiż-żona tal-euro.

[4] Operazzjonijiet ta' rifinanzjament fuq żmien twil jipprovdu rifinanzjament addizzjonali fuq żmien itwal lis-settur finanzjarju. F'dawn l-aħħar snin l-operazzjonijiet regolari ġew supplimentati b'operazzjonijiet addizzjonali ta' rifinanzjament fuq żmien twil għall-provvediment ta' likwidità f'euro.

[5] Il-partita P1 Karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni u l-partita P2.1 Kontijiet kurrenti (li jkopru s-sistema ta' riżervi minimi) u l-partita P2.2 Faċilità tad-depożitu.

Kuntatti midja