- STQARRIJA TAL-POLITIKA MONETARJA
KONFERENZA STAMPA
Christine Lagarde, President tal-BĊE,
Luis de Guindos, Viċi-President tal-BĊE
Frankfurt am Main, 30 ta’ April 2026
Il-waranofsinhar it-tajjeb, il-Viċi-President u jien nilqgħukom għal din il-konferenza stampa.
Il-Kunsill Governattiv illum iddeċieda li jżomm it-tliet rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE mhux mibdula. Filwaqt li l-informazzjoni li qed tasal kienet konsistenti b’mod ġenerali mal-valutazzjoni preċedenti tagħna tal-prospettiva tal-inflazzjoni, ir-riskji ta’ żieda fl-inflazzjoni u r-riskji ta’ tnaqqis tat-tkabbir intensifikaw. Ninsabu impenjati li niffissaw il-politika monetarja sabiex jiġi żgurat li l-inflazzjoni tistabbilizza fil-mira tagħna ta’ 2% fuq perjodu ta’ żmien medju.
Il-gwerra fil-Lvant Nofsani wasslet għal żieda qawwija fil-prezzijiet tal-enerġija, li qed tgħolli l-inflazzjoni u hija ta’ piż fuq is-sentiment ekonomiku. L-implikazzjonijiet tal-gwerra għall-inflazzjoni u l-attività ekonomika fuq perjodu ta’ żmien medju se jiddependu fuq l-intensità u d-durata tal-iskoss fil-prezz tal-enerġija u l-iskala tal-effetti indiretti u tat-tieni fażi. Aktar ma ddum il-gwerra u aktar ma jibqgħu għoljin il-prezzijiet tal-enerġija, aktar ikun qawwi l-impatt probabbli fuq l-inflazzjoni fuq firxa aktar wiesgħa u fuq l-ekonomija.
Nibqgħu f’pożizzjoni tajba biex ninnavigaw l-inċertezza attwali. Iż-żona tal-euro daħlet għal dan il-perjodu ta’ prezzijiet tal-enerġija li qegħdin jogħlew b’inflazzjoni qrib il-mira ta’ 2%, u l-ekonomija wriet reżiljenza fit-trimestri reċenti. L-aspettattivi tal-inflazzjoni fuq żmien itwal jibqgħu ankrati sew, għalkemm l-aspettattivi tal-inflazzjoni fuq orizzonti iqsar żdiedu b’mod sinifikanti.
Se nimmonitorjaw is-sitwazzjoni mill-qrib u nsegwu approċċ dipendenti fuq id-data u approċċ laqgħa b’laqgħa sabiex niddeterminaw il-pożizzjoni xierqa tal-politika monetarja. B’mod partikolari, id-deċiżjonijiet tagħna dwar ir-rati tal-imgħax se jkunu bbażati fuq il-valutazzjoni tagħna tal-prospettiva tal-inflazzjoni u r-riskji ta’ madwarha, fid-dawl tad-data ekonomika u finanzjarja li tidħol, kif ukoll id-dinamiċi tal-inflazzjoni prinċipali, u s-saħħa tat-trażmissjoni tal-politika monetarja. M’aħniex qegħdin nimpenjaw ruħna minn qabel għal xi direzzjoni partikolari għar-rati.
Id-deċiżjonijiet meħuda llum huma spjegati fi stqarrija għall-istampa disponibbli fis-sit web tagħna.
Issa se niddeskrivi f’aktar dettall kif naraw li se jiżviluppaw l-ekonomija u l-inflazzjoni, u mbagħad se nispjega l-valutazzjoni tagħna tal-kundizzjonijiet finanzjarji u monetarji.
Attività ekonomika
L-ekonomija taż-żona tal-euro kienet qed turi xi momentum meta bdiet it-turbulenza attwali. Il-PDG reali żdied b’0.1 fil-mija fl-ewwel trimestru tal-2026, skont l-istima flash preliminari tal-Eurostat. Id-domanda domestika tibqa’ l-mutur ewlieni tat-tkabbir, appoġġata minn suq tax-xogħol reżiljenti. Madankollu, il-prospettiva ekonomika hija ferm inċerta u se tiddependi fuq kemm iddum il-gwerra fil-Lvant Nofsani u kemm taffettwa bis-saħħa s-swieq tal-enerġija u ta’ komoditajiet oħrajn, kif ukoll il-ktajjen tal-provvista globali.
L-informazzjoni li qed tasal tissuġġerixxi li l-kunflitt qed ikun ta’ piż fuq l-attività ekonomika. L-istħarriġiet jindikaw li t-tkabbir qed inaqqas fir-ritmu, u l-konsumaturi u n-negozji sar inqas kunfidenti dwar il-futur sa minn meta bdiet il-gwerra. Il-ħinijiet itwal ta’ konsenja u l-prezzijiet tal-fatturi tal-produzzjoni li qegħdin jogħlew jissuġġerixxu li l-ktajjen tal-provvista qegħdin jiġu taħt pressjoni.
Meta nħarsu ’l quddiem, l-ispejjeż għoljin tal-enerġija huma mistennija li jkomplu jkunu ta’ piż fuq id-dħul reali, biex b'hekk l-unitajiet domestiċi u d-ditti qegħdin joqogħdu aktar lura milli jikkunsmaw u jinvestu. Filwaqt li l-qgħad baqa’ qrib ir-rati storikament baxxi f’Marzu, b’rata ta’ 6.2 fil-mija, id-domanda għax-xogħol kompliet tbatti aktar. Fl-istess ħin, l-unitajiet domestiċi għadhom jibbenefikaw minn pożizzjoni finanzjarja soda, u l-investiment għandu jkompli jkun mirfud mill-infiq akbar tal-gvernijiet fuq id-difiża u l-infrastruttura u mid-ditti li qegħdin jinvestu dejjem aktar f’teknoloġiji diġitali ġodda. Dan il-punt ta’ tluq favorevoli jipprovdi xi lqugħ kontra l-konsegwenzi tal-gwerra.
Il-Kunsill Governattiv jenfasizza l-ħtieġa urġenti li tissaħħaħ l-ekonomija taż-żona tal-euro filwaqt li jinżammu finanzi pubbliċi sodi. Ir-risposti fiskali għall-iskoss fil-prezz tal-enerġija għandhom ikunu temporanji, immirati u mfassla apposta. Ir-riformi biex jitjieb il-potenzjal ta’ tkabbir taż-żona tal-euro u biex tiġi aċċelerata t-tranżizzjoni tal-enerġija biex titnaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili huma aktar vitali minn qatt qabel. It-tlestija tal-unjoni tat-tfaddil u tal-investimenti hija vitali għall-finanzjament tal-innovazzjoni, għall-appoġġ tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u għat-titjib tal-produttività. L-euro diġitali u l-flus tal-bank ċentrali tokenizzati bl-ingrossa se jtejbu l-awtonomija strateġika tal-Ewropa, il-kompetittività u l-integrazzjoni finanzjarja, u se jsaħħu l-innovazzjoni fil-pagamenti. Għaldaqstant huwa essenzjali li jiġi adottat b’ħeffa r-Regolament dwar l-istabbiliment tal-euro diġitali. Is-simplifikazzjoni u l-armonizzazzjoni tar-regoli madwar is-Suq Uniku tal-UE se jgħinu lid-ditti Ewropej jikbru aktar malajr.
Inflazzjoni
L-inflazzjoni żdiedet għal 3.0 fil-mija f’April, minn 2.6 fil-mija f’Marzu u 1.9 fil-mija fi Frar. Iż-żieda kienet xprunata mill-prezzijiet tal-enerġija li qegħdin jogħlew minħabba l-gwerra fil-Lvant Nofsani. L-inflazzjoni fil-prezzijiet tal-enerġija qabżet għal 10.9 fil-mija f’April, minn 5.1 fil-mija f’Marzu. L-inflazzjoni fil-prezzijiet tal-ikel żdiedet xi ftit għal 2.5 fil-mija f’April. L-inflazzjoni esklużi l-enerġija u l-ikel naqset għal 2.2 fil-mija, minn 2.3 fil-mija f’Marzu, li tirrifletti tnaqqis fl-inflazzjoni tas-servizzi, li naqset għal 3.0 fil-mija, minn 3.2 fil-mija f’Marzu. L-inflazzjoni tal-prodotti żdiedet għal 0.8 fil-mija, minn 0.5 fil-mija f’Marzu.
L-indikaturi tal-inflazzjoni sottostanti ftit inbidlu f'dawn l-aħħar xhur. Għalissa, l-indiċi tal-pagi tal-BĊE u l-istħarriġiet dwar l-aspettattivi tal-pagi jkomplu jindikaw illaxkar fl-ispejjeż tax-xogħol matul l-2026. Fl-istess ħin, l-istħarriġiet jindikaw żieda f’komponenti oħrajn tal-ispejjeż u fl-aspettattivi tal-prezzijiet tal-bejgħ. L-aspettattivi tal-inflazzjoni resqu ’l fuq b’mod sinifikanti fuq orizzonti iqsar. Il-biċċa l-kbira tal-miżuri tal-aspettattivi tal-inflazzjoni fuq żmien itwal huma ta’ madwar 2 fil-mija, u dan jappoġġa l-istabilizzazzjoni tal-inflazzjoni madwar il-mira tagħna fuq perjodu ta’ żmien medju.
Iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija se żżomm l-inflazzjoni ’l fuq minn 2 fil-mija fiż-żmien fil-qrib. Hekk kif il-perjodu ta’ prezzijiet għoljin tal-enerġija jitwal, jintensifika l-impatt probabbli fuq l-inflazzjoni fuq medda usa’ permezz ta’ effetti indiretti u tat-tieni fażi. Għalhekk se nimmonitorjaw mill-qrib id-daqs u l-persistenza taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija, u kif din tiġi trażmessa għall-prezzijiet u l-iffissar tal-pagi, l-aspettattivi tal-inflazzjoni, u d-dinamika ekonomika ġenerali.
Valutazzjoni tar-riskji
Ir-riskji għall-perspettiva ta' tkabbir jippuntaw lejn tnaqqis. Il-gwerra fil-Lvant Nofsani tibqa’ riskju ta’ tnaqqis għall-ekonomija taż-żona tal-euro, u żżid mal-ambjent volatili tal-politika globali. It-tfixkil prolongat tal-provvista tal-enerġija jista’ jżid aktar il-prezzijiet tal-enerġija u għal żmien itwal milli huwa mistenni attwalment. Dawn il-fatturi jnaqqru d-dħul u jġiegħlu lid-ditti u lill-unitajiet domestiċi joqogħdu aktar lura fl-investimenti u l-infiq. It-trażżin tat-tkabbir jintensifika jekk l-għeluq tar-rotot tat-tbaħħir prinċipali jikkawżaw tnaqqis akkut fil-fatturi ta’ produzzjoni ewlenin li jġiegħlu lid-ditti taż-żona tal-euro biex jillimitaw il-produzzjoni. Deterjorament fis-sentiment tas-swieq finanzjarji globali jista’ jkompli jnaqqas id-domanda. Frizzjonijiet addizzjonali fil-kummerċ internazzjonali jistgħu jaggravaw it-tfixkil tal-ktajjen tal-provvista, inaqqsu l-esportazzjonijiet u jdgħajfu l-konsum u l-investiment. Tensjonjiet ġeopolitiċi oħrajn, b’mod partikolari l-gwerra mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna, jibqgħu sors ta’ inċertezza maġġuri. Min-naħa l-oħra, it-tkabbir jista’ jirriżulta li jkun ogħla jekk l-ekonomija turi li hija aktar adattabbli għat-tfixkil ikkawżat mill-gwerra fil-Lvant Nofsani jew jekk il-kunflitt jissolva aktar malajr milli huwa mistenni attwalment. Barra minn hekk, l-infiq ippjanat fuq id-difiża u l-infrastruttura, ir-riformi għat-titjib tal-produttività, u l-adozzjoni ta’ teknoloġiji ġodda mid-ditti taż-żona tal-euro jistgħu jkomplu jixkprunaw it-tkabbir b’aktar milli huwa mistenni. Ftehimiet kummerċjali ġodda u integrazzjoni aktar profonda tas-Suq Uniku jistgħu jsaħħu wkoll it-tkabbir lil hinn mill-aspettattivi kurrenti.
Ir-riskji għall-prospettiva tal-inflazzjoni huma li tiżdied. Jekk il-prezzijiet tal-enerġija jogħlew aktar u għal żmien itwal milli huwa mistenni attwalment, l-inflazzjoni taż-żona tal-euro tkompli tiżdied aktar. Dan jissaħħaħ u jsir aktar persistenti jekk il-prezzijiet ogħla tal-enerġija jiġu trażmessi b’aktar milli huwa mistenni għal prezzijiet oħrajn u għall-pagi, jekk l-aspettattivi tal-inflazzjoni fuq perjodu ta’ żmien itwal jogħlew b’risposta għal dan, jew jekk il-ktajjen tal-provvista globali jiġu mfixkla fuq medda usa’. It-tensjonijiet fil-kummerċ li jinsabu għaddejjin jistgħu wkoll jikkawżaw ktajjen tal-provvista globali aktar frammentati, jirrestrinġu l-provvista ta’ materja prima kritika u jaggravaw il-limitazzjonijiet tal-kapaċità fl-ekonomija taż-żona tal-euro. B’kuntrast ma’ dan, l-inflazzjoni tista’ tkun aktar baxxa jekk jirriżulta li l-effetti ekonomiċi tal-gwerra fil-Lvant Nofsani jdumu għal żmien iqsar milli huwa mistenni attwalment jew jekk l-effetti indiretti jew tat-tieni fażi jkunu inqas qawwijin. Is-swieq finanzjarji aktar volatili u avversi għar-riskji jistgħu jrażżnu d-domanda u b’hekk inaqqsu wkoll l-inflazzjoni.
Kundizzjonijiet finanzjarji u monetarji
Il-gwerra fil-Lvant Nofsani kkawżat volatilità sinifikanti fis-swieq finanzjarji globali. Il-kundizzjonijiet finanzjarji ġenerali jibqgħu aktar issikkati minn qabel il-gwerra.
Il-kost biex jinħareġ dejn ibbażat fuq is-suq tela’ għal 3.9 fil-mija f’Marzu, minn 3.5 fil-mija fi Frar. Ir-rati tas-self mill-banek – ibbażati fuq data rreġistrata qabel il-gwerra – niżlu kemxejn għal 3.5 fil-mija fi Frar, filwaqt li r-rati tas-self ipotekarju baqgħu 3.4 fil-mija.
Ir-rata tat-tkabbir annwali tas-self tal-banek lid-ditti naqset għal 3.2 fil-mija f’Marzu, minn 3.0 fil-mija fi Frar, filwaqt li r-rata tat-tkabbir tal-ħruġ ta’ bonds korporattivi niżlet għal 3.9 fil-mija, minn 4.5 fil-mija fi Frar. L-istandards tal-kreditu għas-self lid-ditti ssikkaw fl-ewwel trimestru, kif ġie rrapportat fl-aħħar stħarriġ tagħna dwar is-self bankarju għaż-żona tal-euro. Dan l-issikkar kien minħabba li l-banek qegħdin isiru aktar imħassba dwar ir-riskji ekonomiċi li jiffaċċjaw il-klijenti tagħhom. Id-domanda għal self lid-ditti naqset kemxejn fl-ewwel trimestru, speċjalment għall-investiment fiss.
Is-self ipotekarju żdied bi 3.0 fil-mija f’Marzu, wara 3.1 fil-mija fi Frar, fost issikkar żgħir fl-istandards tal-kreditu u d-domanda mhux mibdula.
Konklużjoni
Il-Kunsill Governattiv illum iddeċieda li jżomm it-tliet rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE mhux mibdula. Ninsabu impenjati li niffissaw il-politika monetarja sabiex jiġi żgurat li l-inflazzjoni tistabbilizza fil-mira tagħna ta’ 2 fil-mija fuq perjodu ta’ żmien medju. Se nsegwu approċċ ibbażat fuq id-data u laqgħa b’laqgħa sabiex niddeterminaw il-pożizzjoni tal-politika monetarja xierqa. Id-deċiżjonijiet tagħna dwar ir-rati tal-imgħax se jkunu bbażati fuq il-valutazzjoni tagħna tal-prospettiva tal-inflazzjoni u r-riskji ta’ madwarha, fid-dawl tad-data ekonomika u finanzjarja li tidħol, kif ukoll id-dinamiċi tal-inflazzjoni prinċipali, u s-saħħa tat-trażmissjoni tal-politika monetarja. M’aħniex qegħdin nimpenjaw ruħna minn qabel għal xi direzzjoni partikolari għar-rati.
Fi kwalunkwe każ, aħna lesti li naġġustaw l-istrumenti kollha tagħna fi ħdan il-mandat tagħna biex niżguraw li l-inflazzjoni terġa’ lura għall-mira tagħna għal żmien medju u li nippreżervaw il-funzjonament bla xkiel tat-trażmissjoni tal-politika monetarja.
Issa lesti biex inwieġbu l-mistoqsijiet tagħkom.
Għall-kliem eżatt miftiehem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja
