Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (flimkien mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Frar 2024

23 ta' Frar 2024

Il-politika monetarja

Emenda għall-kwestjonarju standard għall-istħarriġ dwar it-tislif mill-banek

Fid-29 ta’ Jannar 2024 il-Kunsill Governattiv approva emendi għall-kwestjonarju standard użat fl-istħarriġ dwar it-tislif mill-banek (BLS) taż-żona tal-euro. L-Eurosistema tagħmel rieżami regolari ta’ dan il-kwestjonarju, li wera li huwa siewi sabiex jiġu analizzati l-kundizzjonijiet tat-tislif mill-banek fiż-żona tal-euro sa minn meta ġie introdott il-BLS fl-2003, sabiex jiġu żgurati l-kwalità għolja, ir-relevanza u l-utilità tal-istħarriġ. L-aħħar emendi nżammu għal minimu sabiex tiġi limitata kwalunkwe żieda fil-piż tar-rapportar tal-banek parteċipanti. Il-bidliet se jiġu introdotti għall-edizzjoni tal-istħarriġ ta’ April 2024.

Operazzjonijiet tas-suq

Estensjoni tal-linji ta’ likwidità sa Jannar 2025

Fid-29 ta’ Jannar 2024 il-BĊE ħabbar li l-Kunsill Governattiv kien iddeċieda li jestendi l-linji ta’ riakkwist tiegħu b’seba’ banek ċentrali mhux taż-żona tal-euro (il-Magyar Nemzeti Bank, il-Bank tal-Albanija, l-Awtorità Finanzjarja tal-Andorra, il-Bank Nazzjonali tar-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq, il-Bank Ċentrali tar-Repubblika ta’ San Marino, il-Bank Ċentrali ta’ Montenegro u l-Bank Ċentrali tar-Repubblika tal-Kosovo) sal-31 ta’ Jannar 2025. Id-deċiżjoni ttieħdet wara l-adozzjoni, fl-2023, ta’ qafas ġdid għal-linji ta’ likwidità tal-euro, li huwa spjegat fuq is-sit web tal-BĊE.

Emendi għall-atti legali dwar l-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema

Fit-8 ta’ Frar 2024 il-Kunsill Governattiv adotta emendi għall-atti legali li jimplimentaw il-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema. L-atti legali emendatorji huma l-Linja Gwida BĊE/2024/4 li temenda l-Linja Gwida (UE) 2015/510 dwar l-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema; il-Linja Gwida BĊE/2024/5 li temenda l-Linja Gwida (UE) 2016/65 dwar il-haircuts fil-valutazzjoni applikati fl-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema; il-Linja Gwida BĊE/2024/6 li temenda l-Linja Gwida BĊE/2014/31 dwar miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward ta’ operazzjonijiet ta’ finanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral; u d-Deċiżjoni BĊE/2024/7 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2020/440 dwar programm temporanju ta' xiri ta' emerġenza fil-każ ta’ pandemija.

L-emendi introdotti se japplikaw sa mis-6 ta’ Mejju 2024 u jinkludu provvedimenti li permezz tagħhom l-istrumenti ta’ dejn għal żmien qasir ma jibqgħux jintużaw bħala kollateral taħt l-oqfsa ta’ pretensjonijiet ta’ kreditu addizzjonali (ACC), kjarifika ulterjuri tar-regoli tal-eliġibbiltà tal-kollateral għal assi b’garanti, l-istabbiliment ta’ lista armonizzata ta’ avvenimenti ta’ inadempjenza taħt il-qafas ġenerali, u emendi editorjali biex tiġi ssimplifikata u mtejba ċ-ċarezza. L-atti legali kollha jinsabu fis-sit web tal-BĊE.

Parir dwar leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar il-qafas ta’ komunikazzjoni għall-flus kontanti

Fis-6 ta’ Frar 2024 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2023/3 fuq talba tal-Magyar Nemzeti Bank.

Opinjoni tal-BĊE dwar imposta speċjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu

Fl-14 ta’ Frar 2024 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2024/4 mħejjija b’inizjattiva proprja tal-BĊE.

Governanza korporattiva

Deċiżjoni tal-BĊE dwar il-ġbir ta’ data rrapportata minn entitajiet taħt superviżjoni dwar valutazzjoni komparattiva għar-remunerazzjoni u dawk bi dħul għoli

Fid-29 ta’ Jannar 2024 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2024/2 dwar ir-rappurtar mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti lill-Bank Ċentrali Ewropew ta’ informazzjoni dwar ir-remunerazzjoni, id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa, proporzjonijiet ogħla approvati u dawk li jaqilgħu pagi għoljin għall-finijiet ta’ valutazzjoni komparattiva.

Rakkomandazzjoni tal-BĊE dwar l-awdituri esterni tal-Banque centrale du Luxembourg

Fil-29 ta' Jannar 2024 il-Kunsill Governattiv adotta r-Rakkomandazzjoni BĊE/2024/3 lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni tal-Banque centrale du Luxembourg.

Kontijiet Annwali tal-BĊE għall-2023

Fil-21 ta’ Frar 2024 il-Kunsill Governattiv approva r-rapporti finanzjarji verifikati tal-BĊE għas-sena finanzjarja 2023. Il-kontijiet annwali, flimkien ma’ stqarrija għall-istampa, jinsabu fuq is-sit web tal-BĊE.

Ħatra tal-Presidenti tal-Kumitat tal-Istatistika (STC) u tal-Kumitat tal-Awdituri Interni (IAC)

Fil-21 ta’ Frar 2024 il-Kunsill Governattiv ħatar lil Claudia Mann, id-Direttriċi Ġenerali tal-BĊE għall-Istatistika, u lil Banafsheh Geretzki, id-Direttriċi tal-BĊE għall-Awditu Intern, bħala Presidenti tal-STC u l-IAC rispettivament, b’effett immedjat u sal-31 ta’ Diċembru 2025, biex b’hekk it-termini tagħhom se jintemmu fl-istess żmien ma’ dawk tal-Presidenti l-oħrajn tal-kumitati tas-SEBĊ/tal-Eurosistema li nħatru jew inħatru mill-ġdid f’Diċembru 2022. Dawn il-ħatriet isegwu d-deċiżjonijiet reċenti ta’ ħatriet maniġerjali fi ħdan il-BĊE, li ġew ikkomunikati permezz ta’ stqarrijiet għall-istampa li jinsabu fuq is-sit web tal-BĊE.

Statistika

Valutazzjoni u ħarsa ġenerali kumplimentari tal-kost u l-benefiċċju tal-Qafas tar-Rappurtar Integrat (IReF)

Fl-1 ta’ Frar 2024 il-Kunsill Governattiv ħa nota ta’ rapport li jippreżenta valutazzjoni kumplimentari tal-kost u l-benefiċċju biex tiġi indirizzata l-estensjoni tar-Regolament IReF biex ikopri rekwiżiti speċifiċi għal kull pajjiż, u ta’ nota li tippreżenta ħarsa ġenerali lejn il-proġett IReF tal-Eurosistema. Kemm ir-rapport kif ukoll in-nota huma disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE.

Superviżjoni Bankarja tal-BĊE

Gwida tal-BĊE riveduta għall-mudelli interni

Fil-5 ta’ Frar 2024 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju biex jippubblika l-gwida riveduta tal-BĊE għall-mudelli interni, wara l-inkorporazzjoni tal-kummenti li ngħataw waqt il-konsultazzjoni pubblika relatata, flimkien ma’ dikjarazzjoni tal-feedback li tipprovdi ħarsa ġenerali u valutazzjoni tal-kummenti li ntbagħtu. Il-gwida u d-dikjarazzjoni tal-feedback huma disponibbli fuq is-sit web tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja