European Central Bank - eurosystem
Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (minbarra d-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Marzu 2018

Politika monetarja

Konformità tal-banek ċentrali mal-projbizzjonijiet fuq il-finanzjament monetarju u l-aċċess privileġġat

Fil-21 ta’ Marzu 2018, bi qbil mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) li jattribwixxi l-kompitu lill-BĊE li jissorvelja l-konformità tal-banek ċentrali tal-UE mal-projbizzjonijiet imsemmijin fl-Artikoli 123 u 124 tat-TFUE u r-Regolamenti relatati, il-Kunsill Governattiv approva r-rapport dwar il-konformità għas-sena 2017. Tagħrif ieħor dwar dan jinsab f’taqsima speċifika tar-Rapport Annwali 2017 tal-BĊE li se jiġi pubblikat fil-websajt tal-BĊE fid-9 ta’ April 2018.

Komunikazzjoni esterna

Skedi tal-laqgħat tal-Kunsill Governattiv u tal-Kunsill Ġenerali tal-BĊE għall-2019

Fit-2 ta' Marzu 2018 il-Kunsill Governattiv approva l-iskeda tal-laqgħat tiegħu għall-2019. Wara li l-Kunsill Ġenerali approva l-iskeda tal-laqgħat tiegħu fis-16 ta' Marzu 2018, iż-żewġ kalendarji ġew ippubblikati fil-websajt tal-BĊE.

Rapport Annwali tal-BĊE 2017

Fid-19 ta’ Marzu 2018 il-Kunsill Governattiv adotta r-Rapport Annwali tal-BĊE 2017, li se jiġi ppreżentat lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tal-Parlament Ewropew u li se jkun disponibbli fil-websajt tal-BĊE bi 22 lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fid-9 ta’ April 2018.

Operazzjonijiet tas-suq

It-tweġiba tal-Eurosistema għall-konsultazzjoni pubblika tal-ESMA dwar ir-rekwiżiti ta' divulgazzjoni tat-titolizzazzjonijiet

Fid-9 ta' Marzu 2018 il-Kunsill Governattiv approva t-tweġiba tal-Eurosistema għall-konsultazzjoni pubblika tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) dwar ir-rekwiżiti ta' divulgazzjoni tat-titolizzazzjonijiet. Din il-konsultazzjoni pubblika ssegwi l-mandat mogħti lill-ESMA bir-Regolament (UE) 2017/2402, li jistabbilixxi qafas ġenerali għat-titolizzazzjoni u joħloq qafas speċifiku għal titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata, biex iħejji diversi standards tekniċi regolatorji ħalli l-qafas jiġi implimentat bis-sħiħ. Dan il-qafas se japplika mill-1 ta' Jannar 2019. It-tweġiba tal-Eurosistema tinsab fil-websajt tal-ESMA.

Aspetti tekniċi tal-implimentazzjoni tal-programm ta’ xiri ta’ assi

Fil-15 ta' Marzu 2018 il-Kunsill Governattiv approva żewġ aspetti tekniċi tal-implimentazzjoni fir-rigward tal-programm ta’ xiri ta’ assi (APP). L-ewwel, il-Kunsill Governattiv approva x-xiri ta' bonds minn seba' entitajiet fil-programm ta’ xiri mis-settur pubbliku (PSPP), kif propost mid-Deutsche Bundesbank u wara valutazzjoni tal-eliġibbiltà li għamlu l-Kumitat tal-Eurosistema għall-Operazzjonijiet tas- Suq u l-Kumitat għall-Maniġġ tar-Riskji. Dawn is-seba' entitajiet huma Investitionsbank Berlin, Investitionsbank Schleswig-Holstein, Sächsische Aufbaubank-Förderbank, LfA Förderbank Bayern, Bayerische Landesbodenkreditanstalt, Wirtschafts- und Infrastrukturbank u Hamburgische Investitions- und Förderbank. It-tieni, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jżid il-limitu massimu ta' flus kontanti bħala kollateral għall-programm tal-Eurosistema għas-self ta' titoli minn €50 biljun għal €75 biljun. Din iż-żieda ta' €25 biljun hi proporzjonali għaż-żieda fl-investimenti tal-PSPP minn meta l-flus kontanti ġew introdotti bħala kollateral għas-self ta' titoli f'Diċembru 2016. Iżjed tagħrif dettaljat dwar il-parametri operazzjonali tal-APP u l-eżekuzzjoni tiegħu hu disponibbli fil-websajt tal-BĊE.

It-trattament tar-rappurtar TLTRO-II tar-riorganizzazzjoni korporattiva li tinvolvi ex istituzzjonijiet tranżitorji

Fil-15 ta' Marzu 2018 il-Kunsill Governattiv approva bidla fit-trattament tar-rappurtar fit-tieni sensiela ta’ Operazzjonijiet Speċifiċi ta’ Rifinanzjament għal Żmien Itwal (TLTRO-II) biex jipprovdi għal sitwazzjonijiet speċifiċi li ma kienux mistennija meta ġiet adottata d-Deċiżjoni (UE) 2016/810 (BĊE/2016/10), li tistabbilixxi qafas legali għal dawn l-operazzjonijiet. B'mod speċifiku, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li għal riorganizzazzjonijiet korporattivi li jinvolvu istituzzjonijiet li tul it-tieni perijodu referenzjali (kif definit fl-Artikolu 1(14) tad-Deċiżjoni (UE) 2016/810) kellhom status ta' istituzzjoni temporanja (kif definit fl-Artikolu 2(59) tad-Direttiva 2014/59/UE) għal aktar minn 12-il xahar, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(6) tad-Deċiżjoni (UE) 2016/810 m'għandhomx japplikaw. Minflok, l-istituzzjoni ewlenija tat-TLTRO-II għandha tirreġistra ċ-ċifri rilevanti tas-self tal-istituzzjoni temporanja akkwistata fit-tieni template tar-rappurtar tal-istituzzjoni ta' kreditu bħala aġġustament għall-ammont pendenti ta' self eliġibbli.

Infrastruttura tas-suq u pagamenti

Aġġornament 2017 tad-dokumentazzjoni tal-mudell tal-attività bankarja ċentrali korrispondenti

Fit-22 ta' Frar 2018 il-Kunsill Governattiv approva aġġornament tal-proċeduri tal-mudell tal-attività bankarja ċentrali korrispondenti (CCBM) għall-kontropartijiet tal-Eurosistema (“Ktejjeb tas-CCBM”) u l-pubblikazzjoni tiegħu fil-websajt tal-BĊE, flimkien ma' anness tekniku msejjaħ “CCBM information for counterparties - summary of legal instruments used in the euro area” (Tagħrif tas-CCBM għall-kontropartijiet – ġabra fil-qosor tal-istrumenti legali li jintużaw fiż-żona tal-euro), li ġie aġġornat ukoll f'dan is-sens. Dan l-aġġornament annwali kien jinkludi biss emendi fattwali żgħar. Iż-żewġ dokumenti emendati jinsabu fil-websajt tal-BĊE.

Mandat rivedut tal-Forum Ewropew għas-Sigurtà ta' Pagamenti Individwali

Fit-2 ta' Marzu 2018 il-Kunsill Governattiv approva mandat rivedut tal-Forum Ewropew għas-Sigurtà ta' Pagamenti Individwali (SecuRe Pay), li ġie stabbilit fl-2011 bħala forum kooperattiv volontarju bejn is-superviżuri tal-fornituri tas-servizzi ta' ħlas u s-superviżuri tas-sistemi ta' ħlas u l-istrumenti ta' ħlas fi ħdan l-Unjoni Ewropea u ż-Żona Ekonomika Ewropea. Il-mandat jiġi rivedut kull tant żmien. Ir-reviżjonijiet reċenti jirriflettu l-istruttura organizzazzjonali attwali tal-BĊE u l-ABE fil-livell ta' kumitat, u jiċċaraw ċerti aspetti proċedurali tal-ħidma tal-forum, u jinkludu żewġ osservaturi addizzjonali fil-forum, jiġifieri s-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni. Il-mandat aġġornat ta' SecuRe Pay jinsab fil-websajt tal-BĊE.

Opinjonijiet dwar leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1092/2010 dwar is-sorveljanza makroprudenzjali min-naħa tal-Unjoni Ewropea u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku

Fit-2 ta' Marzu 2018 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2018/12 wara talba mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Opinjoni tal-BĊE dwar ir-riżoluzzjoni tal-arretrati fuq self ipotekarju fl-Irlanda

Fil-5 ta’ Marzu 2018 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2018/13 wara talba tal-President tal-Kumitat Konġunt għall-Ġustizzja u l-Ugwaljanza ta' Oireachtas (il-Parlament Nazzjonali Irlandiż).

Opinjoni tal-Kunsill Governattiv dwar rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-ħatra tal-Viċi President tal-Bank Ċentrali Ewropew

Fis-7 ta’ Marzu 2018 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2018/14 wara talba tal-President tal-Kunsill Ewropew.

Opinjoni tal-BĊE dwar is-sigurtà u l-protezzjoni ta’ infrastrutturi kritiċi

Fil-21 ta’ Marzu 2018 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2018/15 wara talba tal-Gvernatur ta’ Nationale Bank van België/Banque Nationale de Belgique, f’isem il-Ministeru tal-Finanzi tal-Belġju.

Governanza korporattiva

Kompatibbiltà tal-miżuri imposti fuq il-Gvernatur ta' Latvijas Banka mal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew

Fis-7 ta' Marzu 2018 il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jirreferi l-kwistjoni msemmija hawn fuq lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 14.2 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew.

Rakkomandazzjoni tal-BĊE lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni tal-Banque de France

Fid-9 ta' Marzu 2018 il-Kunsill Governattiv adotta r-Rakkomandazzjoni BĊE/2018/9 lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni tal-Banque de France. Ir-Rakkomandazzjoni ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fil-websajt tal-BĊE.

Statistika

It-tieni konsultazzjoni pubblika dwar rata ġdida tal-imgħax tal-euro overnight mhux garantita

Fil-15 ta' Marzu 2018 il-Kunsill Governattiv approva t-tnedija tat-tieni konsultazzjoni pubblika dwar il-karatteristiċi dettaljati tar-rata ġdida tal-imgħax tal-euro overnight mhux garantita. Permezz tal-konsultazzjoni li se tkun miftuħa sal-20 ta' April 2018, il-BĊE għandu l-għan li jiġbor il-fehmiet tal-partijiet interessati dwar il-metodoloġija tar-rata l-ġdida kif ukoll il-parametri operazzjonali u tekniċi ewlenin. Id-dokumentazzjoni tal-konsultazzjoni pubblika, flimkien ma’ stqarrija għall-istampa relatata, tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Regolament tal-BĊE u Linja Gwida tal-BĊE dwar investimenti f’titoli

Fit-22 ta' Frar 2018 il-Kunsill Governattiv adotta r-Regolament BĊE/2018/7 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1011/2012 u l-Linja Gwida BĊE/2018/8 li temenda l-Linja Gwida BĊE/2013/7, li t-tnejn jikkonċernaw statistika dwar investimenti f'titoli. Dawn l-atti legali jintroduċu żewġ bidliet ewlenin. L-ewwel, il-gruppi bankarji jistgħu minn issa 'l quddiem jirrappurtaw id-dejta tal-istatistika tal-investimenti tagħhom f'titoli (SHS) direttament lill-BĊE, minflok permezz tal-bank ċentrali nazzjonali (BĊN) rispettiv tagħhom, sakemm il-BĊN rispettiv jiddeċiedi favur dik l-għażla u jinforma lill-BĊE u lill-aġent konċernat li jirrapporta. It-tieni, l-entitajiet sinifikanti kollha u l-gruppi sinifikanti kollha taħt is-superviżjoni diretta tal-BĊE għandhom jikkwalifikaw bħala gruppi bankarji SHS li jirrappurtaw fl-ambitu tar-Regolament BĊE/2018/7. Dawn iż-żewġ atti legali ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fil-websajt tal-BĊE.

Superviżjoni bankarja

Dikjarazzjoni dwar istituzzjoni “li tkun se tfalli jew x'aktarx li tfalli”

Fit-23 ta’ Frar 2018 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal valutazzjoni mħejjija mill-Bord Superviżorju u n-notifika sussegwenti lill-Bord Uniku ta’ Rizoluzzjoni li kien se jiddetermina li ABLV Bank AS, u s-sussidjarju tiegħu fil-Lussemburgu, ABLV Bank Luxembourg SA, kienu qed ifallu jew x'aktarx li jfallu minħabba li s-sitwazzjoni tal-likwidità tal-bank marret għall-agħar b'mod sinifikanti. Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni ġie konsultat dwar il-valutazzjoni mħejjija skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014, u qabel mal-valutazzjoni. Stqarrija għall-istampa relatata tinsab fis-sit tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.

Addendum finali għall-Gwida tal-BĊE lill-banek dwar self improduttiv

Fit-2 ta' Marzu 2018 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta tal-Bord Superviżorju li jippubblika l-addendum finali għall-Gwida tal-BĊE lill-banek dwar self improduttiv, wara l-konsultazzjoni pubblika relatata mnedija fl-4 ta' Ottubru 2017 u li għalqet fit-8 ta' Diċembru 2017, li dwarha daħlu aktar minn 450 kumment individwali. L-iżjed kummenti materjali u sinifikanti huma mqassra f'dikjarazzjoni ta' tweġibiet tal-konsultazzjoni, li ġiet ippubblikata fil-15 ta' Marzu 2018 flimkien mal-addendum finali u flimkien ma' stqarrija għall-istampa relatata, li kollha huma disponibbli fil-websajt tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.

L-iżjed mistoqsijiet komuni dwar l-istrateġija Brexit għall-perijodu tat-transizzjoni

Fil-5 ta’ Marzu 2018 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta tal-Bord Superviżorju li jippubblika l-iżjed mistoqsijiet komuni (FAQs) dwar l-istrateġija Brexit għall-perijodu tat-transizzjoni. Dawn l-FAQs, li jikkunsidraw il-ftehim bejn is-27 Stat Membru li se jibqgħu fl-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit biex jinnegozjaw perijodu transitorju possibbli fit-tieni fażi tan-negozjati ta' rtirar u l-implikazzjonijiet ta' dan l-iżvilupp għall-aspettattivi superviżorji tal-BĊE, huma disponibbli fil-websajt tas-sorveljanza bankarja tal-BĊE.

Rapport annwali tal-2017 dwar l-attivitajiet superviżorji

Fit-12 ta’ Marzu 2018 il-Kunsill Governattiv adotta r-Rapport Annwali tal-BĊE 2017 dwar l-attivitajiet superviżorji, imħejji skont l-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 (“Regolament MSU”), u awtorizza l-pubblikazzjoni u t-trażmissjoni tiegħu lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Eurogrupp, u lill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri parteċipanti. Ir-rapport se jiġi ppubblikat fil-websajt tas-sorveljanza bankarja tal-BĊE nhar it-Tnejn, 26 ta' Marzu 2018, wara li jiġi ppreżentat mill-President tal-Bord Superviżorju lill-Parlament Ewropew f'dak l-istess jum.

Konsultazzjoni pubblika dwar il-kapitolu tas-suġġetti ġenerali tal-Gwida tal-BĊE dwar mudelli interni

Fid-19 ta’ Marzu 2018 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta tal-Bord Superviżorju biex iniedi konsultazzjoni pubblika dwar l-abbozz tal-kapitolu tas-suġġetti ġenerali tal-Gwida tal-BĊE dwar mudelli interni. Dan il-kapitolu jipprovdi trasparenza dwar kif il-BĊE għandu l-għan li jiżgura fehim uniformi tas-suġġetti ġenerali (i.e. mhux speċifiċi għall-mudell), b'mod partikolari għall-approċċ intern ibbażat fuq klassifikazzjonijiet, jiġifieri l-prinċipji ġenerali għal mudelli interni, inkluża l-implimentazzjoni tal-approċċ intern ibbażat fuq klassifikazzjonijiet, il-governanza tal-mudelli interni, il-validazzjoni interna, il-verifika interna, l-użu tal-mudelli, il-ġestjoni tat-tibdil tal-mudelli u l-involviment ta' partijiet terzi. Hu mistenni li l-konsultazzjoni pubblika titnieda dalwaqt fil-websajt tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja