- STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA
Deċiżjonijiet tal-politika monetarja
30 ta' April 2026
Il-Kunsill Governattiv illum iddeċieda li jżomm it-tliet rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE mhux mibdula. Filwaqt li l-informazzjoni li qed tasal kienet konsistenti b’mod ġenerali mal-valutazzjoni preċedenti mill-Kunsill Governattiv tal-prospettiva tal-inflazzjoni, ir-riskji ta’ żieda fl-inflazzjoni u r-riskji ta’ tnaqqis tat-tkabbir intensifikaw. Il-Kunsill Governattiv jinsab impenjat biex jiffissa l-politika monetarja sabiex jiġi żgurat li l-inflazzjoni tistabbilizza fil-mira ta’ 2% fuq perjodu ta’ żmien medju.
Il-gwerra fil-Lvant Nofsani wasslet għal żieda qawwija fil-prezzijiet tal-enerġija, li tgħolli l-inflazzjoni u hija ta’ piż fuq is-sentiment ekonomiku. L-implikazzjonijiet tal-gwerra għall-inflazzjoni u l-attività ekonomika fuq perjodu ta’ żmien medju se jiddependu fuq l-intensità u d-durata tal-iskoss fil-prezz tal-enerġija u l-iskala tal-effetti indiretti u tat-tieni fażi. Aktar ma ddum il-gwerra u aktar ma jibqgħu għoljin il-prezzijiet tal-enerġija, aktar ikun qawwi l-impatt probabbli fuq l-inflazzjoni fuq firxa aktar wiesgħa u fuq l-ekonomija.
Il-Kunsill Governattiv jibqa’ f’pożizzjoni tajba biex jinnaviga l-inċertezza attwali. Iż-żona tal-euro daħlet għal dan il-perjodu ta’ prezzijiet tal-enerġija li qegħdin jogħlew b’inflazzjoni qrib il-mira ta’ 2%, u l-ekonomija wriet reżiljenza fit-trimestri reċenti. L-aspettattivi tal-inflazzjoni fuq żmien itwal jibqgħu ankrati sew, għalkemm l-aspettattivi tal-inflazzjoni fuq orizzonti iqsar żdiedu b’mod sinifikanti.
Il-Kunsill Governattiv se jimmonitorja mill-qrib is-sitwazzjoni u jsegwi approċċ dipendenti fuq id-data u minn laqgħa għal laqgħa biex jiddetermina l-pożizzjoni xierqa tal-politika monetarja. B’mod partikolari, id-deċiżjonijiet tiegħu dwar ir-rata tal-imgħax se jkunu bbażati fuq il-valutazzjoni tiegħu tal-prospettiva tal-inflazzjoni u r-riskji assoċjati, fid-dawl tad-data ekonomika u finanzjarja li tidħol, kif ukoll id-dinamika tal-inflazzjoni sottostanti u l-qawwa tat-trażmissjoni tal-politika monetarja. Il-Kunsill Governattiv mhuwiex qed jimpenja ruħu minn qabel għal xi direzzjoni partikolari għar-rati.
Rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE
Ir-rati tal-imgħax fuq il-faċilità tad-depożitu, l-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament u l-faċilità ta’ self marġinali jibqgħu l-istess fil-livelli attwali tagħhom ta’ 2.00%, 2.15% u 2.40% rispettivament.
Il-programm ta' xiri ta' assi (APP) u l-programm ta’ xiri għall-emerġenza (PEPP)
Il-portafolli tal-APP u tal-PEPP qed jonqsu b’ritmu meqjus u prevedibbli, billi l-Eurosistema ma għadhiex tinvesti mill-ġdid il-pagamenti tal-kapital kollha mit-titoli li jimmaturaw.
***
Il-Kunsill Governattiv huwa lest sabiex jaġġusta l-istrumenti kollha tiegħu fi ħdan il-mandat tiegħu sabiex jiżgura li l-inflazzjoni tistabbilizza fil-mira tiegħu ta’ 2 % fuq perjodu ta’ żmien medju u li jippreserva l-funzjonament bla xkiel tat-trażmissjoni tal-politika monetarja. Barra minn hekk, l-Istrument ta’ Protezzjoni tat-Trasmissjoni huwa disponibbli sabiex jiġġieled dinamiċi tas-suq mhux mixtieqa u fixkiela li joħolqu theddida serja għat-trasmissjoni tal-politika monetarja fost il-pajjiżi taż-żona tal-euro kollha, u b’hekk jippermetti lill-Kunsill Governattiv jwettaq b’mod aktar effettiv il-mandat tiegħu tal-istabbiltà tal-prezzijiet.
Il-President tal-BĊE se tikkummenta dwar il-konsiderazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawn id-deċiżjonijiet f’konferenza stampa li tibda fit-14:45 CET illum.
Għall-kliem eżatt miftiehem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja